Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Mejju 2011 - Ryanair vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-423/07)1

("Għajnuna mill-Istat - Kompetizzjoni - Abbuż minn pożizzjoni dominanti - Settur tal-avjazzjoni - Użu esklużiv tat-terminal 2 tal-ajruport ta' München - Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni - Teħid ta' pożizzjoni mill-Kummissjoni - Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni - Obbligu li tittieħed azzjoni - Assenza")

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentant: E. Vahida, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Flynn, S. Noë u E. Righini, aġenti)

Suġġett

Talba sabiex jiġi kkonstatat nuqqas li tittieħed azzjoni mill-Kummissjoni inkwantu naqset illegalment milli tieħu pożizzjoni fuq l-ilment tar-rikorrenti dwar, minn naħa, għajnuna allegatament mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil Lufthansa u lis-soċji tagħha tal-iStar Alliance, taħt il-forma ta' użu esklużiv tat-Terminal 2 tal-ajruport ta' München u, min-naħa l-oħra, allegat abbuż ta' pożizzjoni dominanti mill-ajruport ta' München.

Dispożittiv

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għal dikjarazzjoni ta' nuqqas li tittieħed azzjoni ppreżentati minn Ryanair Ltd fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat favur Lufthansa.

It-talbiet għal dikjarazzjoni ta' nuqqas li tittieħed azzjoni ppreżentati minn Ryanair fir-rigward tal-allegata għajnuna mill-Istat favur is-soċji ta' Lufthansa tal-iStar Alliance huma miċħuda.

It-talbiet għal dikjarazzjoni ta' nuqqas li tittieħed azzjoni ppreżentati minn Ryanair fir-rigward tal-allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti huma miċħuda.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż ta' Ryanair.

Ryanair għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

____________

1 - ĠU C 8, 12.1.2008.