Language of document : ECLI:EU:T:2011:226

Kawża T-423/07

Ryanair Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Settur tal-avjazzjoni — Użu esklużiv tat-terminal 2 tal-ajruport ta’ München — Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Teħid ta’ pożizzjoni mill-Kummissjoni — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni — Obbligu li tittieħed azzjoni — Assenza”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Nuqqas li tittieħed azzjoni rrimedjat wara l-preżentata tar-rikors — Tmiem tal-iskop tar-rikors — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Artikoli 232 KE u 233 KE)

2.      Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Ilment dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni — Intimazzjoni lill-Kummissjoni — Kundizzjonijiet

(Artikoli 81 KE, 82 KE u 232 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 7; Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004, premessi 6 u 7, u Artikolu 5(1))

1.      Ir-rimedju previst fl-Artikolu 232 KE, li għandu għanijiet differenti mir-rimedju previst fl-Artikolu 226 KE huwa bbażat fuq l-idea li n-nuqqas ta’ azzjoni illegali tal-istituzzjoni inkwistjoni jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita sabiex tiddikjara li n-nuqqas li tittieħed azzjoni jmur kontra t-trattat, meta l-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx għamlet tajjeb għal dan in-nuqqas. Din id-dikjarazzjoni għandha l-effett, skont l-Artikolu 233 KE, li l-istituzzjoni konvenuta għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għall-azzjonijiet għad-danni minħabba responsabbiltà mhux kuntrattwali li jistgħu jirriżultaw mill-istess dikjarazzjoni.

Fil-każ li l-att li n-nuqqas tiegħu huwa l-iskop tal-kawża jkun ġie adottat wara li jkun ġie ppreżentat ir-rikors, iżda qabel ma tingħata s-sentenza, dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-illegalità tan-nuqqas inizjali ma tkunx għad tista’ twassal għall-konsegwenzi previsti mill-Artikolu 233 KE. Minn dan jirriżulta li, f’każ bħal dan, bħal fejn l-istituzzjoni konvenuta tkun irreaġixxiet għat-talba sabiex tieħu azzjoni fit-terminu ta’ xahrejn, l-iskop tar-rikors ma jkunx għadu jeżisti, b’mod li ma jkunx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni. Il-fatt li dan it-teħid ta’ pożizzjoni tal-istituzzjoni ma jagħtix sodisfazzjon lir-rikorrenti huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-Artikolu 232 KE jkopri n-nuqqas li tittieħed azzjoni billi ma titteħidx deċiżjoni jew pożizzjoni u mhux l-adozzjoni ta’ att differenti minn dak li din il-parti xtaqet jew ikkunsidrat neċessarju.

(ara l-punt 26)

2.      Sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni illegalment fir-rigward ta’ allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti, għandu jiġi eżaminat jekk, fi żmien l-intimazzjoni fis-sens tal-Artikolu 232 KE, din l-istituzzjoni kellhiex obbligu li tieħu azzjoni.

Meta l-Kumissjoni tirċievi lment b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1/2003, u Nru 773/2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 [KE] sa 82 [KE], għall-ksur ta’ dawn l-artikoli, hija għandha teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li tkun ġiet mgħarrfa bihom mill-persuna li tilmenta sabiex tiddeċiedi, f’terminu raġonevoli, jekk għandhiex tibda l-proċedura biex jiġi kkonstatat ksur jew jekk għandhiex tiċħad l-ilment mingħajr ma tibda l-proċedura jew tipproċedi għall-arkivjar tal-każ. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-eżami ta’ lment, skont l-Artikolu 82 KE, huwa inġustifikat jew superfluwu, hija għandha tinforma lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha, billi tesponi l-motivi tagħha, b’tali mod li l-legalità tagħha tkun tista’ tiġi mistħarrġa.

Madankollu, skont il-premessi 6 u 7 tar-Regolament Nru 773/2004, sabiex jitqies bħala lment li jallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mill-Artikoli 81 KE u 82 KE, ilment bilfors għandu jkun konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 773/2004 dwar l-ammissibbiltà tal-ilmenti, li jipprovdi espressament, minn naħa, li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għandhom juru interess leġittimu biex ikunu jistgħu jressqu lment għall-finijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, li l-ilment għandu jinkludi l-informazzjoni previta fil-formola C li tinsab fl-anness tar-Regolament Nru 773/2004.

(ara l-punti 52, 53, 55)