Language of document : ECLI:EU:T:2015:654

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Settembru 2015 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Distribuzzjoni ta’ posta — Miżuri adottati mill-awtoritajiet Ġermaniżi favur Deutsche Post AG — Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE — Interess ġuridiku — Ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa — Effetti ta’ sentenza ta’ annullament”

Fil-Kawża T‑421/07 RENV,

Deutsche Post AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Sedemund u T. Lübbig, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Martenczuk, T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

UPS Europe NV/SA, stabbilita f’Brussell (il-Belġju),

u

UPS Deutschland Inc. & Co. OHG, stabbilita f’Neuss (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn T. Ottervanger, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Settembru 2007 dwar il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) [KE] fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur Deutsche Post AG [għajnuna mill-Istat C 36/07 (ex NN 25/07)],

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, I. Pelikánová u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-7 ta’ Lulju 1994, il-kumpannija ta’ distribuzzjoni ta’ pakketti UPS Europe NV/SA ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-konfront tal-impriża pubblika postali Ġermaniża Deutsche Bundespost Postdienst (iktar ʼil quddiem id-“DB‑Postdienst”), li l-attivitajiet tagħha ġew assunti, sa mill-1 ta’ Jannar 1995, mir-rikorrenti, Deutsche Post AG. Dan l-ilment, ibbażat kemm fuq l-Artikolu 86 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 82 KE) kif ukoll fuq l-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 87 KE), ġie segwit minn ilment ieħor imressaq, fl-1997, mill-assoċjazzjoni tal-fornituri privati ta’ servizzi marbuta mat-twassil ta’ messaġġi u mat-trasport fi żmien qasir ta’ posta u ta’ pakketti, il-Bundesverband Internationaler Express‑ und Kurierdienste eV.

2        UPS Europe u l-Bundesverband Internationaler Express-und Kurierdienste jallegaw li DB‑Postdienst tmexxi politika ta’ bejgħ b’telf fis-settur miftuħ għall-kompetizzjoni tal-pakketti minn bieb għal bieb, iffinanzjata minn dħul iġġenerat fis-settur tat-trasport tal-posta, li fih hija tgawdi minn monopolju legali jew għajnuna kuntrarji għall-Artikolu 87 KE.

3        Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Awwissu 1999, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-23 ta’ Ottubru 1999 (ĠU C 306, p. 25), il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ eżami formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta’ diversi miżuri li skonthom ir-rikorrenti kienet ibbenefikat minn fondi pubbliċi (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-1999”).

4        Fid-19 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/753/KE dwar miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur ir-rikorrenti (ĠU L 247, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2002”), li d-dispożittiv tagħha huwa redatt kif ġej:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat fl-ammont ta’ EUR 572 miljun (DEM 1 118.7 miljuni), li [ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] tat [lir‑rikorrenti], hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1. [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tirkupra mingħand [ir-rikorrenti] l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1, li ngħatatilha illegalment.

[…]”

5        Permezz tas-sentenza tagħha tal-1 ta’ Lulju 2008, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (T‑266/02, Ġabra, iktar ʼil quddiem is-“sentenza ta’ annullament”, EU:T:2008:235), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-2002. L-appell tal-Kummissjoni minn din is-sentenza ġie miċħud bis-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, Ġabra, EU:C:2010:481).

6        Fil-11 ta’ Mejju 2004, UPS Europe ressqet ilment ieħor quddiem il-Kummissjoni fejn sostniet li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tal-2002, ma kinitx eżaminat il-miżuri pubbliċi kollha msemmija fl-ilment tal-1994 u li l-vantaġġi li kienet tgawdi minnhom ir-rikorrenti kienu ħafna iktar mill-ammont li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tiegħu. Min-naħa tagħha, fis-16 ta’ Lulju 2004, TNT Post AG & Co. KG ippreżentat ilment li jallega li t-tariffi tas-servizz iffatturati mir-rikorrenti lil waħda mis-sussidjarji tagħha kienu eċċessivament baxxi, peress li dawn is-servizzi kienu ffinanzjati permezz ta’ dħul li joriġina mis-settur tat-trasport ta’ posta.

7        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi favur Deutsche Post AG [għajnuna C 36/07 (ex NN 25/07)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Id-deċiżjoni kkontestata hija ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Ottubru 2007 (ĠU C 245, p. 21) fil-lingwa awtentika (il-Ġermaniż), ippreċedut minn sommarju fil-lingwi uffiċjali l-oħra.

8        Fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni fakkret il-proċeduri adottati fil-konfront tar-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 87 KE, mill-1994. Hija invokat il-ħtieġa li titwettaq investigazzjoni globali dwar id-distorsjonijiet kollha tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-fondi pubbliċi mogħtija lir-rikorrenti u lill-predeċessur tagħha u indikat li l-proċedura miftuħa permezz tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-1999 ser tiġi kkompletata sabiex tiġi inkluża l-informazzjoni li ġiet ikkomunikata reċentement u sabiex tiġi adottata pożizzjoni definittiva dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn il-fondi mat-Trattat KE (premessi 1 sa 15 tal-att ikkontestat).

9        Fit-tieni lok, il-Kummissjoni enfasizzat li l-“investigazzjoni addizzjonali” li hija kellha l-intenzjoni twettaq “b’ebda mod ma [kienet ser] tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-2002”, liema deċiżjoni tikkonstata li “għajnuna mill-Istat fl-ammont ta’ EUR 572 miljun kienet intużat għas-sussidju trażversali ta’ attivitajiet kummerċjali, mingħajr ma tiddeċiedi dwar il-kwistjoni [dwar] jekk [ir-rikorrenti u l-predeċessur tagħha] kinux irċevew kumpens eċċessiv [għat-twettiq tal-funzjoni ta’ SIEĠ tagħhom] minn fondi pubbliċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni spjegat li hija kellha l-intenzjoni tiddetermina jekk kienx hemm kumpens addizzjonali, minbarra dawn il-EUR 572 miljun, u ddikjarat li hija kienet ser teżamina l-miżuri pubbliċi kollha adottati favur l-impriżi msemmija bejn l-1 ta’ Lulju 1989, id-data meta nħolqot id-DB-Postdienst, u l-31 ta’ Diċembru 2007, id-data li fiha huwa kkunsidrat li ntemmet il-funzjoni tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali tar-rikorrenti (premessa 15 tal-att ikkontestat).

10      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni semmiet tliet miżuri pubbliċi li kienu bbenefikaw minnhom id-DB-Postdienst u r-rikorrenti (premessi 25 sa 32, 38, 39 u 40 sa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tliet miżuri msemmija fil-punt 10 iktar ʼil fuq jew kienu għajnuna mill-Istat, jew kien hemm riskju li jkunu għajnuna mill-Istat (premessi 76 sa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni indikat li sejra teżamina sa fejn il-kumpens mogħti lir-rikorrenti u lill-predeċessur tagħha kien neċessarju sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni ta’ missjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (premessi 80 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Finalment, fis-sitt lok, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex “tesprimi l-pożizzjoni tagħha f’terminu ta’ xahar minn meta tirċievi [l-att ikkontestat]” u sabiex “tikkomunika l-informazzjoni utli kollha għall-evalwazzjoni legali tal-miżuri msemmija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

14      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni ppreżentat risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2008 li permezz tagħha talbet lill-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors ippreżentat quddiemha bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat, u li tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Frar 2008, UPS Europe u UPS Deutschland Inc. & Co. OHG (iktar ʼil quddiem, meħuda flimkien bħala, “UPS”) talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

17      Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Lulju 2008, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent ta’ UPS.

18      Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (T‑421/07, Ġabra, EU:T:2011:720), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli u kkundannat lir-rikorrenti għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għall-dawk sostnuti mill-Kummissjoni. UPS ġiet ikkundannata għall-ispejjeż tagħha.

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti appellat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

20      Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (C‑77/12 P, iktar ʼil quddiem is-“sentenza tal-appell”, EU:C:2013:695), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, irrinvijat il-kawża quddiemha u rriżervat l-ispejjeż.

 Il-proċedura u t-talbiet wara r-rinviju

21      Wara s-sentenza tal-appell u skont l-Artikolu 118(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Novembru 2013.

22      Skont l-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet bil-miktub fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit-23 ta’ Diċembru 2013 u fid-19 ta’ Frar 2014. UPS irrinunzjat għall-preżentazzjoni ta’ nota ta’ osservazzjonijiet bil-miktub fis-17 ta’ April 2014.

23      Il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet lill-partijiet fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, abbażi tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li għalihom dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu stabbilit. Il-Qorti Ġenerali xtaqet, b’mod partikolari, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u bil-ħsieb tal-aħjar ġestjoni tat-tliet kawżi pendenti quddiemha, bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, senjatament, fl-ewwel lok, il-kawża odjerna, fit-tieni lok, il-kawża T‑388/11, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, u, fit-tielet lok, il-kawża T‑152/12, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, li tkun taf l-opinjoni tal-partijiet fuq dawk li jistgħu jew għandhom ikunu l-prijoritajiet fir-rigward tal-ordni ta’ trattament ta’ dawn il-kawżi u l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ kawża waħda jew iktar sakemm jiġu deċiżi l-kawżi rimanenti. Fil-kawża T‑388/11, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 3081 finali, tal-10 ta’ Mejju 2011, li testendi l-proċedura ta’ eżami formali pendenti, li tikkonċerna l-istanzi ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Ġermanja lir-rikorrenti bħala kumpens għal-obbligi tagħha ta’ servizz universali, għas-sussidji mħallsa mill-awtoritajiet Ġermaniżi favur ir-rikorrenti bil-għan li tkun koperta l-ispiża tal-pensjonijiet tal-impjegati li għandhom l-istatus ta’ uffiċjali [għajnuna mill-Istat C 36/27 (ex NN 25/07)]. Fil-kawża T‑152/12, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-Artikoli 1, 2 u 4 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2012/636/UE, tal-25 ta’ Jannar 2012, li tikkonċerna l-miżura C 36/07 (ex NN 25/07) implementata mill-Ġermanja favur ir-rikorrenti (ĠU L 289, p. 1).

24      Wara l-osservazzjonijiet tal-partijiet, permezz tad-digrieti tal-15 ta’ Settembru 2014 tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T‑388/11, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, u tal-President tat-Tmien Awla fil-kawża T‑152/12, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, dawn iż-żewġ kawżi ġew sospiżi sakemm tingħata deċiżjoni li tagħlaq din l-istanza tal-kawża odjerna.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Jannar 2015.

26      Fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha tat-23 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ddeżistiet parzjalment mir-rikors. Hija rrinunzjat għat-talba tagħha ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din fetħet il-proċedura ta’ eżami formali fir-rigward ta’ ċerti garanziji pubbliċi mogħtija lill-predeċessur tagħha u lilha stess. Hija żammet inoltrat il-kumplament tar-rikors tagħha u, għalhekk, fir-rigward tal-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami formali inkonnessjoni ma’ miżuri oħra pubbliċi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (iktar ʼil quddiem il-“miżuri kkontestati”).

28      Il-Kummissjoni, sostnuta minn UPS, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li ma hemmx iktar lok li tiddeċiedi dwar ir-rikors;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-interess ġuridiku

29      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent fid-dawl tas-suġġett tar-rikors għandu jiġi evalwat, taħt piena ta’ inammissibbiltà, fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors. Barra minn hekk, l-interess ta’ dan ir-rikorrent li jikseb sodisfazzjon għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-qorti, taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs L-Awtorità Għolja, 14/63, Ġabra, EU:C:1963:60, punt 748, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra, EU:C:2007:322, punt 42).

30      Fl-osservazzjonijiet tagħha wara r-rinviju, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tilfet l-interess ġuridiku tagħha fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata bħala konsegwenza tal-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 u titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors.

31      Il-Kummissjoni tfakkar li, fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikors għandu jitqies li huwa ammissibbli fil-mument tal-preżentata tiegħu, fit-22 ta’ Novembru 2007, minkejja l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, peress li, f’din id-data, l-imsemmi annullament kien għadu ma seħħx. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl ta’ dan l-annullament, ir-rikors kienx tilef l-iskop tiegħu ulterjorment. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tirrileva, minn naħa, li l-proċedura ta’ eżami formali miftuħa bid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-1999 kienet tikkonċerna l-miżuri kkontestati u, min-naħa l-oħra, li s-sempliċi effett legali tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-obbligu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tissospendi l-miżuri kkontestati fil-kors tal-eżekuzzjoni, kien diġà jirriżulta fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-1999. Issa, minħabba l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, fl-1 ta’ Lulju 2008, ġiet miftuħa mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami formali permezz tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-1999. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, hija kienet marbuta, skont l-Artikolu 233 KE, li tadotta l-miżuri kollha li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament, inkluż l-għeluq, b’deċiżjoni definittiva, tal-proċedura ta’ eżami formali miftuħa. Minn dan kollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma għadux jista’ jirriżulta f’vantaġġ għar-rikorrenti, sa fejn, minn naħa, il-proċedura ta’ eżami formali kienet ser tibqa’ miftuħa u kellha tingħalaq biss b’deċiżjoni definittiva u sa fejn, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ sospensjoni tal-miżuri fil-kors ta’ eżekuzzjoni kien ser jibqa’ jeżisti.

32      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u ssostni li hija tikkonserva interess ġuridiku fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

33      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-interess ġuridiku previst mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 29 iktar ʼil fuq jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li għandha tipperdura fil-każ ta’ appell sakemm il-qorti tagħti deċiżjoni fuq il-mertu. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali interess jeżisti sakemm l-appell jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ressqitu (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-550/07 P, Ġabra p. I‑8301, EU:C:2010:512, punti 22 u 23).

34      Issa, peress li, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 sar fl-1 ta’ Lulju 2008, u għalhekk qabel l-għoti tas-sentenza tal-appell, u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet dan l-annullament fis-sentenza tagħha u ma setgħetx għaldaqstant tinjora l-effetti tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li, billi laqgħet l-appell ippreżentat mir-rikorrenti, impliċitament iżda neċessarjament, hija qieset li r-rikorrenti kien għad għandha interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata anki wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002.

35      Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti għad għandha interess ġuridiku fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jiġifieri l-eżistenza ta’ diversi deċiżjonijiet suċċessivi adottati mill-Kummissjoni mill-1999 dwar il-miżuri li jikkonċernaw il-miżuri adottati favuriha, u, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanza li l-aċċettazzjoni ta’ ċerti argumenti invokati mir-rikorrenti, dwar l-osservanza tat-terminu raġonevoli, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors setgħet tirriżulta mhux biss fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll f’effetti fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li teħodha inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-eżami ulterjuri ta’ dawn il-miżuri.

36      Għaldaqstant, it-talba li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mressqa mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

37      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent tqajjem tliet motivi, ikkontestati mill-Kummissjoni kif sostnuta minn UPS. Dawn il-motivi huma bbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-prinċipji fundamentali tal-proċedura, fit-tieni lok, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, fit-tielet lok fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Artikolu 88 KE.

38      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tressaq diversi lmenti. Permezz tal-ewwel wieħed minn dawn l-ilmenti, li jeħtieġ li jiġi eżaminat fl-ewwel lok, hija tikkontesta l-possibbiltà li l-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ eżami formali fir-rigward tal-miżuri kkontestati, peress li dawn kienu ġew suġġetti għal proċedura ta’ eżami formali magħluqa u li kien skada t-terminu raġonevoli għat-twettiq tal-eżami rikjest. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma tistax tirrikjedi l-irkupru ta’ għajnuna illegali wara perijodu eċċessiv ta’ inattività bil-għan li jiġi ppreservat il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif ukoll il-prinċipji ġenerali tal-proċedura, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ċertezza legali, jipprekludu l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura magħluqa.

39      Il-Kummissjoni twieġeb li t-terminu skorrut qabel l-adozzjoni tal-deċiżjoni kkontestata huwa raġonevoli, fid-dawl, minn naħa, tal-kumplessità tal-eżami tal-ispejjeż u tad-dħul tad-DB‑Postdienst u tar-rikorrenti matul iktar minn 20 sena u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li hija rċeviet informazzjoni wara li adottat id-deċiżjoni tal-2002 qajmet mistoqsijiet ġodda. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999 kien jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għall-għajnuna illegali, u l-aspettattivi leġittimi ma jissejsux fuq l-iskadenza ta’ termini jkun previst terminu ta’ preskrizzjoni espliċitu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li hija kienet marbuta li tirriprendi l-proċedura ta’ eżami formali wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, fatt li kien sempliċement antiċipat mid-deċiżjoni, u li, peress li deċiżjoni finali setgħet titħassar skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999, hija ma għandhiex karattru neċessarjament definittiv.

40      Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kisritx ir-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi adottat id-deċiżjoni kkontestata.

41      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq is-sentenza tal-appell, u r-rikorrenti, fit-tweġiba tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 23 iktar ʼil fuq, kif ukoll waqt is-seduta, ikkonfermaw li l-miżuri kkontestati kienu diġà ġew suġġetti għal proċedura ta’ eżami formali miftuħa bid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-1999, kif kienet diġà kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 56 sa 60 tas-sentenza Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, punt 18 iktar ʼil fuq (EU:T:2011:720), u l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-appell ma rrilevatx l-eżistenza ta’ xi żball fuq dan il-punt.

42      Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-proċedura ta’ eżami formali fir-rigward tal-miżuri kkontestati nfetħet fl-1999.

43      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 659/1999, applikabbli għall-proċedura marbuta mal-għajnuna illegali skont l-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament, il-proċedura ta’ eżami formali hija magħluqa permezz ta’ deċiżjoni skont il-paragrafi 2 sa 5 tal-istess artikolu, bl-eċċezzjoni tal-każ ta’ rtirar tan-notifika mill-Istat Membru kkonċernat, u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tal-appell li l-Kummissjoni kienet, permezz tad-deċiżjoni tal-2002, kompletament għalqet il-proċedura ta’ eżami formali miftuħa fl-1999 (sentenza tal-appell, punti 56 sa 64).

44      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha titqies, fir-rigward tal-miżuri kkontestati, li hija deċiżjoni ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura ta’ eżami formali kompletament magħluqa.

45      Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 jippermetti li titħassar deċiżjoni li tkun għalqet il-proċedura ta’ eżami formali fil-każ biss fejn din tkun ibbażata fuq informazzjoni mhux eżatta trażmessa matul il-proċedura u li tkun ta’ importanza determinanti. F’dan l-artikolu huwa indikat ukoll li, qabel ma titħassar din id-deċiżjoni u ma tiġi adottata oħra, għandha tinfetaħ il-proċedura ta’ eżami formali.

46      Ċertament l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 ma jikkostitwixxix l-unika possibbiltà, għall-Kummissjoni, li temenda deċiżjoni ta’ għeluq tal-proċedura ta’ eżami formali.

47      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija biss espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jgħid li t-tħassir retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi huwa ammess, b’mod partikolari ladarba l-att amministrattiv inkwistjoni ġie adottat abbażi ta’ indikazzjonijiet li ma humiex eżatti jew inkompleti pprovduti mill-parti interessata. Il-possibbiltà li jiġi rtirat b’mod retroattiv att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi ma hijiex madankollu limitata għal din iċ-ċirkustanza biss, peress li t-tali rtirar jista’ dejjem iseħħ, bla ħsara għall-osservanza, mill-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att, tal-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta’ jafda fil-legalità ta’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra, EU:T:2007:257, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Madankollu, il-Kummissjoni qatt ma kienet tipprevedi li tħassar jew tirtira d-deċiżjoni tal-2002, kif hija rrikonoxxiet fl-atti tagħha, u ma sostnietx li din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni mhux eżatta, iżda ġġustifikat il-ftuħ ta’ proċedura ta’ eżami formali ġdida min-neċessità li tikkompleta l-proċedura miftuħa fl-1999 bil-għan li tintegra informazzjoni li ġiet ikkomunikata reċentement (premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li din id-deċiżjoni ma tissostitwixxix id-deċiżjoni tal-2002 (ara l-punt 9 iktar ʼil fuq).

49      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li hija deċiżjoni ta’ rtirar jew ta’ tħassir tad-deċiżjoni tal-2002 adottata, jew abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999 jew b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jistabbilixxi li l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali huwa ammess f’ċertu ċirkustanzi.

50      Fir-raba’ lok, hemm lok li jiġi osservat li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 659/1999 ma tagħti lill-Kummissjoni l-faklutà li tiftaħ mill-ġdid proċedura ta’ eżami formali magħluqa u li tadotta deċiżjoni ġdida mingħajr ma tħassar jew tirtira d-deċiżjoni magħluqa.

51      Ċertament, tali ftuħ mill-ġdid ma huwiex ipprojbit espliċitament mir-Regolament Nru 659/1999. Madankollu, dan imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll kontra l-ispirtu tal-imsemmi regolament, li l-premessa 3 tiegħu turi li l-bżonn li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali kien wieħed mir-raġunijiet għall-adozzjoni tiegħu u li l-premessa 9 tiegħu tindika li l-proċedura ta’ eżami formali hija magħluqa permezz ta’ deċiżjoni “finali”.

52      Fil-fatt, minn naħa, tali ftuħ mill-ġdid kien jimplika l-koeżistenza fl-ordinament ġuridiku taż-żewġ deċiżjonijiet inkompatibbli. Min-naħa l-oħra, jekk tiġi ammessa l-possibbiltà tal-Kummissjoni li tiftaħ mill-ġdid proċedura ta’ eżami formali magħluqa u li tadotta deċiżjoni ġdida mingħajr ma tħassar jew tirtira minn qabel id-deċiżjoni tal-għeluq, il-Kummissjoni tkun permessa li tmur lura f’kull mument minn dik id-deċiżjoni, u b’hekk tipprekludi lill-partijiet ikkonċernati mill-proċedura ta’ eżami magħluqa li jkollhom l-inqas ċertezza fuq is-sitwazzjoni legali.

53      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, hemm lok li jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn din fetħet mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami formali li kienet magħluqa kompletament bid-deċiżjoni tal-2002 bil-għan li tittieħed, mingħajr it-tħassir jew l-irtirar ta’ din tal-aħħar, deċiżjoni ġdida.

54      Il-Kummissjoni ammettiet, waqt is-seduta, li l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura ta’ eżami formali magħluqa kompletament, bħal dik f’dan il-każ, kien illegali fl-assenza tat-tħassir jew tal-irtirar tad-deċiżjoni tal-għeluq. Madankollu, skont il-Kummissjoni, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, iċ-ċirkustanza li l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 kellu l-effett li jisparixxi retroattivament mill-ordinament ġuridiku, id-deċiżjoni ta’ għeluq tal-proċedura ta’ eżami formali miftuħa fl-1999. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali.

55      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-legalità ta’ att għandu jiġi evalwat b’kunsiderazzjoni tal-mument tal-adozzjoni tiegħu (sentenza tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra, EU:C:1979:29, punt 7). Issa, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fl-2007, is-sentenza ta’ annullament, li ngħatat fl-2008, ma kinitx għadha eżistenti u l-Kummissjoni ma setgħetx teħodha inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, l-annullament ulterjuri retroattiv tad-deċiżjoni tal-2002 ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza tagħha waqt l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni proċedurali prevalenti qabel l-imsemmi annullament, kif jirriżulta mis-sentenza tal-appell, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-deċiżjoni tal-2002 kienet għadha tifforma parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u kienet għadha fis-seħħ (sentenza tal-appell, punti 65 u 66).

56      Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet fuq il-premessa li d-deċiżjoni tal-2002 ma kinitx għalqet b’mod sħiħ il-proċedura u li, konsegwentement, il-kontinwazzjoni tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, ikkostitwiet “investigazzjoni” (ara l-punt 9 iktar ʼil fuq). Issa, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-appell, din il-premessa kienet żbaljata u l-Kummissjoni ma kellhiex dritt li tadotta d-deċiżjoni kkontestata billi tibbaża ruħha fuq din il-premessa (ara l-punt 53 iktar ʼil fuq).

57      Huwa ċertament korrett li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 231 KE, meta r-rikors għal annullament ikun fondat, il-Qorti tal-Unjoni għandha tiddikjara l-att ikkontestat bħala null u ineżistenti. Skont ġurisprudenza stabbilita, minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ annullament tal-qorti tal-Unjoni tikkanċella retroattivament l-att ikkontestat fir-rigward tal-individwi kollha [sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, Ġabra, EU:C:2006:356, punt 43, u tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, Ġabra, EU:C:2008:79, punt 61]. Għalhekk, sa mis-sentenza ta’ annullament, id-deċiżjoni tal-2002 ġiet ikkanċellata retroattivament.

58      L-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 bis-sentenza ta’ annullament imponiet fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tadotta l-miżuri li tinvolvi l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, b’mod konformi mal-Artikolu 233KE. Għal dan l-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din id-deċiżjoni ġiet ikkanċellata retroattivament.

59      Fuq dan l-aħħar imsemmi punt, jeħtieġ li jitfakkar li sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament u teżegwixxiha b’mod sħiħ, l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat hija obbligata tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tagħha, fis-sens li huma jkunu indispensabbli sabiex jiġi ddeterminat is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni preċiża kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, jindikaw ir-raġunijiet preċiżi tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 199, EU:C:1988:199, punt 27).

60      Għalhekk, fir-rigward tal-ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura ta’ eżami formali magħluqa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, meta l-Kummissjoni tiftaħ mill-ġdid tali proċedura wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-għeluq, legalment din tkun tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik li tkun tinsab fiha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li ma tkunx ibbażata fuq l-ineżistenza tad-deċiżjoni tal-2002.

61      Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka b’mod validu s-sentenza ta’ annullament sabiex issostni l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata meta din tkun ġiet adottata b’kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni tal-2002, li ġiet annullata b’din is-sentenza. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tista’, f’dawn il-kundizzjonijiet tikkostitwixxi, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, “antiċipazzjoni” tas-sentenza ta’ annullament.

62      Fl-aħħar, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ għeluq ta’ proċedura ta’ eżami formali għandha titqies, fl-assenza tal-irtirar jew tat-tħassir ta’ din id-deċiżjoni, li hija kundizzjoni formali neċessarja u preliminari għall-ftuħ mill-ġdid tal-imsemmija proċedura. Jekk le, il-partijiet ikkonċernati mill-proċedura ta’ eżami formali jiġu mpoġġija f’sitwazzjoni ta’ inċertezza dwar in-natura tad-deċiżjoni ta’ ftuħ mill-ġdid, inkompatibbli mal-bżonn li tissaħħaħ iċ-ċertezza legali li hija waħda mir-raġunijiet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 659/1999 (ara l-punt 51 iktar ʼil fuq).

63      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex dritt li tadotta d-deċiżjoni kkontestata qabel l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002. Għaldaqstant, l-ewwel ilment ippreżentat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv huwa fondat.

64      Peress li għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-motivi, ilmenti u argumenti oħra ppreżentati mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

65      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti għar-rikors għal annullament, inklużi l-ispejjeż sostnuti fil-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

66      UPS għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Settembru 2007, dwar il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) [KE] fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur Deutsche Post AG [għajnuna mill-Istat C 36/07 (ex NN 25/07)] hija annullata sa fejn din tiftaħ il-proċedura ta’ eżami formali fir-rigward tal-miżuri pubbliċi msemmija, bl-eċċezzjoni tal-garanziji mill-Istat mogħtija favur Deutsche Bundespost Postdienst u favur Deutsche Post.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għal dawk ukoll sostnuti minn Deutsche Post għar-rikors għal annullament, inklużi dawk sostnuti fil-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

3)      UPS Europe NV/SA u UPS Deutschland Inc. & Co. OHG għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.