Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Novembru 2007 - DJEBEL vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-422/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: DJEBEL, SGPS, SA (Funchal, il-Portugall) (rappreżentanti: M. Andrade Neves u S. Castro Caldeira)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-10 ta' Mejju 2007, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewopea fl-24 ta' Awwissu 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat C 4/2006 (ex N 180/2005) - Il-Portugall - Għajnuna lil Djebel [innotifikata bin-numru C(2007) 1959] (ĠU L 219, p. 30).

li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li :

l-għajnuna mitluba kienet u tibqa' essenzjali għat-twettiq tal-proġett ta' investiment li jikkonsisti fl-akkwist tal-kapital ta' RASH u ta' l-akkwist sussegwenti tal-Hotel Rio Atlàntico;

l-għajnuna ntalbet qabel ma twettaq l-investiment ;

l-proġett ta' Djebel effettivament jikkorrispondi għall-ewwel esperjenza ta' internalizzazzjoni tal-Grupp Pestana;

l-iżvilupp ta' l-imsemmi proġett ma biddilx il-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ta' l-impriżi Ewropej, kemm dawk stabbiliti fit-territorju Komunitarju kif ukoll dawk li joperaw barra ;

l-iżvilupp ta' dan il-proġett ma fisser ebda sitwazzjoni ta' vantaġġ għall-Grupp Pestana li jkun jista' joħloq distorsjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri ;

l-għajnuna mitluba minn Djebel għandha l-istess karatteristiċi bħal dik li ntalbet minn Vila Galé, li l-Kummissjoni approvat permezz tad-deċiżjoni tagħha tal-15 ta' Ottubru 2003.

li jiġi ddikjarat li l-għoti ta' l-għajnuna lil Djebel, fit-termini u għar-raġunijiet indikati, ma jirriżultax inkompatibbli ma' xi dispożizzjoni tat-Trattat KE u lanqas ma' xi dispożizzjoni leġiżlattiva li twettaqaha ;

li jiġi ordnat li tinbidel id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fl-10 ta' Mejju 2007 dwar l-għajnuna mitluba minn Djebel, b'mod li din id-deċiżjoni tipprovdi li l-għajnuna in kwistjoni tiġi awtorizzata fit-termini proposti minn Djebel u mill-awtoritajiet Portugiżi.

Motivi u argumenti prinċipali

L-għajnuna mill-Istat mitluba mir-rikorrenti mhijiex inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet applikabbli tat-Trattat KE.

Djebel kellha aspettativi leġittimi li l-kandidatura tagħha tiġi inkluża fis-SIME u l-Kummissjoni hija marbuta li tirrispetta r-rekwiżiti għall-ammissibbiltà tal-kandidatura li jinsabu fil-liġi tar-Repubblika Portugiża applikabbli għal dan il-każ.

Il-leġiżlazzjoni Portugiża applikabbli tipprovdi li t-talbiet ippreżentati sal-31 ta' Jannar 2001 jistgħu jinkludu l-ispejjeż ta' investiment imwettqa wara l-1 ta' Lulju 1999 bħala sussidji rimborżabbli.

L-għajnuna mill-Istat in kwistjoni kienet intiża li tinċentiva u ssostni l-internazzjonalizzazzjoni tal-Grupp Pestana u kienet intalbet qabel ma beda l-investiment.

Ir-rikorrenti ma tistax tbati dannu minħabba l-fatt li l-awtoritajiet responsabbli damu sabiex jevalwaw il-proġett.

L-għajnuna mitluba mir-rikorrenti ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u finanzjarju attwali.

Mingħajr l-għajnuna in kwistjoni, ir-rikorrenti ma kinitx twettaq l-investiment li jikkorrispondi għall-proġett in kwistjoni.

L-ewwel esperjenza ta' internazzjonalizzazzjoni żviluppata mll-Grupp Pestana tikkorrispondi għall-akkwist mir-rikorrenti fil-kuntest ta' dan il-proġett ta' investiment.

Fl-1999, il-Grupp Pestana ma kellux mezzi finanzjarji sabiex waħdu jiggarantixxi t-twettiq ta' l-investiment fil-Brażil.

It-twettiq ta' dan l-investivment ma kellu ebda impatt sinjifikattiv fuq il-kundizzjonijiet kummerċjali ta' l-UE.

Ma teżisti ebda relazzjoni bejn l-akkwist li sar mir-rikorrenti fil-Brażil u l-espansjoni tal-Grupp Pestana fil-Portugall.

Il-proġett ta' investiment ippreżentat mir-rikorrenti u l-għajnuna li ngħatat lilha huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, b'mod partikolari l-Artikolu 87(3) (c) tat-Trattat KE.

L-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti ffaċilitat l-iżvilupp ta' attività ekonomika, li b'hekk taqa' taħt id-deroga li tinsab fl-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat KE.

Ma jeżisti ebda ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jew tal-leġiżlazzjoni sussidjarja u ebda effett li joħloq distorsioni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

Skond il-prinċipju ta' trattament ugwali, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-proġett ta' investiment in kwistjoni jinkludi l-karatteristiċi kollha li jinsabu fil-progett Vila Galé - li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 2003 - id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajuna mill-Istat C 4/2006 kellha tkun l-istess bħad-deċiżjoni l-oħra.

____________