Language of document : ECLI:EU:T:2009:238

Kawża T‑419/07

Okalux GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark Komunitarja verbali OKATECH — Revoka parzjali — Terminu għall-preżentata ta’ appell — Artikoli 57 u 77a tar‑Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikoli 58 u 80 tar‑Regolament (KE) Nru 207/2009] — Prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali — Dritt għal smigħ”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Kanċellament jew revoka

(Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, Artikolu 77a)

2.      Proċedura — Termini — Dekadenza — Possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjoni

1.      Għalkemm l-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja ma jipprovdix espressament għar-revoka parzjali, il-kliem ta’ din id‑dispożizzjoni ma jeskluduhiex. Barra minn hekk, ir-Regola 53a tar-Regolament Nru 2868/95, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94, tipprovdi li, qabel ma jgħaddi għar-revoka, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) “għandu jinforma lill-parti milquta b’din ir-revoka”. Il‑parti milquta tista’ tippreżenta xi kummenti “dwar din ir-revoka” u, jekk il-parti milquta ma taċċettax ir-revoka, l-UASI għandu jagħti deċiżjoni “dwar ir-revoka”. Għalhekk, il-proċedura applikabbli tippermetti li r-revoka tkun, jekk ikun il-każ, limitata għal parti mid-deċiżjoni, sakemm il-prinċipju ta’ kontradittorju jiġi osservat.

L-interpretazzjoni li taċċetta l-possibbiltà ta’ revoka parzjali tad-deċiżjonijet hija konsistenti mal-ispirtu tar-Regolamenti Nru 40/94 u Nru 2868/95, li jipprovdu għall-possibbiltà ta’ rettifika tad-deċiżjonijiet tal-UASI qabel ma l-każ jiġi deċiż fl-istanza tal-appell, b’mod partikolari, fl-Artikolu 60a tar-Regolament Nru 40/94, dwar ir-reviżjoni, fir-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95, dwar il-korrezzjoni ta’ żbalji, u fir-Regola 53a tar-Regolament Nru 2868/95, dwar ir-revoka.

(ara l-punti 37, 39)

2.      Biex jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex tiġi evitata d-dekadenza li tirriżulta mill-fatt li jinqabeż it-terminu għall-preżentata ta’ appell, appellant għandu jkun jista’ jinvoka aspettattivi bbażati fuq assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni Komunitarja jew minn aġir ta’ din l-amministrazzjoni ta’ natura li joħloq konfużjoni ammissibbli f’moħħ persuna li tkun aġixxiet in bona fide u li tkun eżerċitat id-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna b’livell normali ta’ prudenza.

(ara l-punt 52)