Language of document : ECLI:EU:T:2009:238

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Lulju 2009 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark Komunitarja verbali OKATECH – Revoka parzjali – Terminu tal-appell – Artikoli 57 u 77a tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikoli 58 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali – Dritt għal smigħ”

Fil-Kawża T‑419/07,

Okalux GmbH, stabbilita f’Marktheidenfeld (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Beckensträter, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern      (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Schäffner, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Messe Düsseldorf GmbH, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn I. Friedhoff, sussegwentement minn S. von Petersdorff-Campen, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat-3 ta’ Settembru 2007 (Każ R 766/2007-2), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Messe Düsseldorf GmbH u Okalux GmbH,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn V. Tiili, President, F. Dehousse (Relatur) u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Novembru 2007,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Frar 2008,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Jannar 2008,

wara li rat l-ittri tal-intervenjenti u tar-rikorrenti, tas-17 u tal-25 ta’ Marzu 2008, rispettivament, li jindikaw li huma ma kinux ser jipparteċipaw fis-seduta,

wara li rat id-deċiżjoni tal-11 ta’ April 2008 li tirrifjuta li tawtorizza l-preżentazzjoni ta’ replika,

wara li rat l-ittra tar-rikorrenti tas-16 ta’ Diċembru 2008 li tindika li kienet ser tipparteċipa fis-seduta,

wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-25 ta’ Awwissu 1998, ir-rikorrenti, Okalux GmbH, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali OKATECH. Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 6, 19, u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat. It-trade mark ġiet irreġistrata fil-15 ta’ Diċembru 2000.

2        Fis-16 ta’ Diċembru 2005, l-intervenjenti, Messe Düsseldorf GmbH, ressqet talba għal revoka parzjali tat-trade mark verbali OKATECH, taħt l-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009), fejn sostniet li ma sarx użu ġenwin mit-trade mark għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin. Din it-talba kienet limitata għas-servizzi indikati, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-klassi 42 skont il-Ftehim ta’ Nice u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni “arkitettura, disinn”.

3        B’deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, innotifikata fl-istess ġurnata, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba tal-intervenjenti għal revoka parzjali u ordnat lil kull parti tbati l-ispejjeż tal-proċedimenti tagħha.

4        Wara talba tal-intervenjenti, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, b’ittra tas-6 ta’ Frar 2007, informat lill-partijiet bl-intenzjoni tagħha, skont l-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009), li tirrevoka d-deċiżjoni tagħha fit-termini li ġejjin:

“Bil-preżenti qegħdin tiġu informati li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għandha l-intenzjoni li tirrevoka d-deċiżjoni tagħha tal-[21] ta’ Diċembru 2006 fil-proċedimenti msemmija iktar ’il fuq […]

Ir-raġuni għal din ir-revoka hija li d-deċiżjoni fiha żball proċedurali manifest attribwibbli lill-[UASI]. Fid-deċiżjoni tiegħu, huwa sostna, bi żball, li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, meta t-talba [tal-intervenjenti] kienet inlaqgħet fit-totalità tagħha, jiġifieri r-revoka parzjali tat-trade mark Komunitarja kkontestata għas-servizzi msemmija iktar ’il fuq.

Għaldaqstant, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ser tirrevoka d-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 77a tar-Regolament [Nru 40/94] u eventwalment ser tirrettifika d-deċiżjoni tagħha, billi tistabbilixxi li l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja għandu jħallas l-ispejjeż inkorsi mill-[intervenjenti] fil-kuntest tal-proċedimenti.

Intom awtorizzati tippreżentaw il-kummenti tagħkom bħala risposta f’terminu, mhux estendibbli, ta’ xahar li jibda jiddekorri minn meta tasal din in-notifika.

Wara li [l-UASI] [j]irċievi l-kummenti tagħkom, [huwa] [j]irrevoka d-deċiżjoni [tiegħu], dwar l-iffissar tal-ispejjeż, u [j]ieħu deċiżjoni ġdida.”

5        Fis-7 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti kkuntattjat, permezz tat-telefon, lill-UASI sabiex issir taf is-segwitu tal-proċedimenti u t-termini tal-appell.

6        Fil-5 ta’ Marzu 2007, wara l-ittra tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tas-6 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti ppreżentat xi kummenti.

7        B’deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2007, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni rrevokat id-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2006 unikament sa fejn tikkonċerna l-iffissar tal-ispejjeż tal-proċedimenti, b’applikazzjoni tal-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regola 53a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189). Hija attribwiet il-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedimenti inkorsi mill-intervenjenti, fil-kuntest tal-proċedimenti li wasslu għad-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, lir-rikorrenti. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fil-fatt ikkonstatat li d-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2006 kienet ivvizzjata bi żball proċedurali manifest li kien attribwibbli lilha, peress li hija kienet sostniet, bi żball, li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tal-proċedimenti tagħha, meta t-talba tal-intervenjenti kienet intlaqgħet. Hija fakkret ukoll, fid-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Marzu 2007, li l-partijiet kienu ġew informati b’din ir-revoka b’ittra tas-6 ta’ Frar 2007 u kienu ġew mistiedna jippreżentaw il-kummenti tagħhom, li l-kummenti tar-rikorrenti tal-5 ta’ Marzu 2007 ma kinux dwar il-kwistjoni tal-ispejjeż tal-proċedimenti u li l-intervenjenti ma kinitx ippreżentat kummenti.

8        Fis-16 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, taħt l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2007, fejn hija ssostni li kienet tat prova tal-użu ġenwin tat-trade mark tagħha OKATECH għas-servizzi kkontestati u, għalhekk, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006.

9        B’ittra tat-30 ta’ Mejju 2007, l-UASI ikkonferma li kien irċieva l-appell tar-rikorrenti u b’ittra tal-istess ġurnata, informa lill-intervenjenti bl-eżistenza ta’ dan l-appell. Din tal-aħħar ippreżentat il-kummenti tagħha fis-26 ta’ Ġunju 2007.

10      B’tieni ittra tat-30 ta’ Mejju 2007, mibgħuta b’faks fil-31 ta’ Mejju 2007, l-UASI informa lir-rikorrenti bir-reġistrazzjoni tar-revoka parzjali tat-trade mark tagħha OKATECH. Fil-11 ta’ Ġunju 2007, l-avukat tar-rikorrenti bagħat ittra lill-UASI b’sunt tal-konversazzjoni telefonika tas-7 ta’ Frar 2007 dwar it-termini tal-appell (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) u saħaq fuq l-eżistenza tal-appell tagħha tas-16 ta’ Mejju 2007, filwaqt li talab l-irtirar tar-reġistrazzjoni tar-revoka parzjali sakemm tidħol fis-seħħ deċiżjoni dwar it-talba għal revoka parzjali tas-16 ta’ Diċembru 2005.

11      B’ittra tad-19 ta’ Ġunju 2007, l-UASI informa lir-rikorrenti li l-appell tagħha tas-16 ta’ Mejju 2007 kien ġie assenjat lit-Tieni Bord tal-Appell, li kellu jiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà tiegħu. B’ittri tat-3 u tal-10 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat xi kummenti lill-UASI. Fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Lulju 2007, hija tinvoka, b’mod partikolari, il-ksur tal-Artikolu 60a tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 207/2009), il-fatt li l-ittra tat-30 ta’ Mejju 2007 ma ntbagħtitx lill-avukat tagħha imma direttament lilha, il-fatt li revoka parzjali kienet kuntrarja għall-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94 u l-fatt li l-ittra tas-6 ta’ Frar 2007, li kienet tinnotifika r-revoka, kienet tindika li kienet ser tittieħed deċiżjoni ġdida. Fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti tinsisti fuq l-espressjoni “u tieħu deċiżjoni ġdida” użata fl-ittra tas-6 ta’ Frar 2007, u ssostni li d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż tal-proċedimenti ma tistax tkun suġġett ta’ appell separat.

12      B’deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2007, innotifikata lir-rikorrenti fit-18 ta’ Settembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell bħala inammissibbli. Huwa rrileva, l-ewwel nett, li dan l-appell, li fih kien qed jintalab l-annullament tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006 li fiha ġiet iddikjarata r-revoka parzjali, kien ġie ppreżentat wara t-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009), u li n-nota tagħha li tesponi r-raġunijiet kienet ġiet iddepożitata wara li kien skada t-terminu ta’ erba’ xhur, previst mir-Regola 49(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Il-Bord tal-Appell, sussegwentement, ikkonstata li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-21 ta’ Marzu 2007 kienet annullat biss il-parti tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006 li tikkonċerna l-ispejjeż tal-proċedimenti u li l-parti dwar il-mertu ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ appell wara l-21 ta’ Frar 2007.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiċħad it-talba għal revoka parzjali tat-trade mark Komunitarja OKATECH;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI sabiex din tiddeċiedi dwar l-appell tas-16 ta’ Mejju 2007;

–        tikkundanna lill-UASI jew lill-intervenjenti għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri prinċipali.

14      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti talbiet

 L-argumenti tal-partijiet

15      L-UASI jsostni li t-tieni talba tar-rikorrenti, li hija għaċ-ċaħda tat-talba għal revoka parzjali tat-trade mark Komunitarja, hija inammissibbli.

16      L-UASI jsostni, barra minn hekk, li t-talbiet sussidjarji tar-rikorrenti jiksru l-Artikolu 130(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 135(1) tar-Regolament Nru 207/2009), skont liema l-Bordijiet tal-Appell għandhom responsabbiltà sabiex jiddeċiedu dwar l-appelli.

17      Fl-aħħar, l-UASI jinvoka l-inammissibbiltà tat-talba tar-rikorrenti dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti inkorsi matul il-proċedimenti tal-ewwel istanza quddiem l-UASI.

18      Ir-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet f’dan ir-rigward.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

19      It-tieni talba tar-rikorrenti, intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad it-talba għal revoka parzjali tat-trade mark Komunitarja tagħha, u t-talba sussidjarja tagħha, sabiex il-kawża tiġi rrinvjata quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni bil-għan li din tiddeċiedi dwar l-appell tagħha, jistgħu jiġu interpretati li huma intiżi, essenzjalment, sabiex l-UASI jiġi ordnat jiċħad it-talba għal revoka. Skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009), l-UASI għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-qorti Komunitarja. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tagħti ordni lill-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T‑331/99, Ġabra p. II‑433, punt 33; tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T‑34/00, Ġabra p. II‑683, punt 12, u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI – Educational Services (ELS), T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 19].

20      Barra minn hekk, jekk dawn it-talbiet kellhom jiġu interpretati fis-sens li huma intiżi sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tibdel id-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi rrilevat li, minkejja li l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009) jagħti s-setgħa lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tibdel id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, din il-possibbiltà hija, bħala regola, limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom il-kawża tkun fi stat li tiġi deċiża. F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell la eżamina l-fatti u l-provi inkwistjoni dwar ir-revoka parzjali tat-trade mark OKATECH, u lanqas l-argumenti relatati mressqa mir-rikorrenti. Tibdil fid-deċiżjoni kkontestata jfisser li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun qed tevalwa, għall-ewwel darba, il-mertu tat-talbiet li fuqhom il-Bord tal-Appell naqas milli jiddeċiedi. Evalwazzjoni bħal din ma tidħolx fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddefinita mill-Artikolu 63(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009) [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2008, Gabel Industria Tessile vs UASI – Creaciones Garel (GABEL), T‑85/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28].

21      Minn dan jirriżulta li t-tieni talba u t-talba sussidjarja tar-rikorrenti huma inammissibbli.

22      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti titlob il-kundanna tal-UASI għall-ispejjeż inklużi dawk relatati mal-proċedimenti prinċipali. L-UASI jeċċepixxi l-inammissibblità ta’ din it-talba għall-ispejjeż inkorsi fil-proċedimenti tal-ewwel istanza quddiemu.

23      Skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, “[l]-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-fini tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell [...] għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru.” Minn dan jirriżulta li l-ispejjeż indikati matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-21 ta’ April 2005, Ampafrance vs UASI – Johnson & Johnson (monBeBé), T‑164/03, Ġabra p. II‑1401, punt 27].

24      Għaldaqstant, din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli inkwantu tirrigwarda l-ispejjeż inkorsi matul il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

 Fuq il-mertu

25      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, ħames motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikoli 57 u 77a tar-Regolament Nru 40/94, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, it-tielet nett, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, ir-raba’ nett fuq l-eżistenza ta’ irregolaritajiet proċedurali u, il-ħames nett, fuq in-natura infondata tar-revoka parzjali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 57 u 77a tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

26      Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta’ revoka ngħalqet biss bid-deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2007, minħabba li dik tal-21 ta’ Diċembru 2006 ma setgħetx tkun kkontestata waħedha taħt l-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 207/2009). Barra minn hekk, l-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94 ma jipprovdix għall-possibbiltà ta’ revoka parzjali ta’ deċiżjoni unika.

27      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

28      L-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 207/2009) jipprovdi li d-deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet tal-Kanċellazzjoni jistgħu jkunu suġġett għal appell, li jkollu effett sospensiv.

29      L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li appell minn deċiżjoni tal-UASI għandu jsir fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni.

30      F’dan il-każ, b’deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba tal-intervenjenti għal revoka parzjali tat-trade mark tar-rikorrenti u ordnat lil kull parti tbati l-ispejjeż tal-proċedimenti tagħha. B’hekk din id-deċiżjoni temmet il-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Għaldaqstant, din hija deċiżjoni li jista’ jsir appell minnha taħt il-kundizzjonijiet tal-artikoli ċċitati iktar ’il fuq, kif inhuwa stabbilit espressament f’din id-deċiżjoni.

31      L-ittra tas-6 ta’ Frar 2007, li permezz tagħha d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni informat lill-partijiet bl-intenzjoni tagħha li tirrevoka din id-deċiżjoni għal dak li jikkonċerna t-tqassim tal-ispejjeż tal-proċedimenti, bl-ebda mod ma tibdel id-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu tal-appell, imsemmija espressament fid-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006.

32      Fil-fatt, din l-ittra tistabbilixxi li (ara l-punt 4 iktar ’il fuq):

“[H]uwa sostna, bi żball, li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, meta t-talba [tal-intervenjenti] kienet intlaqgħet fit-totalità tagħha, jiġifieri r-revoka parzjali tat-trade mark Komunitarja kkontestata għas-servizzi msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ser tirrevoka d-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 77a tar-Regolament [Nru 40/94] u eventwalment ser tirrettifika d-deċiżjoni tagħha, billi tistabbilixxi li l-proprjetarju tat-trade mark Komunitarja għandu jħallas l-ispejjeż inkorsi mill-[intervenjenti] fil-kuntest tal-proċedimenti [...]. Wara li [l-UASI] [j]irċievi l-kummenti tagħkom, [huwa] [j]irrevoka d-deċiżjoni [tiegħu], dwar l-iffissar tal-ispejjeż, u [j]ieħu deċiżjoni ġdida.”

33      Minn din l-ittra jirriżulta li r-revoka tirrigwarda biss it-tqassim tal-ispejjeż tal-proċedimenti u li d-deċiżjoni dwar ir-revoka parzjali tat-trade mark mhijiex ikkontestata mir-revoka nnotifikata, u dan minkejja l-espressjoni “deċiżjoni ġdida” użata fl-aħħar tal-ittra. Barra minn hekk, rieżami tal-kwistjoni dwar il-mertu tar-revoka parzjali tat-trade mark, jiġifieri tibdil fid-deċiżjoni meħuda f’dan ir-rigward, jista’ jsir biss mill-Bord tal-Appell u mhux fil-kuntest tal-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94.

34      B’hekk, id-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006 tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti. Jekk ir-rikorrenti riedet tikkontesta din id-deċiżjoni dwar ir-revoka parzjali tat-trade mark tagħha, hija kellha tippreżenta appell fit-terminu ta’ xahrejn, previst mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, u indikat espressament fl-imsemmija deċiżjoni. Interpretazzjoni differenti twassal sabiex jiġu maqbuża t-termini obbligatorji previsti mir-Regolament Nru 40/94.

35      Għaldaqstant, l-appell ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2007 quddiem il-Bord tal-Appell, li jikkontesta d-deċiżjoni ta’ revoka parzjali tal-21 ta’ Diċembru 2006, għandu jiġi kkunsidrat bħala tardiv.

36      L-argument tar-rikorrenti, dwar l-impossibbiltà tar-revoka parzjali tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, ma jistax jimmina din il-konklużjoni.

37      Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, għalkemm l-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94 ma jipprovdix espressament għar-revoka parzjali, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jeskluduhiex. Barra minn hekk, ir-Regola 53a tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li, qabel ma jgħaddi għar-revoka, l-UASI “għandu jinforma lill-parti milquta b’din ir-revoka”. Il-parti milquta tista’ tippreżenta xi kummenti “dwar din ir-revoka” u, jekk il-parti milquta ma taċċettax ir-revoka, l-UASI għandu jagħti deċiżjoni “dwar ir-revoka”. Għalhekk, il-proċedura applikabbli tippermetti li r-revoka tkun, jekk ikun il-każ, limitata għal parti mid-deċiżjoni, sakemm il-prinċipju tal-kontradittorju jiġi osservat. Hekk kien il-każ f’din is-sitwazzjoni, peress li r-rikorrenti, informata, b’ittra tas-6 ta’ Frar 2007, bir-revoka li kienet ser isseħħ, bir-raġunijiet u bis-suġġett tagħha, setgħet tippreżenta xi kummenti, kif għamlet fil-5 ta’ Marzu 2007 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li dawn ma kinux dwar il-kwistjoni tal-ispejjeż tal-proċedimenti (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

38      F’dan il-każ, it-tqassim tal-ispejjeż tal-proċedimenti, li huma ta’ natura diviżibbli, jidher, fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, li huwa manifestament żbaljat, fatt li mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Fil-fatt, peress li t-talba tal-intervenjenti għar-revoka parzjali tat-trade mark kienet intlaqgħet fit-totalità tagħha, l-ispejjeż tal-proċedimenti kellha tbatihom ir-rikorrenti skont l-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 85(1) tar-Regolament Nru 207/2009), mingħajr ma d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni jkollha diskrezzjoni f’dan ir-rigward.

39      Fl-aħħar, interpretazzjoni li taċċetta l-possibbiltà ta’ revoka parzjali tad-deċiżjonijet hija konsistenti mal-ispirtu tar-Regolamenti Nru 40/94 u Nru 2868/95, li jipprovdu għall-possibbiltà ta’ rettifika tad-deċiżjonijiet tal-UASI qabel ma l-każ jiġi deċiż fl-istanza tal-appell, b’mod partikolari, fl-Artikolu 60a tar-Regolament Nru 40/94, dwar ir-reviżjoni, fir-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95, dwar il-korrezzjoni ta’ żbalji, u fir-Regola 53a tar-Regolament Nru 2868/95, dwar ir-revoka.

40      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, hemm lok li jiġi ammess li r-revoka tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006 setgħet tkun biss parzjali, bil-kundizzjoni li jiġu osservati r-regoli tal-proċedura u l-prinċipji ġenerali tad-dritt. Għaldaqstant, ir-revoka tad-deċiżjoni dwar it-tqassim tal-ispejjeż tal-proċedimenti ma kinitx suxxettibbli li terġa’ tiftaħ it-terminu tal-appell mid-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, li skada fil-21 ta’ Frar 2007.

41      Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikoli 57 u 77a tar-Regolament Nru 40/94 meta ċaħad l-appell minħabba li kien tardiv.

42      Barra minn hekk, anki fil-każ li r-revoka parzjali mhijiex possibbli, kif issostni r-rikorrenti, u li t-tieni deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2007 hija illegali, il-legalità tal-ewwel deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006 ma ġietx ikkontestata matul it-terminu tal-appell.

43      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

–       L-argumenti tal-partijiet

44      Ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi tagħha dwar it-termini tal-appell kienet ikkonfermata minn impjegat tal-UASI li, fis-7 ta’ Frar 2007, informaha li t-terminu tal-appell kien jerġa’ jibda jiddekorri mid-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida. Konsegwentement, hija tinvoka, il-ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali msemmija fl-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009).

45      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

46      Id-dritt li tintalab il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, japplika għal kull individwu li jkun jinsab f’sitwazzjoni fejn l-amministrazzjoni Komunitarja, billi tkun tagħtu assigurazzjonijiet preċiżi, toħloq fih aspettattivi leġittimi. Jikkostitwixxu assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li jiġu kkomunikati fiha, informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 147; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Kachakil Amar vs UASI (Linja lonġitudinali li tispiċċa fi trijanglu), T‑388/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 26, u tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il-Kummissjoni, T‑271/04, Ġabra p. II‑1375, punti 108 u 138].

47      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li aġent tal-UASI assiguraha fuq it-telefon li kienet ser tittieħed deċiżjoni ġdida fir-rigward tal-ispejjeż tal-proċedimenti u li kien ser jibda jiddekorri terminu tal-appell ġdid. F’dan ir-rigward, hija tippreżenta, minn naħa, nota miktuba bl-idejn, bid-data tas-7 ta’ Frar, li hija kitbet u li tipprovdi sunt tal-konversazzjoni telefonika tagħha tal-istess ġurnata u, min-naħa l-oħra, l-ittra tagħha tal-11 ta’ Ġunju 2007 mibgħutha lill-UASI (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), li ssemmi din il-konversazzjoni telefonika tas-7 ta’ Frar 2007. L-UASI ma jikkontestax l-eżistenza ta’ din il-konversazzjoni telefonika tas-7 ta’ Frar 2007 u fis-seduta sostna li din kienet reazzjoni għall-ittra tas-6 ta’ Frar 2007 li kienet tirrigwarda biss id-deċiżjoni l-ġdida prevista dwar l-ispejjeż.

48      Għalhekk, f’dan il-każ, l-ilment ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jkun miċħud.

49      L-ewwel nett, fil-fatt, id-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006 tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, li m’hemmx dubju dwar in-natura kontestabbli tiegħu u li, barra minn hekk, issemmi espressament il-possibbiltà ta’ appell kif ukoll it-terminu applikabbli, li huwa ta’ ordni pubbliku.

50      It-tieni nett, l-ittra tas-6 ta’ Frar 2007, li tinnotifika r-revoka tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, tikkostitwixxi informazzjoni preċiża, li ġejja minn sors awtorizzat u affidabbli, u li minnha jirriżulta li l-portata tar-revoka kienet ser tkun limitata għat-tqassim tal-ispejjeż tal-proċedimenti (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). Il-portata limitata tar-revoka nnotifikata għalhekk tirriżulta b’mod ċar mit-termini stess ta’ din l-ittra u, fid-dawl tal-ittra kollha, din il-konklużjoni mhijiex imminata mill-aħħar parti tal-ittra, li tipprovdi li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni “[kienet ser] tirrevoka d-deċiżjoni tagħha, dwar l-iffissar tal-ispejjeż, u [kienet ser] tieħu deċiżjoni ġdida”.

51      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-konversazzjoni telefonika tas-7 ta’ Frar 2007, kif irrappurtata mir-rikorrenti ma tidhirx li hija informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 iktar ’il fuq, u ta’ natura li tista’ toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li terminu ġdid għall-appell mid-deċiżjoni ta’ revoka parzjali kien ser jibda jiddekorri mid-deċiżjoni ta’ revoka parzjali li kienet ser tittieħed.

52      It-tielet nett, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex tiġi evitata d-dekadenza li tirriżulta mill-fatt li jinqabeż it-terminu għall-preżentata ta’ appell, mill-ġurisprudenza jirriżulta li appellant għandu jkun jista’ jinvoka aspettattivi bbażati fuq assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni Komunitarja jew minn aġir ta’ din l-amministrazzjoni ta’ natura li joħloq konfużjoni ammissibbli f’moħħ persuna li tkun aġixxiet in bona fide u li tkun eżerċitat id-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna b’livell normali ta’ prudenza (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2000, Sodima vs Il-Kummissjoni, C‑44/00 P, Ġabra p. I‑11231, punt 50).

53      F’dan il-każ, fid-dawl tan-natura obbligatorja tat-termini tal-appell u fid-dawl tar-raġunijiet esposti fl-ittra tas-6 ta’ Frar 2007, il-konversazzjoni telefonika mal-UASI, anki fil-każ li kienet ta’ natura li twassal għal ċerta konfużjoni f’moħħ ir-rikorrenti, ma setgħetx madankollu tippermettilha li tevita d-dekadenza, li tirriżulta mill-fatt li nqabeż it-terminu previst sabiex tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006. Fil-fatt, ir-rikorrenti, li ma talbetx lill-UASI konferma bil-miktub tal-kontenut ta’ din il-konversazzjoni telefonika, kienet turi d-diliġenza meħtieġa minn persuna b’livell normali ta’ prudenza kieku ppreżentat, anki jekk b’mod kawtelatorju, appell fit-terminu stabbilit fid-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, liema terminu huwa ta’ ordni pubbliku, b’mod li ma jistax jiġi ddeterminat mill-partijiet skont il-konvenjenza tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet Sodima vs Il-Kummissjoni, iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq, punt 51).

54      Għalhekk, l-ilment bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

55      Peress li l-ebda argument separat ma tqajjem insostenn tal-ilment bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ

–       L-argumenti tal-partijiet

56      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax l-ittri tagħha tal-11 ta’ Ġunju, tat-3 u tal-10 ta’ Lulju 2007, dwar l-impossibbiltà li jiġi rrispettat it-terminu tal-appell inkwistjoni, u li ma ħax deċiżjoni dwar il-perspettiva legali li hija kienet qegħda tiddefendi.

57      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

58      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li saret it-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009), id-deċiżjonijiet tal-UASI jistgħu jkunu bbażati biss fuq raġunijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet setgħu jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwarhom.

59      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm id-dritt għal smigħ, kif stabbilit minn din id-dispożizzjoni, japplika fir-rigward tal-elementi kollha ta’ fatt jew ta’ dritt kif ukoll għall-provi li jikkostitwixxu l-bażi tad-deċiżjoni, huwa ma japplikax għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni jkollha intenzjoni tadotta [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T‑303/03, Ġabra p. II‑1917, punt 62].

60      F’dan il-każ, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar l-impossibbiltà li jiġu rrispettati t-termini tal-appell u l-impossibbiltà tar-revoka parzjali, invokati essenzjalment fl-ittri tagħha mibgħuta lill-UASI fil-11 ta’ Ġunju 2007 (ara l-punt 10 iktar il fuq) u fit-3 u fl-10 ta’ Lulju 2007 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi, fis-sommarju tagħha tal-fatti, mhux biss in-nota tar-rikorrenti tas-16 ta’ Mejju 2007, dwar il-kwistjoni tar-revoka parzjali tat-trade mark tagħha, imma wkoll l-kummenti ppreżentati wara (punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      Il-Bord tal-Appell jagħmel referenza għall-kummenti tal-11 ta’ Ġunju, tat-3 u tal-10 ta’ Lulju 2007, li huma l-uniċi kummenti li saru wara n-nota tas-16 ta’ Mejju 2007 mibgħuta mir-rikorrenti lill-UASI, u li għalhekk kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell.

62      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-21 ta’ Marzu 2007 tikkonċerna biss “il-parti tad-deċiżjoni li tikkonċerna l-ispejjeż”. Għalhekk, din tikkonferma, impliċitament, imma neċessarjament, il-possibbiltà tar-revoka parzjali tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2006, applikata mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u twieġeb, b’hekk, għall-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

63      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tatx prova tal-ksur tad-dritt tagħha għal smigħ, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kwistjoni tat-termini tal-appell u tal-possibbiltà ta’ revoka parzjali.

64      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ irregolaritajiet proċedurali

–       L-argumenti tal-partijiet

65      Ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 60a(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 207/2009) u tiġbed l-attenzjoni, essenzjalment, għan-nuqqas ta’ trasparenza fil-funzjonament intern tal-UASI. Hija ssostni wkoll li l-UASI rreġistra t-tħassir parzjali tat-trade mark OKATECH mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-appell pendenti tagħha, bi ksur tal-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94, u li nnotifika dan it-tħassir parzjali direttament lilha u mhux lir-rappreżentant tagħha. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, għalkemm il-Bord tal-Appell kien qies li seta’ jiddikjara l-appell tagħha tas-16 ta’ Mejju 2007 inammissibbli minħabba li kien skada t-terminu, hija kellha, skont ir-Regoli 49 u 51 tar-Regolament Nru 2868/95, tordna r-rimbors tal-ispejjeż tal-appell li kienu wkoll tħallsu barra t-terminu.

66      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

67      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq diversi irregolaritajiet proċedurali li kienu twettqu matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65(1) tar-Regolament Nru 207/2009), kawża quddiem il-qorti Komunitarja tista’ tinfetaħ biss kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ kawża bħal din, huma ammissibbli biss motivi li jirrigwardaw id-deċiżjoni tal-istess Bord tal-Appell (sentenza Salvita, punt 59 iktar ’il fuq).

68      Anki fil-każ li l-irregolaritajiet proċedurali invokati, jiġifieri n-nuqqas ta’ trasparenza fil-proċess deċiżjonali u r-reġistrazzjoni tat-tħassir parzjali tat-trade mark, jiġu stabbiliti, l-ilmenti tar-rikorrenti mhumiex kontra d-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell.

69      Għaldaqstant, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

70      It-tieni nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 60a(4) tar-Regolament Nru 40/94 dwar ir-reviżjoni tad-deċiżjonijiet f’każijiet inter partes, hemm lok li jiġi mfakkar li f’kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza taħt l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94 isir stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell. Dan l-istħarriġ għandu jsir fid-dawl tal-kuntest fattwali u legali tal-kawża kif ikun ġie ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Portela & Companhia vs UASI – Torrens Cuadrado u Sanz (Bial), T‑10/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Barra minn hekk, skont l-Artikou 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura, in-noti tal-partijiet ma jistgħux jibdlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell (sentenza Bial, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

71      Madankollu, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li l-proċedura ta’ reviżjoni stabbilita fl-Artikolu 60a tar-Regolament Nru 40/94 mhijiex ikkontestata, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-argument ma tressaqx quddiem il-Bord tal-Appell.

72      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 60a(4) tar-Regolament Nru 40/94 huwa inammissibbli wkoll.

73      It-tielet nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tar-Regoli 49 u 51 tar-Regolament Nru 2868/95 u fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kellha tordna r-rimbors tal-ispejjeż tal-appell li kienu wkoll tħallsu barra t-terminu, hemm lok li jiġi mfakkar li r-Regola 49(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li “[j]ekk il-miżata tal-appell jkun tħallas wara li jiskadi l-perjodu ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-appell skond Artikolu 59 tar-Regolament [Nru 40/94], l-appell għandu jitqies li ma jkunx ġie ppreżentat u l-miżata tal-appell għandu jitħallas lura lill-appellant”.

74      F’dan il-każ, l-appell tar-rikorrenti tas-16 ta’ Mejju 2007 kien formalment jirrigwarda d-deċiżjoni tar-revoka parzjali tal-21 ta’ Marzu 2007 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq) u ġie ppreżentat fit-terminu ta’ xahrejn li beda jiddekorri minn din id-deċiżjoni. Għalhekk, l-ispejjeż tal-appell ma tħallsux mir-rikorrenti wara li skada t-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

75      Barra minn hekk, ir-Regola 51(b) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi għar-rimbors tal-ispejjeż tal-appell meta l-Bord tal-Appell jilqa’ l-appell, sa fejn l-ekwità tkun teżiġi r-rimbors minħabba ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Madankollu, dan mhuwiex il-każ f’dawn iċ-ċirkustanzi peress li, għall-kuntrarju, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti.

76      Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tar-Regoli 49 u 51 tar-Regolament Nru 2868/95 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

77      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu minħabba li huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-natura infondata tar-revoka parzjali

–       L-argumenti tal-partijiet

78      Ir-rikorrenti ssostni li ġabet prova tal-użu tat-trade mark OKATECH għas-servizzi kkontestati u tqis li l-Bord tal-Appell kellu jilqa’ l-appell tagħha billi jannulla d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-21 ta’ Diċembru 2006 u tal-21 ta’ Marzu 2007.

79      L-UASI jeċċepixxi l-inammissibbiltà ta’ dan il-motiv peress li huma biss il-motivi mressqa kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li huma ammissibbli.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

80      Għandu jiġi mfakkar li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddikkjara l-appell tar-rikorrenti inammissibbli u għalhekk ma ddeċidiex dwar il-kwistjoni tar-revoka parzjali tat-trade mark tagħha.

81      Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi lill-UASI f’dan ir-rigward u għalhekk ma tistax tiddeċiedi dwar l-argumenti imressqa mir-rikorrenti dwar dan il-punt [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Advance Magazine Publishers vs UASI – Capela & Irmãos (VOGUE), T‑481/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22].

82      Minn dan isegwi li l-ħames motiv, sa fejn huwa relatat ma’ talba inammissibbli (ara l-punti 19 sa 21 iktar ’il fuq), għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

83      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

84      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Okalux GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Tiili

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Lulju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.