Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu (il-Polonja) fit-22 ta’ April 2024 – P. K. vs Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu

(Kawża C-278/24, Genzyński 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Wojewódzki Sąd Administracyjny we Wrocławiu

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: P. K.

Konvenut: Dyrektor Izby Administracji Skarbowej we Wrocławiu

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), fosthom l-Artikolu 193, l-Artikolu 205, u l-Artikolu 273 b’rabta mal-Artikolu 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum ta’ membru fil-bord ta’ tmexxija ta’ persuna ġuridika għal responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT ta’ din il-persuna ġuridika mingħajr konstatazzjoni minn qabel dwar jekk tali membru fil-bord ta’ tmexxija aġixxiex in mala fide jew jekk ir-responsabbiltà għal tali aġir tistax tiġi attribwita għal żball jew negliġenza?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, fosthom l-Artikolu 193, l-Artikolu 205, u l-Artikolu 273 b’rabta mal-Artikolu 325 TFUE, mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, mal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, mal-prinċipju tad-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta b’rabta mal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (l-Istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem), u mal-Artikolu 47 ta’ Karta (id-dritt għal rimedju effettiv, id-dritt għal azzjoni ġudizzjarja) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi nazzjonali li, sabiex persuna tinħeles mir-responsabbiltà in solidum għal responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT ta’ persuna ġuridika li għandha kreditur wieħed, tirrikjedi mill-membru tal-bord ta’ tmexxija s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ falliment, li ma tħallix effetti mill-perspettiva ta’ dispożizzjonijiet u prattiki tad-dritt nazzjonali dwar l-insolvenza u konsegwentement tagħti lok għall-ksur tal-essenza tad-dritt għall-proprjetà (Artikolu 17 tal-Karta)?

L-Artikolu 193, l-Artikolu 205, u l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT b’rabta mal-Artikolu 325 TFUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Artikoli 20 u 21 tal-Karta) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali [imsemmija fl-ewwel domanda], li jagħtu lok għal trattament mhux ugwali tal-membri fil-bord ta’ tmexxija ta’ persuni ġuridiċi b’tali mod li membru fil-bord ta’ tmexxija ta’ persuna ġuridika li għandha iktar minn kreditur wieħed tista’ tinħeles mir-responsabbiltà għall-obbligi ta’ kumpannija permezz ta’ sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ falliment, filwaqt li membru fil-bord ta’ tmexxija ta’ persuna ġuridika li għandha kreditur wieħed biss ma għandux il-possibbiltà li jissottometti tali dikjarazzjoni ta’ falliment b’mod effettiv bl-effett li jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jinħeles mir-responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-VAT tal-persuna ġuridika kif ukoll mid-dritt għal rimedju effettiv (Artikolu 47 tal-Karta)?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.