Language of document : ECLI:EU:T:2015:128

Kawżi Maqgħuda T‑492/13 u T‑493/13

(publikazzjoni f’estratti)

Schmidt Spiele GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Talbiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks komunitarji rigwardanti rappreżentazzjonijiet figurattivi fuq board games – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Nuqqas ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b), u Artikolu 7(3), tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ Marzu 2015

Proċedura – Proċedura orali – Preżentata ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali – Mument u terminu

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 135(1) sa (3), u 135A)

Bis-saħħa tal-Artikolu 135A tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1), skont il-każ, fl-Artikolu 135(2) u (3), il-Qorti Ġenerali, fuq rapport tal-Imħallef Relatur, wara li jinstemgħu l-partijiet, tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura, sakemm waħda mill-partijiet ma tippreżentax talba li fiha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tixtieq li tinstema’. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mid-data li fiha din il-parti tkun ġiet innotifikata bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub.

Issa, it-talba fir-rikors għandha karattru prematur taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 135A tar-Regoli tal-Proċedura u għalhekk ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, mill-kliem u l-istruttura tal-imsemmi artikolu jirriżulta li t-talbiet għal seduta, kif ukoll l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-utilità ta’ din is-seduta, jistgħu jseħħu, meta l-proċedura bil-miktub tkun magħluqa, biss wara li kemm il-partijiet kif ukoll il-Qorti Ġenerali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-elementi kollha tal-proċess u tal-argumenti tal-partijiet kollha sabiex jippronunzjaw ruħhom fuq din l-utilità. Barra minn hekk, raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju ma jistgħux jiġġustifikaw il-preżentata, qabel in-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, ta’ talba għal seduta għat-trattazzjonijiet, peress li, skont l-Artikolu 135A tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, fi kwalunkwe każ, wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura biss wara li l-partijiet ikunu tħallew jibbenefikaw minn din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 8-10)