Language of document : ECLI:EU:T:2005:89

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla)

9 ta’ Marzu 2005 (*)

“Trade Mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Trade Marks preċedenti figurattivi nazzjonali u komunitarji SHARK għat-Trade Mark Komunitarja verbali Hai – Raġuni relatata mar-rifjut – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8 (1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T-33/03,

Osotspa Co. Ltd, stabbilita f’Bangkok (it-Tajlandja), irrapreżentata minn C. Gassauer-Fleissner, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat A. von Mühlendahl, T. Eichenberg u G. Schneider, bħala Aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Distribution & Marketing GmbH, stabbilita f'Salzburgu (l-Awstrija), inizjalment rappreżentata minn C. Hauer, wara minn V. von Bomhard, A. Renck u A. Pohlmann, avocati,

li għandha bħala għan rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta’ l-UASI tas-27 ta' Novembru 2002 (kawża R 296/2002-3), dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Osotspa Co. Ltd u Distribution & Marketing GmbH,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (ir-Raba' Awla),

Komposta minn H. Legal, President, V. Tiili u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta' Frar 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta' Mejju 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjent ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta' Mejju 2003,

wara s-seduta ta' d-29 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Fatti tad-disputa

1        Fl-10 ta' Settembru 1997, Distribution & Marketing GmbH (aktar 'il quddiem l-"intervenjent") ippreżentat talba għal Trade Mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-Trade Mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1) kif emendat.

2        It-Trade Mark li għalih intalbet ir-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Hai.

3        Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom intalbet r-reġistrazzjoni tat-Trade Mark jidħlu fil-klassijiet 5, 12, 14, 25, 28, 32, 33, 34, 35, 41 u 42 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Iskopijiet ta' Reġistrazzjoni ta' Marki tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

4        Din it-talba ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 58/95 tat-3 ta' Awwissu 1998.

5        Fit-30 ta' Ottubru 1998, il-kumpannija Osotspa Co. Ltd (aktar 'il quddiem ir-”rikorrenti”) ressqet oppożizzjoni skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 kontra r-reġistrazzjoni tat-Trade Mark mitluba għal prodotti u servizzi li jidhlu fil-klassijiet 5, 32, 33, 35, u 42 u li jikkorrispondu mad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 5: "prodotti iġjeniċi msaħħa għas-saħħa, jiġifieri preparazzjonijiet tal-vitamini, preparazzjonijiet minerali, rikostitwenti;

–        klassi 32: "Birer, ilma minerali u li jfexfex u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi, xarbiet tal-frott u meraq tal-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet";

–        klassi 33 "Xarbiet alkoħoliċi (bl-eċċezzjoni tal-birer)";

–        klassi 35: "Organizzazzjoni ta' fieri u wirjiet bi skop kummerċjali jew pubbliċitarju li jikkonċernaw, kemm jekk ta' mod esklużiv kif ukoll mod mhux esklużiv, il-prodotti segwenti: prodotti iġjeniċi msaħħa għall-istat ta' saħħa, jiġifieri preparazzjonijiet tal-vitamini, preparazzjonijiet minerali, rikostitwenti toniċi; birer; ilma minerali u li jfexfex u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xarbiet tal-frott u meraq tal-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet; xarbiet alkoħoliċi; distribuzzjoni bi skop ta' reklamar ta' prodotti iġjeniċi msaħħa għall-istat ta' saħħa, jiġifieri preparazzjonijiet tal-vitamini, preparazzjonijiet minerali, rikostitwenti toniċi, birer, ta’ ilma minerali u li jfexfex u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi, ta' xarbiet tal-frott u ta' meraq tal-frott, ta’ ġulepp u preparazzjoni oħra biex isiru x-xarbiet kif ukoll ta' xarbiet alkoħoliċi";

–        klassi 42 "Alloġġ u stabbilimenti li jipprovdu ikel".

6        Il-motif imressaq in sostenn ta’ l-oppożizzjoni huwa dak li jinsab fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza, minn naħa tat-Trade Mark nazzjonali AM 537/96, irreġistrata fl-Awstrija fl-10 ta' Mejju 1996, u min-naħa l-oħra tat-Trade Mark Komunitarja Nru 168/427, irreġistrata fit-12 ta' Mejju 1998, li t-tnejn li huma jindikaw "xarbiet mhux alkoħoliċi; ġulepp u preparazzjonijiet oħra biex isiru xarbiet", li jinsabu fil-klassi 32 tal-Ftehim ta' Nizza ċċitat iktar 'il fuq. Dawn iż-żewġ Trade Marks figurativi preċedenti (aktar 'il quddiem it-"Trade Marks preċedenti”) huma ppreżentati kif ġej:

Image not found

7        Permezz tad-deċiżjoni tal-31 ta' Jannar 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni caħdet l-oppożizzjoni minħabba li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-Trade Marks in kwistjoni. Filwaqt li osservat li għandu jiġi kkunsidrat il-karattru distintiv medju tat-Trade Marks preċedenti hija qieset li s-sinjali mqabbla huma interament differenti fuq il-livell viżiv u fonetiku u li huma jippreżentaw struttura totalment differenti.

8        Fit-2 ta- April 2002, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

9        Permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta' Novembru 2002 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), it-Tielet Bord ta' l-Appell ċaħad ir-rikors. Fih sostenzjalment huwa qies li, minkejja l-identiċità parzjali tal-prodotti li jaqgħu taħt it-Trade Marks li huma f'kunflitt ma' xulxin, fid-dawl tal-karattru distintiv tat-Trade Marks preċedenti kif ukoll tad-differenżi fonetiċi, viżivi u kunċettwali li huma perċetibbli b'mod ċar bejn is-sinjali mqabbla, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni sinjifikattiva fil-moħħ tal-pubbliku ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, u partikolarment ta' l-Awstrija. Din il-konklużjoni hija iktar evidenti peress li l-evalwazzjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-konsumatur medju, li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li jipperċepixxi Trade Mark hekk kif ippreżentata lilu, mingħajr ma jissottomettiha għal analiżi fil-fond u mingħajr ma jagħmel traduzzjoni tagħha f'lingwa oħra.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tbiddel id-deċiżjoni kkontestata billi tilqa' l-oppożizzjoni magħmula kontra r-reġistrazzjoni tat-Trade Mark Hai u tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' din it-Trade Mark;

–        sussidjarjament terġa tirrinvija l-kawża quddiem l-UASI;

–        tikkundanna lill-UASI jħallas l-ispejjeż;

11      L-UASI titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

12      L-intervenjent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors kollu kemm hu u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, terġa tirrinvija l-kawża quddiem l-UASI;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Fid-dritt

13      Ir-rikorrenti sostanzjalment titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-Trade Mark Komunitarja mitluba u, min-naħa l-oħra tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

 Dwar it-talba intiża sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tat-Trade Mark Komunitarja mitluba

14      Permezz tat-tieni parti ta' l-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti sostanzjalment titlob, lill-Qorti tal-Prim’Istanza, tordna lill-UASI tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-Trade Mark mitluba.

15      F'dan ir-rigward, tajjeb li wieħed jiftakar li skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament 40/94, l-UASI għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni ta’ l-Imħallef Komunitarju. Barra minn dan, m'hijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tindirizza inġunzjoni lill-UASI. Fil-fatt hija din ta' l-aħħar li għandha tasal għal konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs L-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33; tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool logistik vs L-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12, u tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 22). It-tieni parti ta' l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti hija għaldaqstant inammissibbli.

 Dwar it-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

16      Ir-rikorrenti tressaq motif wieħed, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Argumenti tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li ma teżistix probabbiltà vera ta’ konfużjoni bejn is-sinjali in kwistjoni.

18      B'applikazzjoni tal-formula li tgħid li l-iċken grad ta' xebh bejn il-prodotti jew serviżżi indikati mit-Trade Marks fil-kawża jista' jigi kkumpensat minn grad għoli ta' xebh bejn dawn it-Trade Marks, u viċi versa, ir-rikorrenti tenfasizza li almenu, f'dak li jikkonċerna l-prodotti fil-klassi 32 li huma identiċi, wieħed għandu jkun sodisfatt li l-iċken grad ta' xebh bejn it-Trade Marks ikun biżżejjed sabiex tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni. Ir-rikorrenti tenfasizza li r-probabbiltà ta' konfużjoni teżisti, anki fin-nuqqas ta' identiċità tal-prodotti u tas-servizzi, minħabba li t-Trade Marks fil-kawża huma, fi kwalunkwe każ, estremament simili.

19      Minbarra dan, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li t-Trade Marks preċedenti SHARK għandhom karattru distintiv medju. It-Trade Marks preċedenti jikkonsistu, fil-fatt, fir-riproduzzjoni, li tolqot l-immaġinazzjoni, ta' annimal li, jekk jiġi rrelatat mal-prodotti u servizzi tal-każ, ikun ovvjament purament immaġinarju.

20      Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li hemm probabbiltà ta' konfużjoni meta jeżisti xebh f'wieħed mit-tliet aspetti, viżivi fonetiċi jew kunċettwali. Hija tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, ix-xebh kunċettwali tat-Trade Marks huwa aċċettat, imma li dan il-fattur, b'mod żbaljat, jingħata inqas piż mill-elementi viżivi u fonetiċi. Bħala eżempju, ir-rikorrenti tgħid li l-Bord ta' l-Appell ta aktar importanza għax-xebh fonetiku milli għall-kontenut semantiku tat-Trade Mark mitluba meta kkonferma li l-klijentela kkonċernata kkunsidrat li "Hai" hija distorsjoni tal-kelma Ingliża "High".

21      Skond ir-rikorrenti, is-sinjali f'kunflitt ma' xulxin fil-kawża jippreżentaw probabbiltà ta' konfużjoni, minħabba li huma għandhom biss sinjifikat intrinsiku wieħed, ċar u li jinftiehem mall-ewwel. Il-konsumatur medju jista' jipperċepixxi immedjatament il-kontenut semantiku tat-Trade Marks in kwistjoni u jistabbilixxi mill-ewwel konnessjoni ta' assoċjazzjoni bejn dawn il-kontenuti u b'konsegwenza ta' dan, bejn iż-żewġ sinjali.

22      Minbarra dan, u kuntrarjament għal dak li jafferma l-Bord ta' l-Appell, din l-identiċità kunċettwali ma tiġix innewtralizzata bl-użu ta' żewġ lingwi differenti. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, b'riferiment għad-deċiżjonijiet ta' l-Uffiċju tal-Privattivi Awstrijaki, li l-Bord ta' l-Appell ma evalwax b'mod korrett il-kundizzjoni tas-suq fl-Awstrija, fejn il-konoxxenza tal-lingwa Ingliża hija ovvja. Għaldaqstant, it-Trade Marks li huma komposti minn kliem ta' lingwa barranija, speċjalment l-Ingliż, ma għandhomx jiġu evalwati b'mod differenti minn dawk komposti minn kliem bil-Ġermaniż li għandhom l-istess sens. Minbarra dan, il-pubbliku li lilu l-prodotti u s-servizzi fil-kawża huma mmirati jifhem is-sens tal-kelma "shark", fatt li għandu jiġi rrikonoxxut mill-Bord ta' l-Appell.

23      Ir-rikorrenti żżid li l-kontenut semantiku tat-Trade Marks preċedenti huwa komplet mill-grafika tagħhom fil-forma ta' kelb il-baħar li jirrendi s-sinjifikat aktar aċċessibbli u evidenti. Fil-fatt, il-kelma "shark" miktuba fil-forma stilizzata ta' kelb il-baħar tivvaforixxi t-tqarrib u x-xebh bejn it-Trade Marks fil-kawża. Dan ikollu bħala effett it-tnaqqis kunsiderevoli ta' l-element ta' differenza li tirriżulta minn lingwi differenti.

24      F'dak li jikkoncerna l-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li t-traduzzjonijiet tat-Trade Marks huma rilevanti biss jekk dawn huma komuni u jekk il-pubbliku li jarahom jissupponi li t-Trade Mark tradotta ġejja mill-istess impriża jew minn impriża assoċjata, ir-rikorrenti tgħid li huwa biżżejjed li teżisti probabbiltà li l-konsumaturi jqabbluhom flimkien.

25      Ir-rikorrenti tippreċiża wkoll li l-"konfużjoni inkroċjata assoluta", jiġifieri l-probabbiltà ta' konfużjoni bejn rappreżentazzjoni figurattiva biss ta' terminu u Trade Mark purament verbali, hija aċċettata. B'mod partikolari f'dan il-każ, għandu jiġi konkluż li hemm l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni, minħabba li t-Trade Marks preċedenti m'humiex biss ikkostitwiti mill-element figurattiv li jirrapreżenta kelb il-baħar.

26      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkonstata li l-probabbiltà ta' konfużjoni teżisti f'parti importanti ta' l-Unjoni Ewropea. It-terminu "Hai" m'huwiex magħruf biss fil-lingwi Ġermaniż u Finlandiż, imma wkoll fil-lingwi Svediż, Daniż u Olandiż, din ta' l-aħħar mitkelma wkoll fil-Belġju. Dan it-terminu huwa mifhum ukoll f'ċerti reġjuni fil-fruntieri Taljani u Franċiżi. Fir-reġjuni tat-tramuntana ta' l-Ewropa, il-lingwi Ġermaniż u Ingliż huma wkoll magħrufin sew.

27      Il-UASI jsostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell applika l-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tar-probabbiltà ta' konfużjoni, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza, mingħajr ma kkommetta żball u li, filwaqt li qies it-talbiet tal-partijiet, huwa kkonkluda b'mod korrett li ma kienx hemm probabbiltà ta' konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

28      Peress illi t-Trade Marks preċedenti għandhom biss karattru distintiv medju u fid-dawl tad-differenzi distinti ħafna li jippreżentaw is-sinjali fuq livell viżiv u fonetiku, l-UASI taqbel mal-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li minkejja li l-identiċità parzjali bejn il-prodotti koperti mit-Trade Marks jista’ jiġi konkluż li jeżisti mqabbla, ix-xebh kunċettwali tas-sinjali m'huwiex biżżejjed, f'dan il-każ, sabiex ikun hemm probabbiltà ta' konfużjoni sinjifikattiva fir-rigward tal-liġi tat-Trade Marks.

29      L-intervenjent approva l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

30      Skond l-intervenjent, id-differenzi fonetiċi li jeżistu bejn it-termini "Hai" u "shark" kif ukoll il-grafika tat-Trade Mark figurattiva SHARK juri li s-sinjali in kwistjoni jagħtu impressjoni differenti u jeskludu kull xebh bejniethom.

31      L-argument tar-rikorrenti li l-konsumatur medju jista' jipperċepixxi immedjatament is-sinjifikat tat-Trade Marks in kwistjoni u jistabbilixxi konnessjoni bejniethom hija irrealista. L-argument tar-rikorrenti jitlob wisq mill-konsumatur u ma jikkorrispondix ma' l-esperjenza prattika. Għalkemm huwa aċċettata li l-konsumatur jagħmel aktar enfasi fuq ix-xebh milli fuq in-nuqqas ta' xebh tas-sinjali, il-konsumaturi ma jidentifikaw, f'din il-kawża, ebda punt komuni, la fix-xbieha u l-anqas fl-element verbali. Fil-fatt, il-kelma "Hai" ma tidhirx fit-Trade Marks preċedenti u, reċiprokament, ix-xbieha stilizzata ta' kelb il-baħar u l-kelma "shark" ma jidhrux fis-sinjal ippreżentat mill-intervenjent. Peress li ma jeżistux l-elementi li jixxiebħu ma tistax għaldaqstant teżisti probabbiltà ta' konfużjoni.

32      F'dak li jikkonċerna l-użu taż-żewġ lingwi, l-intervenjent isostni li, anki jekk il-ġurisprudenza tammetti li l-vokabularju bażiku tal-lingwa Ingliża huwa mifhum mill-konsumatur Awstrijak u huwa tradott fl-ekwivalenti tiegħu bil-Ġermaniż, it-terminu "shark" ma jistax jiġi kklassifikat fost il-mislufin mill-vokabularju bażiku Ingliż. Minbarra dan, l-argument tar-rikorrenti li t-terminu "shark" kien akkwista fama permezz tal-film ċelebri "Der weiße Hai" huwa fallaċi. Il-film ma kienx magħruf fl-Awstrija ħlief bit-titolu tiegħu Ġermaniż u minbarra hekk, it-titolu oriġinali bl-Ingliż tal-film m'għandux il-kelma "shark". Minbarra dan, it-terminu "shark" jappartjeni lil-lingwa Amerikana u mhux lil-lingwa Ingliża.

33       Minbarra dan, l-intervenjent huwa ta' l-opinjoni li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-konsumaturi kkonċernati jipperċepixxu l-kelma "Hai" bħala d-deskrizzjoni Ġermaniża jew Olandiża ta' ħuta karnivora, imma wkoll bħala deformazzjoni tal-kelma Ingliża "high" fis-sens ta' livell għoli, ta' kwalità, ta' tjubija, ta' nobiltà, eċċ. Min-naħa fonetika, il-kelma "Hai" tagħti wkoll sinjifikat doppju lis-sinjal, billi tilgħab fuq id-distorsjoni li huwa barra dan l-oġġettiv ta' l-ortografija żbaljata ta' l-espressjoni "high". Minbarra dan, anki jekk is-sinjifikat essenzjali tat-Trade Mark Hai kellu jikkorrispondi biss għas-sens oriġinali tal-kelma "Hai", ma jeżistix b'mod manifest xebh bejn it-Trade Marks SHARK u Hai, peress li l-konsumaturi ma jagħtux faċilment l-istess kontenut semantiku liż-żewġ kelmiet. Ikun irrealistiku wieħed jaħseb li l-konsumaturi jittraduċu l-kelma Ġermaniża jew Olandiża "Hai" bit-terminu Amerikan "shark" mingħajr assoċjazzjoni ta' idea oħra. Għaldaqstant, ma teżistix minn dan il-lat iktar probabbiltà ta' konfużjoni.

34      Fl-aħħar nett, l-intervenjent jikkonstata li l-ammissjoni ta' "konfużjoni inkroċjata assoluta" m'għandha l-ebda effett fuq dan il-każ, minħabba li l-konsumaturi, fil-preżenza ta' Trade Mark li hija kemm verbali u figurattiva, jiftakkru prinċipalment l-element verbali "shark" u mhux l-element grafiku.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

35      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar l-oppożizzjoni minn propjetarju ta' Trade Mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' Trade Mark m'għandhux tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ Trade Marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-Trade Marks teżisti probabbiltà ta' konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-Trade Mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta' konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-Trade Mark preċedenti. Minbarra dan, skond l-Artikolu 8(2)(a)9i) u (ii) tar-Regolament Nru 40/94, it-Trade Marks preċedenti tfisser it-Trade Marks komunitarji u t-Trade Marks irreġistrati fi Stat Membru, li d-data ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-Trade Mark Komunitarja.

36      Skond ġurisprudenza kostanti, hemm probabbiltà ta' konfużjoni meta l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi li huma konnessi ekonomikament.

37      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni trid tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni u fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti għall-każ, b'mod partikolari ta' l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi irrappreżentati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-0162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata)

38      F'dan il-każ, it-Trade Marks preċedenti kienu irreġistrati fuq livell nazzjonali, fl-Awstrija, u fuq livell Komunitarju. Għaldaqstant, it-territorju rilevanti għall-analiżi tar-probabbiltà ta' konfużjoni huwa kompost mill-Unjoni Ewropea kollha u, b'mod partikolari, mill-Awstrija. Peress li l-prodotti in kwistjoni huma prodotti tal-konsum ta' kuljum, il-pubbliku mmirat huwa l-konsumatur medju, li huwa mifhum li huwa normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat. Huwa evidenti li l-prodotti li qed nitkelmu dwarhom, jiġifieri x-xorb enerġetiku, huwa mmirat speċjalment għal pubbliku żagħżugħ.

39      Minbarra dan, anki jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 m'għandux dispożizzjoni li tixbaħ lil dik ta' l-Artikolu 8(2), li tgħid li huwa biżżejjed, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta' Trade Mark, li raġuni assoluta ta' rifjut teżisti biss f'parti tal-Komunità, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-istess soluzzjoni għandha tiġi applikata f'din il-kawża. Minn dan isegwi li r-reġistrazzjoni għandha wkoll tiġi miċħuda, anki meta r-raġuni għar-rifjut teżisti biss f'parti tal-Komunità (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Marzu 2004, Műlhens vs L-UASI – Zirh International (ZIRH), T-355/02 li għada ma gietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, hemm lok li jiġu mqabbla, primarjament, il-prodotti kkonċernati u, it-tieni nett, is-sinjali konfliġġenti.

–       Fuq it-tqabbil tal-prodotti

41      Wieħed għandu jiftakar li, skond il-ġurisprudenza, biex tevalwa x-xebh bejn il-prodotti jew servizzi in kwistjoni, għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw il-konnessjoni tagħhom. Dawn il-fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru kompetittiv jew komplementari tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 23).

42      It-Trade Marks f'kuntatt ma' xulxin huma rreġistratati għal ċerti prodotti ta' l-istess klassi, jiġifieri l-klassi 32, li d-deskrizzjoni tagħhom hija, fil-parti l-kbira, identika ħafna.

43      Il-prodotti inklużi fil-klassi 5 msemmija fl-applikazzjoni għat-Trade Mark jistgħu wkoll ikunu prodotti li jservu għall-preparazzjoni tax-xorb, speċjalment xorb enerġetiku. Fir-rigward ta' prodotti tal-klassi 33, li fosthom jidhru x-xarbiet alkoħoliċi, għandu jiġi kkonstatat li attwalment ix-xorb enerġetiku huwa ta' spiss ikkummerċjalizzat u kkunsmat ma' xorb alkoħoliku.

44      Minbarra dan, il-prodotti kollha in kwistjoni inklużi fil-klassijiet 5, 32 u 33 huma normalment suġġetti għad-distribuzzjoni ġġeneralizzata mis-sezzjoni ta' l-ikel ta' ħanut kbir sal-barijiet u l-kafeteriji.

45      Għal dak li jikkonċerna s-servizzi tal-klassijiet 35 u 42 imsemmija fl-applikazzjoni għat-Trade Mark, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma inqas simili għall-prodotti koperti mit-Trade Marks preċedenti. Il-fatt li x-xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku huwa s-suġġett ta’ promozzjonijiet fil-fieri u jiġi kkunsmat ta' spiss fir-restoranti m'huwiex biżżejjed biex joħloq konnessjoni bejn dawn il-prodotti u s-servizzi li jidħlu fil-klassijiet 35 u 42.

46      Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li l-prodotti li jidħlu fil-klassi 32 huma identiċi. Il-prodotti inklużi fil-klassijiet 5 u 33 msemmija fl-applikazzjoni għat-Trade Mark huma talment konnessi mal-prodotti li jidħlu fil-klassi 32, li huma koperta mit-Trade Marks preċedenti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala simili. Għal kuntrarju ta' dan, is-servizzi inklużi fil-klassijiet 35 u 42 msemmija fl-applikazzjoni għat-Trade Mark, u l-prodotti koperti mit-Trade Marks preċedenti ma jistgħux jitqiesu li huma simili.

–       Dwar it-tqabbil tas-sinjali

47      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tar-probabbiltà ta' konfużjoni trid tirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali f'kunflitt ma' xulxin, ibbażat fuq l-impressjoni globali mogħtija minnhom, fid-dawl, b'mod partikolari ta' l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-grad ta' xebh bejn it-Trade Marks in kwistjoni fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali huwiex għoli biżżejjed sabiex jitqies li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom.

49      F'dan il-każ, fuq livell viżiv, bilfors irid jiġi kkonstatat li ż-żewġ sinjali, Hai u SHARK, jiddistingwu ruħhom mill-grafika tagħhom, peress li t-Trade Mark SHARK biss tippreżenta ruħha taħt forma figurattiva. F'dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota li l-grafika ta' l-ittri tat-Trade Mark SHARK tirriproduċi l-forma ta' kelb il-baħar, filwaqt li s-sinjal Hai huwa kompost esklużivament mit-terminu "Hai". Anki fl-aspetti verbali tagħhom, is-sinjali f‘kunflitt ma' xulxin ("Hai" u "shark") għandhom jitqies li huma differenti, anki jekk it-tnejn li huma għandhom il-kombinazzjoni ta' l-ittri "h" u "a". Għaldaqstant, iż-żewġ sinjali m'humiex simili fuq livell viżiv.

50      Fuq livell fonetiku, huwa ċar li s-sinjali in kwistjoni ma jippreżentaw ebda xebh.

51      Fuq livell kunċettwali, huwa evident li l-kelma Ingliża "shark" hija tradotta fil-kelma "Hai" bil-Ġermaniż u l-Finlandiż, fil-kelma "haai" bl-Olandiż u fil-kelma "haj" bid-Daniż u bl-Svediż. Għaldaqstant huwa probabbli li l-persuni li jitkelmu dawn il-lingwi jifhmu kemm il-kelma "shark" kif ukoll il-kelma "Hai" bħala li tfisser "kelb il-baħar". Dan huwa fuq kollox il-każ għall-pubbliku mmirat, peress illi dawn huma żagħżagħ, li ġeneralment għandhom għarfien biżżejjed tal-lingwa Ingliża sabiex jifhmu s-sinjifikat tal-kelma "shark". Dan huwa wkoll il-każ għal persuni li ma jidentifikawx immedjatament il-kelma Ingliża "shark", imma li jifhmu t-tifsira tagħha meta jaraw ix-xbieha ta' kelb il-baħar. Fil-fatt, il-kontenut semantiku tat-Trade Marks preċedenti huwa kkompletat mill-grafika tagħhom fil-forma ta' kelb il-baħar li tirrendi t-tifsira aktar aċċessibbli u evidenti. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li jeżisti xebh kunċettwali bejn is-sinjali in kwistjoni li, madankollu, jeħtieġ traduzzjoni preliminari.

52      Minbarra dan, jidher li t-Trade Mark mitluba tista' tittraduċi bil-logħob tal-kliem, distorsjoni tal-kelma Ingliża "high". Madankollu, din it-tifsira m'hijiex evidenti u m'hijiex biżżejjed biex tinnewtralizza x-xebh kunċettwali bejn is-sinjali f'kunflitt ma' xulxin.

53      Għaldaqstant, ma jeżisti ebda xebh viżiv jew fonetiku bejn is-sinjali in kwistjoni, imma ċertu xebh kunċettwali, li jeħtieġ traduzzjoni preliminari.

54      Għaldaqstant għandu jiġi evalwat globalment jekk, f'dan il-każ, dan ix-xebh kunċettwali huwiex biżżejjed biex joħloq probabbiltà ta' konfużjoni.

–       Dwar l-evalwazzjoni globali tas-sinjali in kwistjoni

55      Skond il-ġurisprudenza, is-sempliċi xebh kunċettwali, bejn it-Trade Marks m'huwiex biżżejjed sabiex joħloq probabbiltà ta' konfużjoni f'ċirkustanzi fejn it-Trade Mark preċedenti ma tgawdix minn notorjetà partikolari u tikkonsisti fi xbieha li tippreżenta ftit elementi immaġinarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 25).

56      Il-probabbiltà ta' konfużjoni hija aktar għolja meta l-karattru distintiv tat-Trade Mark preċedenti jsir aktar importanti. Ma jistax għaldaqstant jiġi eskluż li x-xebh kunċettwali li joħroġ mill-fatt li ż-żewġ Trade Marks jużaw xbiehat li jaqblu mal-kontenut semantiku tagħhom jistgħu joħolqu probabbiltà ta' konfużjoni fil-każ fejn it-Trade Mark preċedenti jkollha karattru distintiv partikolari kemm jekk intrinsikament, kemm jekk minħabba l-konoxxenza tagħha fis-suq (ara f'dan is-sens, is-sentenza SABEL, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 24). Trade Marks bħal dawn igawdu minn protezzjoni ħafna aktar wiesgħa minn Trade Marks li l-karattru distintiv tagħhom huwa inqas (sentenza Canon, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 18, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lord Schuhfabrik Meyer, C-3442/97, Ġabra p. I-3819, punt 20).

57      Biex jiġi ddeterminat il-karattru distintiv ta' Trade Mark u, għaldaqstant, jiġi kkunsidrat jekk huwa għandux karattru distintiv għoli, wieħed għandu jevalwa globalment il-kapaċità bejn wieħed u ieħor kbira tad-Trade Mark li tidentifka l-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun ġiet irreġistrata bħala li joriġinaw minn intrapriża partikolari u b'hekk li tiddistingwi dawk il-prodotti jew servizzi minn dawk ta' intrapriżi oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustiza ta' L4 ta' Mejju, Windsurfmg Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. 1-2779, punt 49, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22).

58      Matul din l-evalwazzjoni, wieħed għandu jikkunsidra, b’mod partikolari, il-kwalitajiet intrisiċi tat-Trade Mark, li jinkludu l-fatt jekk hijiex nieqsa jew le minn kull element deskrittiv ta' prodotti jew servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, il-parti tas-suq meħud mit-Trade Mark, l-intensità, il-wiesa’ ġeografika u t-tul ta' l-użanzi ta' dik it-Trade Mark, l-importanza ta' investimenti maghmula minn intrapriża għall-promozzjoni, il-proporzjoni ta' l-aħjar interessi li jidentifikaw il-prodotti jew is-servizzi li joriġinaw minn intrapriża partikolari permezz ta' Trade Mark, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Kmamar tal-Kummerċ u ta' l-Industrija jew ta' assoċjazzjonijiet oħra professjonali (sentenzi Windsurfmg Chiemsee, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 51, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23).

59      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma invokax l-għarfien tat-Trade Marks tiegħu fis-suq, imma biss il-karattru distintiv intrinsikament għoli tagħhom. Il-preżenza jew in-nuqqas ta' elementi deskrittivi fit-Trade Marks preċedenti, għandhom, sadanittant, jiġu kkunsidrati flimkien mal-kwalitajiet intrinsiċi oħra matul l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħhom.

60      Huwa kostanti, f’dan il-każ, li t-Trade Marks preċedenti SHARK m'għandhom ebda element deskrittiv. Dawn huma Trade Marks bi grafika partikolari, fejn l-ittri huma b'karattri li għandhom stil b'mod li s-sinjali jinvokaw il-forma ta' kelb il-baħar, l-"s" hija r-ras, l-"a" il-ġewnaħ tad-dahar u l-"k" huwa d-denb ta' l-annimal. Wieħed għandu jgħid li l-annimal magħżul u l-prodott li huwa l-oġġett tat-Trade Marks preċedenti m'humiex insinjifikanti: huwa essenzjalment kelb il-baħar li qed jiġi utilizzat biex jirrappreżenta xorb enerġetiku. Dawn it-Trade Marks, meħuda kollha flimkien, jistgħu jiġu kkunsidrati li jolqtu u jiġbdu l-attenzjoni. Dawn it-Trade Marks huwa wkoll aktar faċli li jiġu mmemorizzati mill-pubbliku rilevanti.

61      B'konsegwenza, il-kwalitajiet intrinsiċi tat-Trade Marks preċedenti jagħtuhom karattru distintiv ħafna aktar għoli, kuntrarjament għal dak li l-UASI u l-intervjent jallegaw.

62      Għaldaqstant, wara li ġie kkonstatat li dawn huma prodotti parzjalment identiċi u Trade Marks preċedenti li għandhom karattru intrinsikament distintiv, wiehed għandu jeżamina jekk, fdan il-każ, l-uniku xebh kunċettwali jinneċessitax traduzzjoni preliminari, biżżejjed biex tikkonkludi l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni.

63      F'dan ir-rigward, wieħed għandu jenfasizza li l-prodotti tal-każ huma xarbiet enerġetiċi mmirati għal pubbliku żagħżugħ li ġeneralment għandu konoxxenza ta' l-artikoli tas-suq. Bħal ma l-Bord ta' l-Appell innota ġustament, dawn il-prodotti normalment huma l-oġġett ta' distribuzzjoni ġġeneralizzata, per eżempju, fis-supermarkets fejn il-pubbliku jixtrihom speċjalment "b'harsa". Wieħed m'għandux jittraskura aktar l-importanza ta' ordnijiet orali fir-restoranti, fil-kafeteriji u fil-barijiet.

64      Fir-rigward ta' dak kollu li ntqal, wieħed għandu jikkunsidra li d-differenzi viżivi u fonetiċi importanti bejn it-Trade Marks tal-każ huma ta' natura li jinnewtralizzzaw b'miżura sostanzjali x-xebh kunċettwali, li jinneċessita traduzzjoni preliminari. Fil-fatt, il-livell ta' xebh kunċettwali bejn iż-żewġ Trade Marks huwa ta' inqas importanza fil-każ fejn il-pubbliku rilevanti, matul ix-xiri, jista' jara u jippronunzja l-isem tat-Trade Mark.

65       B'hekk wieħed għandu jinnota li l-livell ta' xebh bejn it-Trade Marks tal-każ mhux għoli biżżejjed biex ikun jista' jiġi kkunsidrat li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti tal-każ joriġinaw mill-istess intrapriża jew, skond il-każ, minn intrapriżi li huma marbutin ekonomikament.

66      Fid-dawl tad-differenzi bejn is-sinjali konfliġġenti, din l-evalwazjoni ma ġietx invalidata minħabba l-fatt li l-prodotti u s-servizzi ppreżentati mit-Trade Mark mitluba huma parzjalment identiċi ma' prodotti deskritti minn Trade Marks preċedenti.

67      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonkluda li ma teżistix probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-Trade Mark mitluba u t-Trade Marks preċedenti.

68      Fir-rigward ta' deċiżjonijiet nazzjonali mressqa mill-partijiet, wieħed għandu jiftkakar li hija ġurisprudenza kostanti li r-reġistrazzjoni diġà effettwata fl-Istati Membri ma tikkostitwixxix ħlief l-elementi li, mingħajr ma tkun determinanti, jistgħu jiġu kkunsidrati biss għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta' Trade Mark Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tas-16 ta' Frar 2000, Procter & Gamble/UASI (Forma ta' sapuna), T-122/99, Ġabra p.n-265, punt 61; tal-31 ta' Jannar 2002, Sunrider vs L-UASI (VITALITE), T-24/00, Ġabra p. 11-449, punt 33, u tad-19 ta' Settembru 2001, Henkel vs L-UASI (Pillola tonda ħamra u bajda), T-337/99, Ġabra pII-2597, punt58].

69      Għal dak li jikkonċema l-użanzi ta’ l-UASI, wieħed jerġa' jdur għal ġurisprudenza dwar deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta' sinjal bħala Trade Mark Komunitarju li l-Bordijiet ta' l-Appelli jridu jieħdu, skond ir-Regolament Nru 40/94, relatat ma' kompetenza konnessa u mhux poter diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-karattru reġistrabbli ta' sinjal bħala Trade Mark Komunitarja ma jistax jiġi evalwat ħlief fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament kif interpretat mill-ġudikatura Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta' prattika preċedenti tal-Bordijiet ta' l-Appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. 11-723, punt 66; ta' 1-20 ta' Novembru 2002, Bosch vs L-UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p.II-4881, punt 32, u tat-30 ta' April 2003, Axions u Blece vs L-UASI (Forma ta' sigarru ta' kulur kannella u fil-forma ta' ingott tad-deheb), T-324/01 u T-110/02, Ġabra p.II-897, punt 51].

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda l-unika talba tar-rikorrenti u r-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitluba mill-UASI u mill-intervenjent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (ir-Raba’ Awla)

taqta' u tiddeċiedi:

1)       Ir-rikors huwa miċħud.

2)       Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Legal

Tiili

Vadapalas

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ, fil-Lussemburgu, 9 ta’ Marzu 2005.

Reġistratur

 

       President

H. Jung

 

       H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.