Language of document : ECLI:EU:C:2020:462

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Ġunju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2009/72/KE – Artikolu 35(4) u (5) – Indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasferixxi s-setgħa ta’ nomina tal-President tal-awtorità regolatorja nazzjonali mill-Kap tal-Istat lill-Gvern – Parteċipazzjoni ta’ ministeri nazzjonali fil-proċeduri għall-iffissar tal-prezzijiet”

Fil-Kawża C‑378/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tas-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Jannar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura mibdija minn

Prezident Slovenskej republiky

fil-preżenza ta’:

Národná rada Slovenskej republiky,

Vláda Slovenskej republiky,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Prezident Slovenskej republiky, minn Z. Čaputová,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, R. Lindenthal u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-Prezident Slovenskej republiky (il-President tar-Repubblika Slovakka) dwar il-kompatibbiltà mal-Kostituzzjoni Slovakka, moqrija flimkien mad-dritt tal-Unjoni, tar-regoli nazzjonali dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-President tal-Úrad pre reguláciu siet’ových odvetví (l-Awtorità Regolatorja tal-Industriji tan-Netwerks, is-Slovakkja, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Regolatorja”) kif ukoll dwar il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ ministeri nazzjonali fi proċeduri għall-iffissar tal-prezzijiet quddiem din l-awtorità.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 33 u 34 tad-Direttiva 2009/72 jgħidu li:

“(33)      Id-Direttiva 2003/54/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211)] introduċiet ir-rekwiżit li l-Istati Membri jistabbilixxu regolaturi b’kompetenzi speċifiċi. Madankollu, l-esperjenza turi li l-effikaċja tar-regolamentazzjoni ħafna drabi tkun limitata bin-nuqqas ta’ indipendenza tar-regolaturi mill-gvern, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ setgħat u diskrezzjoni. Għal dik ir-raġuni, fil-laqgħa tiegħu fit‑8 u d‑9 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti leġislattivi li jipprevedu għal aktar armonizzazzjoni tas-setgħat u t-tisħiħ tal-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija. Għandu jkun possibbli li dawn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jkopru kemm is-settur tal-elettriku kif ukoll dak tal-gass.

(34)      Sabiex is-suq intern tal-elettriku jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li r-regolaturi tal-enerġija jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet regolatorji relevanti kollha, u li jkunu indipendenti għal kollox minn kwalunkwe interess pubbliku jew privat. Dan ma jipprekludix la r-reviżjoni ġudizzjarja u lanqas is-superviżjoni parlamentari taħt il-liġijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Addizzjonalment, l-approvazzjoni tal-baġit tar-regolatur mil-leġislatur nazzjonali ma tikkostitwixxix ostakolu għall-awtonomija baġitarja. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-awtonomija fl-implimentazzjoni tal-baġit allokat tal-awtorità regolatorja għandhom jiġu implimentati fil-qafas definit mil-liġi jew ir-regoli baġitarji nazzjonali. Filwaqt li jikkontribwixxu għall-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali minn kwalunkwe interess politiku jew ekonomiku permezz ta’ skema ta’ rotazzjoni xierqa, l-Istati Membri jistgħu jqisu b’mod xieraq id-disponibilità tar-riżorsi umani u d-daqs tal-bord ta’ amministrazzjoni.”

4        Intitolat “Ħatra u indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji”, l-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li:

“1.      Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità regolatorja nazzjonali waħda fil-livell nazzjonali.

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja u jiżguraw li din teżerċita is-setgħat tagħha b’mod imparzjali u trasparenti. Għal dan il-għan, Stat Membru għandu jiżgura li, meta twettaq il-kompiti regolatorji kkonferiti fuqha permezz ta’ din id-Direttiva u leġiżlazzjoni relatata, l-awtorità regolatorja:

(a)      tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra;

(b)      għandha tiżgura li l-persunal tagħha u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tagħha:

(i)      jaġixxu b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess tas-suq; u

(ii)      ma jitolbux jew jieħdu istruzzjonijiet diretti mill-ebda gvern jew entità pubblika jew privata oħra fit-twettiq tal-kompiti regolatorji. Dan ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-koperazzjoni mill-qrib, fejn ikun il-każ, ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra relevanti jew għal-linji gwida ġenerali ta’ politika maħruġa mill-gvern li ma jkunux relatati mad-dmirijiet u setgħat regolatorji taħt l-Artikolu 37.

5.      Sabiex tkun protetta l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiżguraw li:

(a)      l-awtorità regolatorji jistgħu jieħdu deċiżjonijiet awtonomi, b’mod indipendenti minn kwalunkwe entità politika, u jkollha allokazzjonijiet annwali separati tal-baġit, b’awtonomija fl-implimentazzjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit allokat, u riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom; u

(b)      il-membri tal-Bord tal-Awtorità Regolatorja jew, fin-nuqqas ta’ bord, l-eżekuttiv għoli tal-awtorità regolatorja għandhom jinħatru għal terminu fiss ta’ minn 5 sa 7 snin, li jista’ jiġġedded darba biss.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw skema ta’ rotazzjoni adegwata għall-bord jew għalleżekuttiv għoli. Il-membri tal-bord jew, fin-nuqqas ta’ bord, il-membri tal-eżekuttiv għoli jistgħu biss jitneħħew mill-kariga matul il-mandat tagħhom jekk ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu jew jekk jinsabu ħatja ta’ mġiba ħażina skont il-liġi nazzjonali.”

5        L-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Objettivi ġenerali tal-awtoritajiet regolatorji”, jgħid li:

“Fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jinkisbu l-objettivi li ġejjin fil-qafas tal-kompiti u s-setgħat tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 37, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali konċernati oħra inklużi awtoritajiet tal-kompetizzjoni, fejn ikun il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tagħhom:

(a)      il-promozzjoni, f’koperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija, l-awtoritajiet regolatorji ta’ Stati Membri oħrajn u l-Kummissjoni, ta’ suq intern fl-elettriku li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli fi ħdan il-Komunità, u ftuħ effettiv fis-suq għall-konsumaturi u l-fornituri kollha tal-Komunità kif ukoll li jkunu żgurati kondizzjonijiet adegwati għat-tħaddim effettiv u affidabbli tan-netwerks tal-enerġija, meta jitqiesu l-objettivi fuq medda twila ta’ żmien;

[…]”

6        Intitolat “Dmirijiet u setgħat tal-awtoritajiet regolatorji”, l-Artikolu 37(1) tal-istess direttiva jipprevedi li:

“L-awtoritajiet regolatorji għandhom ikollhom id-dmirijiet li ġejjin:

(a)      l-iffissar jew l-approvazzjoni, bi qbil mal-kriterji ta’ trasparenza, ta’ tariffi ta’ trasmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jew tal-metodoloġiji tagħhom;

[…]”

 Id-dritt Slovakk

7        Iż-zákon č. 250/2012 Z.z. o regulácii v sieťových odvetviach (il-Liġi Nru 250/2012, dwar ir-Regolamentazzjoni fl-Industriji tan-Netwerks) ittrasponiet fid-dritt Slovakk id-Direttiva 2009/72 kif ukoll id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94). Din il-liġi ġiet emendata miż-zákon č. 164/2017 Z.z., ktorým sa mení a dopĺňa zákon č. 250/2012 Z.z. o regulácii v sieťových odvetviach v znení neskorších predpisov (il-Liġi Nru 164/2017, li Temenda u Tikkompleta l-Liġi Nru 250/2012 dwar ir-Regolamentazzjoni fl-Industriji tan-Netwerks, kif emendata).

8        Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi Nru 164/2017:

“Il-metodu ta’ ħatra tal-President tal-Awtorità Regolatorja qiegħed jiġi emendat. Skont il-leġiżlazzjoni attwali, il-President tal-Awtorità Regolatorja jinħatar u jitneħħa mill-President tar-Repubblika Slovakka fuq proposta tal-Gvern tar-Repubblika Slovakka. Qiegħed jiġi propost li l-President tal-Awtorità Regolatorja jinħatar mill-Gvern tar-Repubblika Slovakka. Din l-emenda tirrifletti r-responsabbiltà effettiva li għandu l-Gvern tar-Repubblika Slovakka fil-qasam tar-regolamentazzjoni tas-settur tan-netwerks, filwaqt li żżomm l-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja. Ir-responsabbiltà sħiħa u kompleta skont il-politika tal-enerġija fir-Repubblika Slovakka għandha tittieħed mill-Gvern tar-Repubblika Slovakka, peress li s-setgħat tal-President huma limitati ħafna f’dan il-qasam. Din hija r-raġuni għalfejn huwa neċessarju u loġiku li s-setgħa li jinħatar u li jitneħħa l-President tal-Awtorità Regolatorja tingħata lill-Gvern tar-Repubblika Slovakka.

[…]

F’ċerti proċeduri għall-iffissar tal-prezzijiet, il-Ministeru għall-Ekonomija tar-Repubblika Slovakka u l-Ministeru għall-Ambjent tar-Repubblika Slovakka jibbenefikaw mill-kwalità ta’ parti fil-proċedura, u dan jagħtihom, f’dawn il-proċeduri għall-iffissar tal-prezzijiet, possibbiltajiet proċedurali għall-finijiet ta’ protezzjoni koerenti tal-interess pubbliku.

[…]”

9        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, tipprevedi li:

“L-Awtorità Regolatorja għandha titmexxa minn president maħtur u mneħħi mill-Gvern tar-Repubblika Slovakka […]”

10      It-tielet sentenza tal-Artikolu 14(3) ta’ din il-liġi tistabbilixxi li:

“L-entità rregolata li tkun ippreżentat proposta ta’ prezzijiet għandha tkun parti fil-proċedura għall-iffissar tal-prezzijiet. Jekk il-proċedura għall-iffissar tal-prezzijiet tinbeda mill-Awtorità Regolatorja, l-entità rregolata li l-Awtorità Regolatorja għandha l-intenzjoni li tissuġġetta għal regolamentazzjoni tal-prezzijiet għandha tkun parti fil-proċedura. Il-Ministeru [għall-Ekonomija] għandu jkun ukoll parti fil-proċedura għall-iffissar tal-prezzijiet jekk il-kwistjoni tkun tirrigwarda proċedura għall-iffissar tal-prezzijiet skont l-Artikolu 11(1)(d) jew l-Artikolu 11(1)(e), dwar l-operaturi ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni reġjonali; proċedura għall-iffissar tal-prezzijiet skont l-Artikolu 11(2)(c) u l-Artikolu 11(2) (d), dwar operatur ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni li miegħu huma konnessi iktar minn 100 000 punt ta’ konsum; jew il-Ministeru għall-Ambjent tar-Repubblika Slovakka jekk il-kwistjoni tkun tirrigwarda proċedura għall-iffissar tal-prezzijiet skont l-Artikolu 11(4)(a) sa (c).”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fis‑16 ta’ Ottubru 2017, il-President tar-Repubblika Slovakka ppreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tas-Slovakkja), rikors intiż sabiex din tal-aħħar tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 14(3) tal-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, mal-Artikolu 1(1) u (2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 288 TFUE, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, kif emendata, jikkostitwixxu traspożizzjoni inkorretta tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73.

12      Skont il-President tar-Repubblika Slovakka, li kompliet, wara l‑15 ta’ Ġunju 2019, il-proċedura mibdija mill-predeċessur tagħha, l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, ma josservawx l-obbligu li tiġi ggarantita l-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja, li jirriżulta mill-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72 u mill-Artikolu 39(4) u (5) tad-Direttiva 2009/73.

13      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, sabiex tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha, għandha tiġi ddefinita l-portata tal-kunċett ta’ “indipendenza” tal-Awtorità Regolatorja, fis-sens ta’ dawn id-direttivi. Hija tenfasizza li, għall-finijiet ta’ simplifikazzjoni tad-domandi preliminari, dawn tal-aħħar jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/72, peress li r-risposta għal dawn id-domandi hija trasponibbli għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/73, li r-regoli rilevanti tagħha huma identiċi għal dawk tad-Direttiva 2009/72.

14      Skont din il-qorti, il-President tar-Repubblika Slovakka identifikat, fil-kuntest tal-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, żewġ istanzi ta’ ksur tal-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja. L-ewwel waħda hija l-bidla fis-setgħa li jinħatar u li jitneħħa l-President ta’ din l-awtorità, liema setgħa għaddiet mill-President tar-Repubblika Slovakka, elett direttament miċ-ċittadini, lill-Gvern Slovakk. It-tieni istanza ta’ ksur tikkonsisti fit-tkabbir tal-grupp tal-partijiet fil-proċedura għall-iffissar tal-prezzijiet quddiem l-imsemmija awtorità sabiex jinkludi rappreżentanti ta’ ministeri nazzjonali li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, huma intiżi li jiddefendu l-interess pubbliku.

15      Quddiem l-imsemmija qorti, il-Gvern Slovakk isostni li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, ma jippreġudikawx l-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja, sa fejn din il-liġi tinkludi numru ta’ garanziji oħra dwar din l-indipendenza li ma ġewx affettwati minn din l-emenda leġiżlattiva.

16      Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li d-dubji li hija għandha dwar il-legalità tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/72 jirriżultaw mill-fatt li l-għan imfittex minn din id-direttiva huwa preċiżament, kif jirriżulta mill-premessa 33 tagħha, li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja, b’mod partikolari fir-rigward tal-gvernijiet tal-Istati Membri.

17      Hija tqis li, qabel l-emenda introdotta bil-Liġi Nru 164/2017, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 250/2012, adottati sabiex tiġi trasposta din id-direttiva, kienu jippermettu li tissaħħaħ l-imsemmija indipendenza. Fil-fatt, taħt il-Liġi Nru 250/2012, minn naħa, ma kienx il-Gvern Slovakk, iżda l-President tar-Repubblika Slovakka li kellu s-setgħa ta’ ħatra u ta’ tneħħija tal-President tal-Awtorità Regolatorja, u, min-naħa l-oħra, ebda rappreżentant ta’ ministeri ma kien jieħu sehem fil-proċedura għall-iffissar tal-prezzijiet quddiem din l-awtorità.

18      Issa, il-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, stabbilixxiet mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/72, li, kuntrarjament għall-għan imfittex minn din tal-aħħar, ma tikkontribwixxix għat-tisħiħ tal-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ústavný súd Slovenskej republiky (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tas-Slovakkja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 35(4) tad-Direttiva [2009/72] jista’ jiġi interpretat, b’mod partikolari fid-dawl tal-premessa 33 tiegħu, fis-sens li jipprekludi li fi Stat Membru, fil-kuntest tal-emenda tal-miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq, titħassar is-setgħa tal-President tar-Repubblika, elett direttament miċ-ċittadini, li jaħtar u li jirrevoka l-President tal-awtorità regolatorja, u li din is-setgħa tingħata pjuttost lill-gvern, trasferiment li jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni legali eżistenti qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva?

2)      L-Artikolu 35(5) tad-Direttiva [2009/72] jista’ jiġi interpretat, b’mod partikolari fid-dawl tal-premessa 34 tiegħu, fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, bl-għan li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-interess pubbliku, tawtorizza lill-ministeri sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ regolamentazzjoni tariffarja quddiem l-awtorità regolatorja?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

20      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilixxew mill-ġdid, għal dak li jirrigwarda l-ħatra u t-tneħħija tal-President tal-Awtorità Regolatorja kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ ministeri nazzjonali f’ċerti proċeduri għall-iffissar tal-prezzijiet, ir-regoli applikabbli fid-dritt Slovakk meta d-Direttiva 2003/54 kienet fis-seħħ. Wara l-emendi li saru bil-Liġi Nru 164/2017, minn naħa, il-Gvern Slovakk sar kompetenti għal din il-ħatra u għal din it-tneħħija minflok il-President tar-Repubblika Slovakka, u, min-naħa l-oħra, ċerti ministeri ngħataw il-kwalità ta’ “partijiet” fl-imsemmija proċeduri.

21      Issa, peress li d-Direttiva 2003/54 tħassret permezz tad-Direttiva 2009/72, li wieħed mill-għanijiet iddikjarati tagħha huwa dak li tissaħħaħ l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, ir-ritorn għas-sitwazzjoni legali ta’ qabel din l-aħħar direttiva jista’ jippreġudika, fil-fehma tal-imsemmija qorti, l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali, fis-sens tad-Direttiva 2009/72, filwaqt li l-Liġi Nru 250/2012, fil-verżjoni inizjali tagħha, żgurat traspożizzjoni korretta ta’ din l-aħħar direttiva fid-dritt Slovakk.

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2009/72 hija intiża, essenzjalment, li tistabbilixxi suq intern tal-elettriku miftuħ u kompetittiv, li jippermetti lill-konsumaturi jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u lil dawn tal-aħħar li jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom, li toħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi f’dan is-suq, li tiżgura s-sigurtà tal-provvista u li tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Slovenské elektrárne, C‑376/18, EU:C:2019:1068, punt 32).

23      Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, id-Direttiva 2009/72 tagħti lill-awtorità regolatorja nazzjonali prerogattivi wiesgħa fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tas-sorveljanza tas-suq tal-elettriku.

24      Kif tfakkar il-premessa 33 ta’ din id-direttiva, il-Kunsill Ewropew tat‑8 u tad‑9 ta’ Marzu 2007 stieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tfassal proposti leġiżlattivi ta’ natura li jiżguraw armonizzazzjoni ikbar tas-setgħat u t-tisħiħ tal-indipendenza tar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija. Barra minn hekk, skont il-premessa 34 tal-imsemmija direttiva, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku, ir-regolaturi tal-enerġija għandhom ikunu f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet dwar l-aspetti regolatorji rilevanti kollha u jkollhom indipendenza totali mill-interessi pubbliċi jew privati l-oħra.

25      Minn dan isegwi li, kif tindika l-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 2009/72 hija intiża li ssaħħaħ l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali meta mqabbla mas-sistema prevista mid-Direttiva 2003/54, li hija ħassret. Tali tisħiħ huwa rifless fid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IX tad-Direttiva 2009/72, intitolat “Awtoritajiet regolatorji nazzjonali”, li fih jinsab, b’mod partikolari, l-Artikolu 35 tagħha li l-interpretazzjoni tiegħu hija koperta minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

26      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-fatt, indikat mill-qorti tar-rinviju, li l-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, stabbilixxiet mill-ġdid is-sitwazzjoni legali li kienet tipprevali fir-Repubblika Slovakka meta d-Direttiva 2003/54 kienet fis-seħħ, għal dak li jirrigwarda r-regoli ta’ ħatra u ta’ tneħħija tal-President tal-Awtorità Regolatorja kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ ministeri nazzjonali f’ċerti proċeduri għall-iffissar tal-prezzijiet, ma jimplikax neċessarjament, u għal din ir-raġuni biss, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/72, dwar l-indipendenza tal-imsemmija awtorità, jipprekludu d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi li stabbilixxew tali regoli.

27      Fil-fatt, sakemm dawn ir-regoli jiġu adottati fil-limiti tal-kompetenzi li d-Direttiva 2009/72 tħalli lill-Istati Membri u jkunu akkumpanjati minn garanziji dwar l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali prevista minn din id-direttiva, sitwazzjoni legali li fiha l-leġiżlatur ta’ Stat Membru jkun introduċa mill-ġdid ċerti regoli dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Awtorità Regolatorja nazzjonali li kienu fis-seħħ f’dan l-Istat Membru meta d-Direttiva 2003/54 kienet applikabbli ma tmurx neċessarjament kontra d-Direttiva 2009/72.

28      Minn dan isegwi li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dawk previsti mil-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, indipendentement mill-konformità tagħhom mad-dritt tal-Unjoni qabel din l-emenda leġiżlattiva.

 Fuq l-ewwel domanda

29      Għandu jiġi osservat li, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 35(4) tad-Direttiva 2009/72, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020, Caisse d’assurance maladie de la santé à la travail d’Alsace-Moselle, C‑769/18, EU:C:2020:203, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Għalhekk, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li l-Gvern ta’ dan l-Istat huwa kompetenti sabiex jaħtar u jneħħi l-President tal-awtorità regolatorja nazzjonali.

31      L-Artikolu 35(4) tad-Direttiva 2009/72 jobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali u jiżguraw li hija teżerċita l-kompetenzi tagħha b’mod imparzjali u trasparenti.

32      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “indipendenza”, li ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2009/72, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għal dak li jirrigwarda l-korpi pubbliċi, dan il-kunċett jindika, fis-sens abitwali tiegħu, normalment status li jiżgura lill-korp ikkonċernat il-possibbiltà li jaġixxi fil-libertà kollha fir-rigward tal-organi li minnhom għandha tiġi żgurata l-indipendenza tiegħu, mingħajr ebda istruzzjoni u ebda pressjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑530/16, EU:C:2018:430, punt 67).

33      Sabiex tiġi ggarantita tali indipendenza, l-Artikolu 35(4) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi, minn naħa, fil-punt (a) tiegħu, li l-imsemmija awtorità għandha tkun legalment distinta u funzjonalment indipendenti minn kull entità pubblika jew privata oħra. Min-naħa l-oħra, il-punt (b)(i) u (ii) ta’ dan l-Artikolu 35(4) jistabbilixxi rekwiżiti dwar l-indipendenza tal-persunal u tal-persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-istess awtorità, li għandhom jaġixxu indipendentement minn kull interess kummerċjali u la għandhom jitolbu u lanqas jaċċettaw istruzzjonijiet diretti minn xi gvern jew entità pubblika jew privata oħra fl-eżerċizzju tal-kompiti regolatorji. Dawn ir-rekwiżiti jimplikaw li l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha teżerċita d-doveri regolatorji tagħha mingħajr influwenza esterna.

34      Barra minn hekk, sabiex l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali tkun protetta, l-Artikolu 35(5)(b) tad-Direttiva 2009/72 jeżiġi li l-membri tal-bord ta’ din l-awtorità jew, fin-nuqqas ta’ bord, l-eżekuttiv għoli tagħha għandhom jinħatru għal perijodu ddeterminat ta’ bejn ħames snin u seba’ snin massimu, li jista’ jiġġedded darba biss. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw sistema adegwata ta’ rotazzjoni għall-bord jew għall-eżekuttiv għoli, peress li dan il-bord jew dan l-eżekuttiv għoli ma jistgħux jitneħħew mill-kariga tagħhom matul il-mandat tagħhom ħlief jekk ma jissodisfawx iktar il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi Artikolu 35 jew jekk jinsabu ħatja ta’ mġiba ħażina, skont id-dritt nazzjonali.

35      Sabiex jiġu osservati dawn ir-rekwiżiti, is-setgħa ta’ ħatra u ta’ tneħħija mill-bord tal-awtorità regolatorja nazzjonali jew, fl-assenza ta’ bord, mill-eżekuttiv għoli ta’ din l-awtorità, għandha tkun irregolata b’mod strett mil-liġi u għandha tiġi eżerċitata abbażi ta’ kriterji oġġettivi, elenkati b’mod ċar u eżawrjenti, u verifikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑530/16, EU:C:2018:430, punt 86).

36      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/72 ma tippreċiża liema awtorità jew awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ħatra u għat-tneħħija tal-membri tal-bord jew tal-eżekuttiv għoli tal-awtorità regolatorja nazzjonali, b’mod partikolari l-President tagħha.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati, waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, jiżguraw l-effett sħiħ tagħha, filwaqt li jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-mezzi u tal-metodi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha. Għalhekk, din il-libertà ma taffettwax l-obbligu li kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji għandu li jadotta kull miżura neċessarja sabiex jiżgura l-effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, konformement mal-għan imfittex mid-direttiva (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Ormaetxea Garai u Lorenzo Almendros, C‑424/15, EU:C:2016:780, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jgawdu minn awtonomija istituzzjonali fl-organizzazzjoni u fl-istrutturazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2009/72, liema awtonomija għandha tiġi eżerċitata biss b’osservanza tal-għanijiet u tal-obbligi stabbiliti f’din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Ormaetxea Garai u Lorenzo Almendros, C‑424/15, EU:C:2016:780, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Minn dan isegwi li d-Direttiva 2009/72 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 35 tagħha ma jipprekludux li l-Gvern ta’ Stat Membru jkun jista’ jaħtar u jneħħi l-President tal-awtorità regolatorja nazzjonali.

40      Din is-setgħa ta’ ħatra u ta’ tneħħija għandha madankollu tiġi eżerċitata b’mod li l-indipendenza ta’ din l-awtorità tiġi ggarantita, fis-sens li r-rekwiżiti kollha previsti fl-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu osservati.

41      F’dan il-każ, il-Gvern Slovakk jindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja hija ggarantita mid-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha li jittrasponu d-Direttiva 2009/72 li huma attwalment fis-seħħ. Dan il-gvern jirreferi għad-dispożizzjonijiet, l-ewwel nett, tal-Artikolu 4(2) u (3) tal-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, li jistabbilixxi l-imparzjalità u l-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja u jindika liema huma l-korpi ta’ din l-awtorità, it-tieni nett, tal-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, kif emendata, li jirregola, fost oħrajn, il-ħatra, l-istatus, l-attività u t-tneħħija tal-President tal-imsemmija awtorità, it-tielet nett, tal-Artikolu 6 tal-imsemmija liġi, kif emendata, li jikkonċerna l-attività tal-bord regolatorju u, ir-raba’ nett, tal-Artikolu 7 ta’ din l-istess liġi, kif emendata, li jirregola l-ħatra u t-tneħħija tal-membri tal-bord regolatorju u r-rekwiżiti li jikkonċernawhom. B’mod partikolari, il-President tal-Awtorità Regolatorja għandu mandat ta’ sitt snin, is-salarju tiegħu huwa stabbilit b’mod ċar u trasparenti permezz tal-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, u ma jistax jitneħħa mill-funzjonijiet tiegħu ħlief għar-raġunijiet espressament previsti minnha.

42      Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt Slovakk jiggarantixxu l-fatt li l-Gvern ta’ dan l-Istat Membru ma jeżerċita ebda influwenza fuq il-President tal-Awtorità Regolatorja ta’ natura li tipperikola l-indipendenza ta’ din l-awtorità.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li d-domanda preliminari tagħmel parti minnu, kif iddefinit mid-deċiżjoni tar-rinviju, hemm lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrispondi għad-domanda magħmula biss fir-rigward id-dispożizzjonijiet esposti mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni, C‑240/15, EU:C:2016:608, punti 30 u 31).

44      Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet kkonċernati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tiġi protetta, fid-dawl tal-fatt li, skont dan l-artikolu, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dawk invokati mill-Gvern Slovakk fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sa fejn dawn ma ġewx imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Hija din il-qorti li għandha tiddetermina jekk dawn id-dispożizzjonijiet jippermettux li tiġi ggarantita l-indipendenza tal-Awtorità Regolatorja, kif meħtieġ mid-Direttiva 2009/72, kwistjoni li r-risposta tagħha ma hijiex iddeterminata minn qabel mill-fatt li, kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva ma tipprojbixxix li l-Gvern Slovakk jista’ jaħtar u jneħħi lill-President tal-Awtorità Regolatorja.

46      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li l-Gvern ta’ dan l-Istat huwa kompetenti sabiex jaħtar u jneħħi lill-President tal-awtorità regolatorja nazzjonali, sakemm ir-rekwiżiti kollha previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet jiġu osservati, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq it-tieni domanda

47      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bil-għan li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-interess pubbliku, tipprevedi l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ ministeri ta’ dan l-Istat f’ċerti proċeduri quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali, dwar l-iffissar tal-prezzijiet.

48      Qabelxejn, għandu jiġi indikat li, permezz tal-imsemmija domanda, din il-qorti qiegħda tirreferi għall-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-Ministeru għall-Ekonomija u tal-Ministeru għall-Ambjent tar-Repubblika Slovakka fil-proċeduri msemmija iktar ’il fuq. Issa, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-parteċipazzjoni tal-Ministeru għall-Ambjent tikkonċerna biss il-proċeduri għall-iffissar tal-prezzijiet marbuta mal-produzzjoni u mal-provvista tal-ilma tax-xorb. Għalhekk, f’każ bħal dan, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, regoli komuni dwar il-produzzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, bil-għan li jittejbu u jiġu integrati swieq tal-elettriku kompetittivi fl-Unjoni Ewropea, ma għandhomx japplikaw għal tali parteċipazzjoni.

49      Fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni preliminari, għandu jiġi osservat li l-imsemmija domanda tirrigwarda l-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa l-funzjonament tal-awtorità regolatorja nazzjonali sabiex l-indipendenza deċiżjonali tagħha tiġi ggarantita.

50      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 35(5)(a) tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu deċiżjonijiet b’mod awtonomu, indipendentement minn kull korp politiku.

51      Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-indipendenza tal-persunal u tal-persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali, meħtieġa mill-Artikolu 35(4)(b)(ii) tad-Direttiva 2009/72, timplika li din l-awtorità teżerċita l-kompiti regolatorji tagħha lil hinn minn kull influwenza esterna.

52      Madankollu, skont din id-dispożizzjoni, ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-persunal u tal-persuni responsabbli għall-ġestjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali huwa bla ħsara, b’mod partikolari, għal-linji gwida ġenerali mfassla mill-Gvern tal-Istat Membru kkonċernat li, madankollu, ma jistgħux jikkonċernaw id-dmirijiet u l-kompetenzi regolatorji msemmija fl-Artikolu 37 tad-Direttiva 2009/72. Dawn jinkludu dmirijiet u kompetenzi dwar l-iffissar, l-approvazzjoni u s-sorveljanza ta’ diversi tariffi u prezzijiet, b’mod partikolari, dawk li jinsabu fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, li jikkonsistu fl-iffissar jew fl-approvazzjoni, skont kriterji trasparenti, tat-tariffi ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-metodi ta’ kalkolu tagħhom.

53      Fil-fatt, f’dan l-aħħar rigward, mill-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, fil-kuntest tad-dmirijiet u tal-kompetenzi ddefiniti fl-Artikolu 37 tal-imsemmija direttiva, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tieħu l-miżuri kollha raġonevoli sabiex tilħaq l-għanijiet ta’ interess pubbliku li dan l-Artikolu 36 jelenka, fosthom, b’mod partikolari, il-promozzjoni ta’ suq intern tal-elettriku kompetittiv, sigur u sostenibbli għall-ambjent, l-effiċjenza tal-enerġija jew il-protezzjoni tal-konsumaturi.

54      Minn dan isegwi li l-indipendenza deċiżjonali, fis-sens tal-Artikolu 35(4)(b)(ii) u (5)(a) ta’ din id-direttiva, timplika li, fil-kuntest tad-dmirijiet u tal-kompetenzi regolatorji msemmija fl-Artikolu 37 tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tadotta d-deċiżjonijiet tagħha b’mod awtonomu, abbażi biss tal-interess pubbliku, sabiex tiżgura l-osservanza tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija direttiva, mingħajr ma tkun suġġetta għal istruzzjonijiet esterni minn korpi pubbliċi jew privati oħra.

55      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tipprojbixxi l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ ministeri nazzjonali f’ċerti proċeduri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-aċċess għan-netwerk ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku kif ukoll it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ din l-enerġija.

56      Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom fl-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/72, imfakkra fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli li jippermettu tali parteċipazzjoni, sakemm l-indipendenza deċiżjonali tal-awtorità regolatorja nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 35(4) u (5) ta’ din id-direttiva, tibqa’ ggarantita.

57      Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-fatt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Liġi Nru 250/2012, kif emendata bil-Liġi Nru 164/2017, jipprevedu l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ ministeri nazzjonali f’ċerti proċeduri dwar l-iffissar tal-prezzijiet ma jwassalx neċessarjament, u għal din ir-raġuni biss, sabiex l-Awtorità Regolatorja ma teżerċitax id-dmirijiet tariffarji tagħha b’mod indipendenti, fis-sens tad-Direttiva 2009/72 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 35 tagħha.

58      Il-Gvern Slovakk jindika, f’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li tali parteċipazzjoni hija neċessarja u rilevanti sabiex dawn il-ministeri jiġu informati bil-proċeduri dwar l-iffissar tal-prezzijiet fid-dawl tan-natura ta’ interess ġenerali ta’ dawn il-proċeduri għas-soċjetà kollha, għal dak li jirrigwarda prinċipalment l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-politika enerġetika tar-Repubblika Slovakka.

59      Dan il-gvern iżid li r-rappreżentanti tal-imsemmija ministeri ma jgawdu minn ebda dritt speċifiku li jippermettilhom jinterferixxu fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità Regolatorja, peress li l-parteċipazzjoni tagħhom hija, essenzjalment, suġġetta għar-regoli proċedurali amministrattivi ġenerali tad-dritt Slovakk. Dawn ir-regoli jiggarantixxu, fil-fatt, lill-partijiet kollha fil-proċeduri inkwistjoni li jipparteċipaw b’mod attiv, u, għaldaqstant, li jiddefendu d-drittijiet u l-interessi tagħhom, li jesprimu ruħhom u li jippreżentaw proposti, li jippreżentaw osservazzjonijiet u li jieħdu sehem fid-dibattiti, li jipproduċu provi, li jikkonsultaw il-fajls, li jirċievu d-deċiżjonijiet u, jekk ikun il-każ, li jikkontestawhom permezz ta’ rikors quddiem il-bord regolatorju ta’ din l-awtorità kif ukoll quddiem il-qrati nazzjonali.

60      Min-naħa l-oħra, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-President tar-Repubblika Slovakka ssostni, b’mod partikolari, li, anki taħt il-Liġi Nru 250/2012, qabel ma ġiet emendata bil-Liġi Nru 164/2017, l-Awtorità Regolatorja kienet, matul l‑2017, annullat id-deċiżjonijiet inizjali taħt il-pressjoni tal-Gvern Slovakk, billi ssostitwiethom b’deċiżjonijiet konformi mal-volontà politika ta’ dan tal-aħħar.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju la semmiet ir-regoli u d-dispożizzjonijiet nazzjonali invokati mill-Gvern Slovakk, fatt li jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, milli teħodhom inkunsiderazzjoni, u lanqas pproduċiet xi informazzjoni fir-rigward tal-prassi deċiżjonali tal-awtorità regolatorja nazzjonali.

62      B’dan premess, sabiex tingħata risposta utli għat-tieni domanda, għandu jiġi osservat li, kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72 jeżiġi li, f’dan il-każ, ir-rappreżentanti tal-ministeri nazzjonali ma jistgħux jużaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’dawn il-proċeduri dwar l-iffissar tal-prezzijiet sabiex jeżerċitaw kwalunkwe pressjoni fuq l-Awtorità Regolatorja jew sabiex jagħtuha istruzzjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħha fil-kuntest tad-dmirijiet u tal-kompetenzi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva.

63      Għalkemm id-Direttiva 2009/72 ma tipprekludix li l-Gvern ta’ Stat Membru, b’mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-ministeri tiegħu, ikun jista’ jsostni l-pożizzjoni tiegħu quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali fir-rigward tal-mod li bih huwa jqis li din l-awtorità tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku fil-kuntest tad-dmirijiet regolatorji tagħha, din il-parteċipazzjoni u, b’mod partikolari, l-opinjonijiet ifformulati minn dawn ir-rappreżentanti matul il-proċeduri dwar l-iffissar tal-prezzijiet ma jistgħux ikunu ta’ natura vinkolanti u lanqas fi kwalunkwe każ ma jistgħu jitqiesu, mill-awtorità regolatorja, bħala istruzzjonijiet li hija għandha tikkonforma ruħha magħhom fl-eżerċizzju tad-dmirijiet u tal-kompetenzi tagħha.

64      Barra minn hekk, ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ ministeri nazzjonali fil-proċeduri dwar l-iffissar tal-prezzijiet ma għandhomx jippreġudikaw il-portata tad-deċiżjonijiet tal-awtorità regolatorja, adottati skont id-dmirijiet u l-kompetenzi previsti fl-imsemmi Artikolu 37. B’mod partikolari, fejn tali dmirijiet jew kompetenzi jkunu jeżiġu dan, dawn ir-regoli ta’ parteċipazzjoni ma jistgħux jaffettwaw in-natura obbligatorja u direttament applikabbli tad-deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità, billi jimponu, pereżempju, li dawn id-deċiżjonijiet ikunu, qabel l-implimentazzjoni tagħhom, aċċettati jew awtorizzati minn qabel minn dawn ir-rappreżentanti.

65      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bil-għan li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-interess pubbliku, tipprevedi l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ ministeri ta’ dan l-Istat f’ċerti proċeduri quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali, dwar l-iffissar tal-prezzijiet, bil-kundizzjoni li tiġi osservata l-indipendenza deċiżjonali ta’ din l-awtorità, liema fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tgħid li l-Gvern ta’ dan l-Istat huwa kompetenti sabiex jaħtar u jneħħi lill-President tal-awtorità regolatorja nazzjonali, sakemm ir-rekwiżiti kollha previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet jiġu osservati, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

2)      L-Artikolu 35(4) u (5) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, bil-għan li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-interess pubbliku, tipprevedi l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ ministeri ta’ dan l-Istat f’ċerti proċeduri quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali, dwar l-iffissar tal-prezzijiet, bil-kundizzjoni li tiġi osservata l-indipendenza deċiżjonali ta’ din l-awtorità, liema fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.