Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2023 – Kande Mupompa vs Il-Kunsill

(Kawża T-88/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Alex Kande Mupompa (Kinxasa, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo) (rappreżentanti: T. Bontinck, P. De Wolf u A. Guillerme, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2412 tat-8 ta’ Diċembru 2022 1 , sa fejn din iżżomm lir-rikorrent fin-Nru 5 tal-anness ta’ din id-deċiżjoni;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2401 tat-8 ta’ Diċembru 20221 , sa fejn dan iżomm lir-rikorrent fin-Nru 5 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament.

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. Għal dan il-għan ir-rikorrent jinvoka diversi lmenti rigward il-ksur tad-drittijiet tiegħu matul il-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni u għat-tiġdid mill-Kunsill tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu u, b’mod partikolari, il-ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ f’kundizzjonijiet aċċettabbli.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li wettaq il-Kunsill fir-rigward tal-involviment tar-rikorrent f’atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittjiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Ir-rikorrent jikkritika l-kuntest tal-eżami mill-ġdid li sar qabel it-tiġdid ikkontestat tal-miżuri restrittivi u jikkontesta kull involviment attwali fil-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi inkluż fil-lista ta’ persuni koperti mid-Deċiżjoni 2010/788/PESK.

____________

1  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2412 tat-8 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2022, L 317, p. 122).

1  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2401 tat-8 ta’ Diċembru 2022 li jimplimenta l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 dwar miżuri restrittivi speċifiċi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2022, L 317, p. 32).