Language of document :

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-14 ta’ April 2011 (1)

Kawża C‑371/08

Nural Ziebell

vs

Land Baden-Württemberg

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja)]

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 – Ċittadin Tork li jkun għex għal għaxar snin qabel id-deċiżjoni ta’ tkeċċija fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti – Kundanni kriminali – Estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE – Tkeċċija biss għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”





1.        Din id-domanda preliminari tirrigwarda l-kwistjoni jekk il-protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija stabbilita fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE (2) favur iċ-ċittadini tal-Unjoni tistax tiġi applikata għal ċittadin Tork li jibbenefika mid-drittijiet li jagħtih it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (3), tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni (4), meta kien għex fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal għaxar snin qabel id-deċiżjoni tat-tkeċċija meħuda kontrih mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

2.        Skont it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li kien awtorizzat li jingħaqad ma’ dan il-ħaddiem fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li ilu joqgħod hemmhekk, tal-inqas, għal ħames snin, jibbenefika mill-aċċess liberu, f’dak it-territorju, għal kull impjieg imħallas tal-għażla tiegħu.

3.        Sadanittant, l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi li deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ tittieħed kontra ċittadin tal-Unjoni li jkun għex għal għaxar snin qabel din id-deċiżjoni fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, biss għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nindika r-raġunijiet għaliex naħseb li ċittadin Tork ma jistax jibbenefika minn din il-protezzjoni msaħħa. Imbagħad ser nispjega li, fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq is-suġġett għandha tiġi applikata b’mod normali f’dan il-każ.

5.        Għalhekk, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jieħu miżuri ta’ tkeċċija kontra ċittadin Tork li jibbenefika mid-drittijiet li jagħtih it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta jkun għex fl-għaxar snin ta’ qabel din il-miżura fit-territorju ta’ dan l-Istat, sakemm l-imġiba tiegħu tikkostitwixxi theddida attwali, reali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, u dan trid tivverifikah il-qorti nazzjonali.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

6.        Sabiex jiġi rregolat il-moviment liberu tal-ħaddiema Torok fit-territorju tal-Komunità Ekonomika Ewropea, fit-12 ta’ Settembru 1963 ġie konkluż Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn din tal-aħħar u r-Repubblika tat-Turkija.

7.        Skont il-preambolu ta’ dan il-ftehim, dan huwa intiż biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħajja fit-Turkija u fil-Komunità permezz ta’ progress ekonomiku mħaffef u espansjoni armonjuża tal-kummerċ, kif ukoll sabiex titnaqqas id-differenza bejn l-ekonomija tar-Repubblika tat-Turkija u dik tal-Istati Membri tal-Komunità.

8.        Skont l-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Ftehim, dan għandu bħala għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partjiet, billi tittieħed totalment inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi żgurat l-iżvilupp mgħaġġel tal-ekonomija tar-Repubblika tat-Turkija u ż-żieda tal-livell tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu Tork.

9.        Fil-Kapitolu 3 tat-Titolu II tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bit-titolu “Dispożizzjonijiet oħrajn ta’ natura ekonomika”, l-Artikolu 12 jistabbilixxi li l-partijiet jaqblu li jispiraw ruħhom mill-artikoli tat-Trattat KE sabiex iwettqu gradwalment il-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom.

10.      L-implementazzjoni progressiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema Torok previst minn dan il-ftehim għandha ssir skont ir-regoli dettaljati adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li l-kompitu tiegħu huwa li jassigura l-applikazzjoni u l-iżvilupp progressiv tas-sistema ta’ assoċjazzjoni (5).

2.      Id-Deċiżjoni Nru 1/80

11.      Id-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha b’mod partikolari l-iskop, skont it-tielet premessa tagħha, li ttejjeb it-trattament mogħti lill-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom f’paragun mas-sistema istitwita mid-Deċiżjoni Nru 2/76 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tal-20 ta’ Diċembru 1976.

12.      L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa fformulat kif ġej:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati jingħaqdu miegħu:

–        għandhom id-dritt, bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-anqas tliet snin;

–        għandhom igawdu, f’dan l-Istat Membru, minn aċċess liberu għal kull impjieg imħallas tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal mhux inqas minn ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn tal-anqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol fl-imsemmi Stat Membru” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13.      L-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tat-Taqsima I tal-Kapitolu II tagħha, li fiha jinsabu l-Artikolu 1 u 7, “japplikaw bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubbliċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

3.      Id-Direttiva 2004/38

14.      Filwaqt li d-Direttiva 64/221/KEE (6) kienet tapplika għal ċittadini ta’ Stat Membru li joqogħdu jew imorru fi Stat Membru ieħor jew sabiex jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, jew bħala destinatarji ta’ servizzi (7), id-Direttiva 2004/38 tmur lil hinn minn dan l-approċċ settorjali u tintroduċi l-kunċett ta’ ċittadin tal-Unjoni fir-rigward tal-moviment u residenza fit-territorju tal-Istati Membri.

15.      Id-Direttiva 2004/38 tipprova tissimplifika u tiġbor il-leġiżlazzjonijiet li jeżistu f’dan il-qasam. Fil-fatt, din tneħħi l-obbligu taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiksbu karta ta’ residenza, tintroduċi dritt ta’ residenza permanenti favur dawn iċ-ċittadini u tiċċirkoskrivi l-possibbiltà tal-Istati Membri li jillimitaw ir-residenza taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra fit-territorju tagħhom.

16.      F’dan ir-rigward, iċ-ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw minn protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija. Fil-fatt, din id-direttiva tirrestrinġi strettament il-possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni.

17.      B’hekk, l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, dwar il-protezzjoni mit-tkeċċija, huwa fformulat kif ġej:

“3. Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)      għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti”.

B –    Id-dritt nazzjonali

18.      L-Artikolu 53 tal-liġi dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin fit-territorju Federali (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet), tat-30 ta’ Lulju 2004 (8), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 1 tal-liġi li tittrasponi direttivi tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dritt tar-residenza u tal-ażil (Gesetz zur Umsetzung aufenthalts- und asylrechtlicher Richtlinien der Europäischen Union) tad-19 ta’ Awwissu 2007 (9), jistabbilixxi li barrani għandu jkun suġġett għal miżura ta’ tkeċċija meta jkun ġie kkundannat għal reat wieħed jew iktar imwettaq intenzjonalment taħt piena ta’ privazzjoni tal-libertà jew piena għal att kriminali minn minuri ta’ mill-inqas tliet snin li tkun saret res judicata.

19.      Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll li barrani għandu jitkeċċa meta, matul perijodu ta’ ħames snin, ikun ġie kkundannat għal reati mwettqin intenzjonalment għal pieni ta’ privazzjoni tal-libertà jew għal pieni minħabba att kriminali minn minuri li jkunu saru res judicata b’total ta’ mill-inqas tliet snin jew tkun ġiet ordnata detenzjoni preventiva mal-aħħar kundanna definittiva tiegħu.

20.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 55 tal-Aufenthaltsgesetz, barrani jista’ jitkeċċa meta r-residenza tiegħu tippreġudika l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika jew interessi ewlenin oħrajn tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

21.      Madankollu, hemm prevista protezzjoni speċjali kontra t-tkeċċija. L-Artikolu 56(1) tal-Aufenthaltsgesetz jindika li barrani jibbenefika minn din il-protezzjoni jekk ikollu permess ta’ residenza permanenti u jkun għex legalment għal mill-inqas ħames snin fit-territorju federali. It-tkeċċija trid tkun ibbażata biss fuq raġunijiet gravi ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika. Bħala regola ġenerali, jeżistu raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u ta’ ordni pubbliku fil-każijiet previsti mill-Artikoli 53 u 54 tal-Aufenthaltsgesetz. Jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 53 tal-Aufenthaltsgesetz ikunu sodisfatti, il-barrani, fil-prinċipju, jitkeċċa. Jekk dawk tal-Artikolu 54 tal-Aufenthaltsgesetz ikunu sodisfatti, it-tkeċċija tiegħu hija suġġetta għal deċiżjoni diskrezzjonali.

22.      Skont l-Artikolu 1 tagħha, il-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Gesetz über die allgemeine Freizügigkeit von Unionsbürgern) tat-30 ta’ Lulju 2004 (10), kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 2 tal-liġi li ttrasponiet id-direttivi tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-dritt ta’ residenza u tal-ażil (11), tirregola d-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea (ċittadini tal-Unjoni) u tal-membri tal-familja tagħhom.

23.      Skont l-Artikolu 6(1) tal-Freizügigkeitsgesetz/EU, huwa biss għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ siġurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li jista’ jiġi kkonstatat it‑telf tad-dritt imsemmi fl-Artikolu 2(1) tagħha, li tista’ tiġi kkonfiskata l-attestazzjoni tad-dritt ta’ residenza taħt id-dritt Komunitarju jew ta’ residenza permanenti u li jista’ jiġi rrevokat il-permess ta’ residenza jew ta’ residenza permanenti.

24.      L-Artikolu 6(5) tal-Freizügigkeitsgesetz/EU jistabbilixxi li, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li għexu fit-territorju Federali matul l-għaxar snin preċedenti, kif ukoll tal-minuri, din il-konstazzjoni tista’ ssir biss għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Din ir-regola ma tapplikax għall-minuri meta t-telf tad-dritt ta’ residenza huwa meħtieġ fl-interess tat-tfal. Barra minn hekk jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata minħabba reat jew reati mwettqa intenzjonalment għal piena ta’ privazzjoni tal-libertà jew għal piena minħabba att kriminali minn minuri ta’ mhux inqas minn ħames snin li tkun saret res judicata jew tkun ġiet imposta detenzjoni preventiva matul l-aħħar kundanna definittiva tagħha, fil-każ li tkun involuta s-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew meta l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi theddida terroristika.

II – Il-kuntest fattwali u d-domanda preliminari

25.      N. Ziebell (12) huwa ċittadin Tork li twieled fl-1973 fil-Ġermanja. Huwa għex mal-ġenituri tiegħu. Missieru, ċittadin Tork ukoll, kien joqgħod regolarment fit-territorju Ġermaniż bħala ħaddiem. Wara li dan tal-aħħar miet fl-1991, omm ir-rikorrent tqiegħdet f’dar għall-anzjani. Bħalissa, N. Ziebell ma jidhirx li joqgħod ma’ xi membru tal-familja tiegħu filwaqt li ħutu kollha għandhom il-familji tagħhom.

26.      N. Ziebell ilu jgawdi permess ta’ residenża għal żmien indeterminat mit-28 ta’ Jannar 1991, permess li ġġedded bħala permess ta’ residenza permanenti. Ir-rikorrent ħalla l-iskola mingħajr ma kiseb kwalifiki. Kien jagħmel xogħol temporanju okkażjonali, interrott regolarment b’perijodi ta’ qgħad u ta’ ħabs. Ilu ma jaħdem mix-xahar ta’ Lulju 2000.

27.      Fl-1991, N. Ziebell pejjep il-marijuana għal-ewwel darba, imbagħad mis-sena 1998, kien jikkonsma b’mod regolari l-eroina u l-kokaina. Huwa kien segwa programm ta’ kura bil-methadone fl-2001 u trattament ta’ disintossikazzjoni fl-2003, iżda fallew it-tnejn.

28.      Mis-sena 1993, N. Ziebell ġie kkundannat ħafna drabi għal diversi reati, partikolarment għal serq ma’ oħrajn, offiżi gravi fuq il-persuna, pussess intenzjonali ta’ oġġett ipprojbit, serq u serq aggravat. Huwa kien ġie detenut mix-xhur ta’ Jannar 1993 sa Diċembru 1994, minn Awwissu 1997 sa Ottubru 1998, minn Lulju sa Ottubru 2000, minn Settembru 2001 sa Mejju 2002 u minn Novembru 2005 sa Ottubru 2008. Fit-28 ta’ Ottubru 2008 huwa beda kura terapewtika f’istitut speċjalizzat.

29.      Fit-28 ta’ Ottubru 1996, ir-rikorrent irċieva twissija mill- Ausländerbehörde (servizz tal-barranin), skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-barranin, minħabba r-reati li huwa kien wettaq sa dak iż-żmien.

30.      B’deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2007, ir-Regierungspräsidium Stuttgart ordna t-tkeċċija tar-rikorrent b’eżekuzzjoni immedjata.

31.      Skont ir-Regierungspräsidium Stuttgart, N. Ziebell għandu d-drittijiet li jagħtih it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, peress li twieled fit-territorju Ġermaniż u li għex hemmhekk fil-passat regolarment fid-dar tal-familja bħala tifel ta’ ħaddiem Tork, u dan matul tal-inqas ħames snin. Billi dawn id-drittijiet ma kinux spiċċaw, ir-rikorrent jibbenefika minn protezzjoni kontra t-tkeċċija mogħtija mill-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

32.      Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, tkeċċija tista’ tiġi ordnata biss jekk, minħabba l-imġiba individwali tiegħu, jeżisti riskju effettiv u gravi biżżejjed li jaffettwa interess fundamentali tas-soċjetà.

33.      Ir-Regierungspräsidium Stuttgart immotiva d-deċiżjoni tat-tkeċċija tiegħu bil-fatt li dan ir-riskju kien jeżisti f’dan il-każ partikolari minħabba r-reati ripetuti li kkommetta r-rikorrent.

34.      Barra minn hekk, ir-Regierungspräsidium Stuttgart jikkunsidra li N. Ziebell ma jistax juża l-protezzjoni speċjali kontra t-tkeċċija li tingħata mill-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004, billi din id-dispożizzjoni tapplika biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

35.      Ir-rikorrent oġġezzjona għat-tkeċċija tiegħu. B’sentenza tat-3 ta’ Lulju 2007, il-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Ġermanja) ċaħdet ir-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

36.      N. Ziebel ippreżenta appell kontra din is-sentenza quddiem il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja). Huwa qed jitlob li s-sentenza msemmija tinbidel kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tas-6 ta’ Marzu 2007.

37.      Il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-protezzjoni kontra t-tkeċċija stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […] u li tapplika għal ċittadin Tork, li l-pożizzjoni legali tiegħu tirriżulta mit-tieni inċiż [tal-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 7 […] tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u li f’dawn l-aħħar għaxar snin kellu r-residenza tiegħu fl-Istat Membru li fir-rigward tiegħu tapplika din il-pożizzjoni legali, hija konformi mal-Artikolu [hija rregolata mill-Artikolu] 28([3])(a) tad-Direttiva 2004/38 […], kif implementat mill-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li tkeċċija hija ġġustifikata biss għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif iddefiniti mill-Istat Membru?”

III – L-analiżi tiegħi

38.      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda mill-awtoritjajiet ta’ Stat Membru kontra ċittadin Tork li jibbenefika mid-drittijiet li jinsiltu mit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u li jkun għex matul l-għaxar snin ta’ qabel din id-deċiżjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat tista’ tiġi bbażata biss fuq raġunijiet imperattivi ta’ siġurtà pubblika.

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tinterpreta l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 diversi drabi. Għalhekk, fis-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, Nazli (13), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata tal-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku f’din id-dispożizzjoni, għandha ssir referenza għall-interpretazzjoni mogħtija għall-istess eċċezzjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema li huma ċittadini tal-Istati Membri (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li interpretazzjoni bħal dik hija a fortiori ġustifikata billi dik id-dispożizzjoni hija fformulata f’termini kważi identiċi għal dawk tal-Artikolu 39(3) KE (15).

40.      Għalhekk, skont il-ġurisprudenza żviluppata fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema ċittadini tal-Istati Membri u iktar speċifikament fil-kuntest tad-Direttiva 64/221, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-kunċett ta’ ordni pubbliku, minbarra t-tfixkil għall-ordni soċjali li jġib miegħu kull ksur tal-liġi, jippresupponi l-eżistenza ta’ theddida ġenwina u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (16).

41.      Skont N. Ziebell, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja dejjem applikat għaċ-ċittadini Torok, li jibbenefikaw minn dritt skont dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-prinċipji applikabbli għall-moviment liberu u r-residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri, huwa jikkunsidra li għandha tapplika l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 mutatis mutandis meta tinterpreta l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 meta ċittadin Tork ikun għadda l-għaxar snin ta’ qabel id-deċiżjoni tat-tkeċċija fit-territorju tal-Istat Membru. Għalhekk, applikata għas-sitwazzjoni personali tiegħu, miżura ta’ tkeċċija bħal dik hija illegali għaliex mhux ġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, skont l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

42.      Għar-raġunijiet li ġejjin, nikkunsidra li din l-analiżi ma hijiex ammissibbli.

43.      Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 1999, Eddline El-Yassini (17), li trattat internazzjonali għandu jiġi interpretat mhux biss skont it-termini li fih huwa redatt, iżda wkoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu (18). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq id-dritt tat-trattati tat-23 ta’ Mejju 1969 jippreċiża, f’dan ir-rigward, li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu (19).

44.      Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu bħala għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn ir-Repubblika tat-Turkija u l-Unjoni (20).

45.      Għalhekk ġew stabbiliti tliet fażijiet biex jintlaħaq dan l-għan. Matul il-fażi preparatorja, ir-Repubblika tat-Turkija għandha ssaħħaħ l-ekonomija tagħha sabiex tkun tista’ tassumi l-obbligi tagħha matul iż-żewġ fażijiet l-oħrajn (21). Il-fażi tranżitorja għandha bħala għan li titwaqqaf progressivament unjoni doganali bejn il-partijiet u sabiex il-politika ekonomika tagħhom titqarreb (22). Fl-aħħar nett, il-fażi definittiva hija bbażata fuq l-unjoni doganali u timplika t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tar-Repubblika tat-Turkija u tal-Unjoni (23).

46.      Minħabba l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll ta’ dawn it-tliet fażijiet, ma hemmx dubju fuq l-iskop esklużivament ekonomiku tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

47.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li sabiex tiġi implementata l-fażi tranżitorja, dan il-ftehim jistabbilixxi b’mod partikolari li l-partijiet kontraenti jaqblu li jispiraw ruħhom mill-Artikoli 39 KE sa 41 KE sabiex b’mod gradwali jitwettaq il-moviment liberu tal-ħaddiema bejniethom (24).

48.      Bl-istess mod, id-Deċiżjoni Nru 1/80 li għandha bħala għan li terġa’ tqajjem u tiżviluppa l-assoċjazzjoni (25), hija intiża sabiex ittejjeb is-sistema soċjali li minnha jibbenefikaw il-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom (26).

49.      Minn dan jirriżulta li huwa biss fil-kwalità tagħhom ta’ ħaddiema jew ta’ membri tal-familja ta’ ħaddiem li ċ-ċittadini Torok huma koperti mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u għalhekk jibbenefikaw mid-drittijiet li tagħtihom id-Deċiżjoni Nru 1/80.

50.      Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku li hemm fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-deċiżjoni b’riferiment għall-interpretazzjoni mogħtija għall-istess eċċezzjoni fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema ċittadini tal-Istati Membri, u b’mod iktar partikolari fil-qafas tad-Direttiva 64/221 (27).

51.      Fil-fatt, f’dak iż­-żmien, il-kwalità ta’ ħaddiem kienet id-denominatur komuni bejn il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u d-Direttiva 64/221, u l-Artikolu 1(1) tagħha kien ikopri ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li joqogħdu jew imorru fi Stat Membru ieħor jew sabiex jeżerċitaw hemmhekk attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala destinatarji ta’ servizzi.

52.      Issa, id-Direttiva 2004/38 tmur lil hinn mill-kuntest ekonomiku biss u minn dak tal-ħaddiema. Fil-fatt din id-direttiva ġiet adottata preċiżament sabiex tisboq l-approċċ settorjali u frammentarju tad-dritt għall-moviment u residenza liberi taċ-ċittadini tal-Unjoni li kien jeżisti sa dakinhar (28). Għalhekk, id-Direttiva 2004/38 ma għadhiex tkopri biss kategorija waħda ta’ persuni, jiġifieri l-ħaddiema, imma skont l-Artikolu 1(a) tagħha tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni (29) u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċirkolaw u joqogħdu b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri.

53.      B’mod partikolari, id-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi dritt ta’ residenza permanenti favur iċ-ċittadini tal-Istati Membri (30), kif ukoll sistema ta’ protezzjoni kontra miżuri ta’ tkeċċija bbażati fuq il-livell ta’ integrazzjoni tal-persuni kkonċernati fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (31), indipendentemet mill-istatus tagħhom ta’ ħaddiem. L-uniku status li jittieħed inkunsiderazzjoni minn dik id-direttiva huwa dak ta’ ċittadin tal-Unjoni li jinkiseb bl-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat tal-oriġni tiegħu.

54.      Għalkemm, bis-saħħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, iċ-ċittadini Torok għandhom drittijiet speċifiċi li jagħtuhom status speċjali meta mqabblin ma’ ċittadini oħrajn ta’ Stati terzi, jibqa’ l-fatt li ma għandhomx il-kwalità ta’ ċittadini tal-Unjoni u li s-sistema legali li huma suġġetti għaliha ma hijiex paragunabbli ma’ dik li huma suġġetti għaliha ċ-ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk, jekk is-sistema ta’ protezzjoni msaħħa stabbilita bid-Direttiva 2004/38 tiġi applikata għaċ-ċittadini Torok dan iwassal sabiex jiġu assimilati ma’ ċittadini tal-Unjoni, mingħajr ma qatt ma kien hemm din ir-rieda bejn il-partijiet fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

55.      Jekk tiġi ammessa l-applikazzjoni ta’ din is-sistema ta’ protezzjoni msaħħa ikun hemm il-konsegwenza li jinħolqu drittijiet ġodda għall-benefiċċju taċ-ċittadini Torok, filwaqt li huwa biss il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jista’ jagħmel il-modifiki adegwati għat-twettiq gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema skont kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika u ekonomika (32). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika b’analoġija l-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva għall-każ ta’ N. Ziebell, hija tkun qed taqbeż il-ġurisdizzjoni tagħha.

56.      Għalkemm is-sistema ta’ protezzjoni msaħħa stabbilita minn din id-direttiva ma tistax tiġi applikata għall-każ ta’ N. Ziebell, nikkunsidra li dan tal-aħħar b’daqshekk ma huwiex imċaħħad minn kull protezzjoni kontra miżura ta’ tkeċċija bbażata fuq raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Fil-fatt, naħseb li l-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward għandha tiġi applikata hawnhekk b’mod normali.

57.      Id-Direttiva 64/221 kienet tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2004/38, sabiex b’hekk għeb id-denominatur komuni bejn il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-ewwel direttiva, jiġifieri l-kwalità ta’ ħaddiem. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-prinċipji ammessi fil-kuntest tal-Artikoli 39 KE sa 41 KE għandhom jiġu trasposti, sa fejn dan huwa possibbli, għaċ-ċittadini Torok li jibbenefikaw mid-drittijiet rikonoxxuti mid-Deċiżjoni Nru 1/80 (33).

58.      Għalhekk, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata tal-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-deċiżjoni, għandu jsir riferiment għall-interpretazzjoni mogħtija lill-istess eċċezzjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni (34).

59.      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat riċentement, din l-eċċezzjoni tikkostitwixxi deroga għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, li għandha tinftiehem b’mod restrittiv u li l-portata tagħha ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri (35).

60.      Billi mxiet mal-ġurisprudenza stabbilita tagħha f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat mill-ġdid li l-fatt li awtorità nazzjonali tistrieħ fuq il-kunċett ta’ ordni pubbliku jippresupponi, minbarra it-taqlib fl-ordni soċjali li jinvolvi kwalunkwe ksur tal-liġi, l-eżistenza ta’ theddida ġenwina u suffiċjentement serja li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà (36).

61.      Għalhekk, il-miżuri meħuda għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew sigurtà pubblika jeħtieġ li jkunu bbażati esklużivament fuq l-imġiba personali tal-parti kkonċernata. Miżuri bħal dawn b’hekk ma jistgħux jiġu ordnati awtomatikament wara kundanna kriminali u bil-għan ta’ prevenzjoni ġenerali (37). Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi li taw lok għal kundanna kriminali għandhom juru l-eżistenza ta’ imġiba personali li tikkostitwixxi theddida attwali għall-ordni pubbliku (38).

62.      Għalhekk, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk l-imġiba ta’ N. Ziebell fis-sitwazzjoni preżenti għadhiex tikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku. Pereżempju, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-argumenti ppreżentati matul is-seduta minn N. Ziebell, jiġifieri li żżewweġ, li ma kisirx iktar il-liġi, li bħalissa huwa ħaddiem għal rasu u li l-piena tiegħu kienet inbidlet f’piena ta’ probation b’sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2009, billi jidher li l-problemi tiegħu tad-droga ġew solvuti.

63.      Barra minn hekk, naħseb li s-snin li għadda fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandhom jiġu kkunsidrati wkoll mill-qorti nazzjonali.

64.      Fil-fatt, billi l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/109/KE (39), jistabbilixxi li dan l-element għandu jiġi kkunsidrat qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadin ta’ Stat terz, jidhirli li dan għandu japplika, a fortiori, għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadini Torok li jibbenefikaw minn status partikolari fi ħdan l-Unjoni, fit-triq tan-nofs bejn l-istatus ta’ ċittadin ta’ Stat Membru u dak ta’ Stat terz.

65.      Dan jidher li huwa iktar u iktar importanti billi N. Ziebell twieled u dejjem għex fil-Ġermanja. Għalhekk huwa leġittimu li wieħed jaħseb li dan għandu rabtiet familjari u ekonomiċi mill-qrib mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Barra minn hekk, deċiżjoni ta’ tkeċċija jista’ jkollha konsegwenzi iebsin b’mod partikolari fuq il-ħajja familjari tiegħu. Issa l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li għandhom jiġu kkunsidrati d-drittijiet fundamentali li hija tiżgura r-rispett tagħhom meta deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ tostakola l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema (40). B’mod partikolari, id-dritt għar-rispett għall-ħajja tal-familja huwa protett mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma tal-4 ta’ Novembru 1950. Dan id-dritt jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali protetti mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ordinament ġuridiku Komunitarju (41).

66.      Għalhekk, invista tal-elementi kollha msemmijin, jiena tal-fehma li l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jieħu miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadin Tork li jibbenefika mid-drittijiet li jagħtih it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, meta jkun għex matul l-għaxar snin preċedenti fit-territorju ta’ dan l-Istat, sakemm l-imġiba tiegħu tikkostitwixxi theddida attwali, reali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

IV – Konklużjoni

67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej lill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg:

“L-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni, adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li twaqqaf bil-ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jieħu miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadin Tork li jibbenefika mid-drittijiet li jagħtih it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, meta jkun għex matul l-għaxar snin preċedenti fit-territorju ta’ dan l-Istat, sakemm l-imġiba tiegħu tikkostitwixxi theddida attwali, reali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, b’rettifiki fil-ĠU 2004, L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34).


3 – Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kien twaqqaf bil-ftehim li ħoloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra. Dan il-ftehim kien ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).


4 – Iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”. Id-Deċiżjoni Nru 1/80 tista’ tiġi kkonsultata fi Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u Protokolli KEE-Turkija u testi bażiċi oħrajn, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, Brussell, 1992.


5 – Ara l-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim.


6 – Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 11).


7 – Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 64/221.


8 – BGBl. 2004 I, p. 1950.


9 – BGBl. 2007 I, p. 1970, iktar ’il quddiem l-“Aufenthaltsgesetz”.


10 – BGBl. 2004 I, p. 1950


11 – Iktar ’il quddiem il-“Freizügigkeitsgesetz/EU”.


12 –      Wara li żżewweġ ċittadina Ġermaniża fil-mori tal-kawża, ir-rikorrent biddel kunjomu minn Örnek għal Ziebell.


13 – C‑340/97, Ġabra. p. I‑957.


14 – Punt 56. Ara wkoll, is-sentenzi 11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya (C‑467/02, Ġabra. p. I‑10895, punt 43); tat-2 ta’ Ġunju 2005, Dörr u Ünal (C‑136/03, Ġabra. p. I‑4759, punt 63), kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt (C‑303/08, Ġabra p. I‑13445, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 – Ara s-sentenza Nazli, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56).


16 – Ara s-sentenzi Nazli, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57); tas-7 ta’ Lulju 2005, Aydinli (C‑373/03, Ġabra p. I‑6181, punt 27); tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin (C‑325/05, Ġabra p. I‑6495, punt 54), u Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57).


17 – C‑416/96, Ġabra p. I‑1209.


18 – Punt 47.


19 – Idem.


20 – Ara l-Artikolu 2(1) ta’ dan il-ftehim.


21 – Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu  3(1) ta’ dan il-ftehim.


22 – Ara l-Artikolu 4(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.


23 – Ara l-Artikolu 5 ta’ dan il-ftehim.


24 – Ara l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.


25 – Ara l-ewwel premessa ta’ din id-deċiżjoni.


26 – Ara t-tielet premessa ta’ din id-deċiżjoni.


27 – Ara l-punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28 – Ara l-premessa 4 ta’ din id-direttiva.


29 – Il-korsiv huwa tiegħi.


30 – Ara l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.


31 – Ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, Ġabra p. I‑11979, punt 25).


32 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, Ġabra p. 3719, punt 21).


33 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Polat (C‑349/06, Ġabra p. I‑8167, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34 – Ara s-sentenza Polat, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30). Ara, ukoll, is-sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq (punt 55).


35 – Ara s-sentenza Bozkurt, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56).


36 – Ibidem (punt 57).


37Ibidem (punt 58).


38 – Ibidem (punt 59).


39 – Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).


40 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257, punt 97). Ara wkoll, fir-rigward ta’ ċittadin ta’ Stat terz, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C‑60/00, Ġabra p. I‑6279, punt 40).


41 – Sentenza Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq (punt 98).