Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Marzu 2011 - Reddig vs UASI- Morleys (Shape of knife handles)

(Kawża T-164/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Reddig GmbH (Drebber, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Thomas, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Morleys Ltd (Preston, ir-Renju Unit)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-15 ta' Diċembru 2010 fil-Każ R 1072/2009-2;

tordna lill-konvenut ibati l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u tordna lil intervenjenti (potenzjali) ibati l-ispejjeż tal-proċeduri amministrattivi quddiem il-Bord tal-Appell; u

tiffissa data għal smigħ fil-każ li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma jkunx possibbli mingħajr smigħ.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: It-trade mark tridimensjonali "dolphin", għall-prodotti fil-klassijiet 6, 8 u 20 - Trade mark Komunitarja rreġistrata bin-Nru 2630101

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Motivazzjoni tat-talba għal invalidità: Il-parti li qeda titlob id-dikjarazzjoni għall-invalidità bbażat it-talba tagħha fuq raġunijiet assoluti għal rifjut ta' invalidità skont l-Artikolu 52(1)(a) flimkien mal-Artikolu 7(1)(b), (c), (d) u (e)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, u fuq li l-proprjetarju kien aġixxa b'mala fede meta ppreżenta l-applikazzjoni skont l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: Aċċettat it-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità u ddikjarat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja invalida fl-intier tagħha

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud

Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, meta l-Bord tal-Appell interpreta b'mod skorrett dan l-artikolu u interpreta b'mod skorrett ir-rekwiżiti tad-deċiżjoni Lego tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Settembru 2010, Lego Juris vs UASI, C-48/09 P)

____________