Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Marzu 2011 - Cofra vs UASI - O2 (can do)

(Kawża T-162/11)

Lingwa tar-rikors: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Cofra Holding AG (Zug, l-Isvizzera) (rappreżentanti: K.-U. Jonas u J. Bogatz, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: O2 Holdings Ltd (Slough, ir-Renju Unit)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tal-10 ta' Jannar 2011, fil-Każ R 242/2009-4;

tikkundanna lill-konvenut u, fejn xieraq, lill-parti l-oħra, għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: O2 Holdings Ltd.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "can do" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 25, 35, 36, 38 u 43

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: it-trade mark verbali "CANDA" għal prodotti fil-klassi 25

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 15 u tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 1 kif ukoll tar-Regola 22 tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 2, billi l-Bord tal-Appell stabbilixxa kriterji stretti wisq għall-evalwazzjoni tal-prova ta' użu ġenwin u ma ħax inkunsiderazzjoni biżżejjed is-sitwazzjoni partikolari ta' bejgħ fl-impriża tar-rikorrenti. Barra minn dan, ksur tal-Artikolu 76 (2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, billi l-Bord tal-Appell b'mod żbaljat ma kkunsidrax id-dokumenti pprovduti għall-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark opposta. Fl-aħħar nett, ksur tal-Artikolu 75(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009, billi l-Bord tal-Appell ma informax lir-rikorrenti bil-fatt li huwa ma jikkunsidrax il-provi ta' użu li ġew prodotti bħala suffiċjenti u billi ma tax il-possibbiltà lir-rikorrenti li tipproduċi provi oħra fil-kuntest tas-seduta.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta' Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).