Language of document : ECLI:EU:C:2018:554

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

11 ta’ Lulju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 1999/5/KE – Rikonoxxenza reċiproka tal-konformità tat-tagħmir tar-radju u tat-tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni – Eżistenza ta’ standards armonizzati – Neċessità għal manifattur li japplika għand organu nnotifikat – Twaħħil tan-numru ta’ identifikazzjoni ta’ organu nnotifikat”

Fil-Kawża C‑192/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ April 2017, fil-proċedura

Cobra SpA

vs

Ministero dello Sviluppo economico

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Vajda (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u D. Kukovec, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 254), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 188, p. 14) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/5”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn COBRA SpA u l-Ministero dello Sviluppo economico (il-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku, iktar ’il quddiem il-“MISE”) dwar l-assenza ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-organu nnotifikat fuq it-tagħmir manifatturat minn COBRA u fuq l-imballaġġi tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 1999/5 tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mit-13 ta’ Ġunju 2016, bid-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU 2014, L 153, p. 62). Fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, madankollu, qed jiġi eżaminat fir-rigward tad-Direttiva 1999/5.

4        Il-premessi 14, 27 u 32 tad-Direttiva 1999/5 jipprovdu:

“(14)      Billi għandha tingħata kura li tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet m’għandux jippreżenta perikolu għas-saħħa li jista jiġi evitat;

[…]

(27)      Billi huwa fl-interess pubbliku li jkun hemm standards armonizzati f’livell Ewropew b’konnessjoni mad-disinn u manifattura ta’ tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni; billi konformità ma dawk l-livelli armonizzati tissoponi li hemm konformità mal-ħtiġijiet essenzjali; billi mezzi oħra biex tintwera konformità mal-ħtiġijiet essenzjali huma permessi;

[…]

(32)      Billi tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni li jikkonforma mal-ħtiġijiet essenzjali rilevanti għandhom ikunu permessi li jiċċirkolaw b’mod ħieles; billi dak it-tagħmir għandu jkun permess li jitqiegħed fis-servizz għall-għan maħsub tiegħu; billi t-tqegħid fis-servizz jista’ jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni dwar l-użu ta’ l-ispettru tar-radju u d-dispożizzjoni tas-servizz konċernat”.

5        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-qasam ta’ applikazzjoni u l-għan”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas regolatorju għat-tqegħid fis-suq, moviment liberu u tqegħid fis-servizz fil-Komunità ta’ tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni.”

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tifsiriet”, kien jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva t-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

ċ)      ‘tagħmir tar-radju’ tfisser prodott jew komponent relivanti [rilevanti] tiegħu, kapaċi għall-komunikazzjoni bil-mezz ta’ emissjoni u/jew riċeviment ta’ mewġ tar-radju li jutilizza l-ispettru allokat għal radjukomunikazzjoni terrestrija/spazjali;

[…]

ħ)      ‘Standards armonizzat’ tfisser speċifikazzjoni teknika adottata minn korp rikonoxxut ta’ l-istandards taħt mandat mill-Kummissjoni, b’konformità mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337)] biex tiġi stabbilita ħtieġa Ewropea, li l-konformità magħha mhix obbligatorja.”

7        L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Ħtiġijiet Essenzjali”, fil-paragrafu 1 tiegħu jistipula:

“Il-ħtiġijiet essenzjali li ġejjin japplikaw għall-apparat kollu:

a)      il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ dak li juża u ta’ kull persuna oħra, inklużi l-għanijiet dwar il-ħtiġijiet ta’ sigurtà li jinsabu fid-Direttiva 73/23/KEE [tal-Kunsill tad-19 ta’ Frar 1973 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tagħmir elettriku għall-użu fi ħdan ċerti limiti ta’ voltaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 261)] iżda mingħajr l-applikazzjoni ta’ limitu ta’ vultaġġ;

b)      il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni dwar kompatibilità elettromanjetika li jinsabu fid-Direttiva 89/336/KEE [tal-Kunsill tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-kompatibilità elettromanjetika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13. Vol. 9, p. 481)].”

8        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/5, intitolat “Standards Armonizzati”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn l-apparat jilħaq l-istandards armonizzati rilevanti jew partijiet tiegħu li n-numri ta’ riferenza tagħhom ikunu ġew pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropew, l-Istati Membri għandhom jippreżumu l-konformità ma’ dawk tal-ħtiġijiet essenzjali imsemmija f’Artikolu 3 billi huma koperti bl-imsemmija standards armonizzati jew partijiet tagħhom.”

9        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tqegħid fis-servizz u dritt għall-konnessjoni”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membru għandhom jippermettu t-tqegħid fis-servizz ta’ apparat għall-użu maħsub tiegħu jekk ikun jikkonforma mal-ħtiġijiet essenzjali xierqa identifikati f’Artikolu 3 u mad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra ta’ din id-Direttiva.”

10      L-Artikolu 10 tad-direttiva msemmija, intitolat “Proċeduri ta’ stima ta’ konformità”, kien jistipula:

“1.      Il-proċeduri ta’ stima ta’ konformità indikati f’dan l-Artikolu għandhom jintużaw biex juru l-konformità tal-apparat mal-ħtiġijiet rilevanti essenzjali identifikati f’Artikolu 3.

[…]

3.      Tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjoni li ma jagħmilx użu mill-ispettru allokat ta’ komunikazzjoni tar-radju terristrija/spazjali u l-partijiet li jirċievu ta’ tagħmir tar-radju għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura deskritta f’xi wieħed minn Annessi II, IV jew V skont l-għażla tal-manifattur.

4.      Fejn manifattur ikun applika l-istandards armonizzati imsemmija f’Artikolu 5(1), tagħmir tar-radju li ma jkunx skont il-paragrafu 3 għandu jkun suġġett għall-proċedura deskritta f’xi wieħed minn Annessi II, IV jew V skont l-għażla tal-manifattur.

5.      Fejn manifattur ma jkun applika jew ikun applika f’parti l-istandards armonizzati imsemmija f’Artikolu 5(1), tagħmir tar-radju li ma jkunx kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun suġġett għall-proċedura deskritta f’Anness IV jew V skont l-għażla tal-manifattur.

[…]”

11      Skont l-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Korpi [organi] notifikati u awtoritajiet ta’ sorveljanza”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-korpi li jkunu nnominaw biex iwettqu x-xogħlijiet relevanti riferuti f’Artikolu 10. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji mniżżla f’Anness VI dwar l-istabbiliment tal-korpi li għandhom jiġu nominati.

2.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet stabbiliti fit-territorju tagħhom li għandhom iwettqu x-xogħlijiet ta’ sorveljanza relatati mat-tħaddim ta’ din id-Direttiva.

[…]”

12      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 1999/5, intitolat “Immarkar KE[CE]”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Apparat li jikkonforma mal-ħtiġijiet rilevanti essenzjali għandu jġorr il-marka ta’ konformità CE imsemmija f’Anness VII. Għandha titwaħħal fuq responsabbiltà tal-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu fil-Komunità jew il-persuna responsabbli għat-tqegħid ta’ l-apparat fis-suq.

Fejn il-proċeduri identifikati f’Anness III, IV jew V jintużaw, l-immarkar għandu jkun akkumpanjat bin-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp notifikat imsemmi f’Artikolu 11(1). Tagħmir tar-radju għandu b’żieda jkun akkumpanjat bl-identifikatur tal-klassi ta’ tagħmir fejn dak l-identifikatur ikun ġie assenjat. Kull immarkar ieħor jista’ jitwaħħal mat-tagħmir b’mod illi l-viżibilità u l-leġibilità tal-immarkar CE ma tiġix konsegwentement imnaqqsa.”

13      L-Anness III ta’ din id-direttiva dwar proċedura ta’ stima ta’ konformità li għaliha jirreferi l-Artikolu 10(4) (Kontroll intern ta’ produzzjoni u testijiet ta’ apparat speċifiku), kien jipprovdi:

“Dan l-Anness jikkonsisti f’Anness II, u l-ħtiġijiet supplimentari li ġejjin:

Għal kull tip ta’ apparat, kull suite essenzjali tat-test tar-radju għandha titwettaq mill-manifattur jew għan-nom tiegħu. L-identifikazzjoni tat-test suites li huma meqjusa li huma essenzjali hija r-responsabbiltà tal-korp notifikat magħżul mill-manifattur ħlief fejn it-test suites huma definiti fl-istandards armonizzati. Il-korp notifkat għandu jagħti kont debitu tad-deċiżjonijiet ta’ qabel magħmula minn korpi notifikati jaġixxu flimkien. Il-korp notifkat għandu jagħti kont debitu tad-deċiżjonijiet ta’ qabel magħmula minn korpi notifikati jaġixxu flimkien.

Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jew il-persuna responsabbli għat-tqegħid ta’ l-apparat fis-suq għandu jiddikjara li dawn it-testijiet kienu ġew imwettqa u li l-apparat jikkonforma mal-ħtiġijiet essenzjali u għandu jwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp tan-notifika matul il-proċess ta’ manifattura.”

14      Skont il-punt 3 tal-Anness VII tal-imsemmija direttiva, dwar l-immarkar ta’ tagħmir li għalih jirreferi l-Artikolu 12(1) tal-istess direttiva, l-immarkar CE għandu jitwaħħal mal-prodott jew fuq il-pjanċa tat-tagħrif tiegħu. Barra minn hekk, għandu jitwaħħal mal-imballaġġ jekk ikun hemm, u mad-dokumenti li jkun hemm miegħu.

 Id-dritt Taljan

15      Id-decreto legislativo n. 269 – Attuazione della direttiva 1999/5/CE riguardante le apparecchiature radio, le apparecchiature terminali di telecomunicazione ed il reciproco riconoscimento della loro conformità (id-Digriet Leġiżlattiv Nru°269/2001, li jimplimenta d-Direttiva 1999/5/KE dwar it-Tagħmir tar-Radju u tat-Tagħmir Terminali ta’ Telekomunikazzjonijiet u r-Rikonoxximent Reċiproku tal-Konformità Tagħhom), tad-9 ta’ Mejju 2001 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 156, tas-7 ta’ Lulju 2001, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 269/2001”), fil-verżjoni fis-seħħ fi żmien il-fatti tal-kawża prinċipali, kien jipprevedi, fl-Artikolu 11(3) tiegħu, li “it-tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet li ma jużawx l-ispettru mogħti lill-komunikazzjonijiet bir-radju terrestri jew spazjali kif ukoll il-partijiet li jirċievu tagħmir tar-radju għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ konformità deskritti fl-Anness II, għal dawk fl-Anness IV jew dawk tal-Anness V ta’ dan id-digriet, skont l-għażla tal-manifattur.”

16      Skont l-Artikolu 11(4) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, “[f]ejn manifattur ikun applika l-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 5(1), tagħmir tar-radju li ma jkunx previsti fil-paragrafu 3 għandu jkun suġġett għall-proċedura deskritta f’xi wieħed mill-Annessi II, IV jew V, skont l-għażla tal-manifattur”.

17      L-Artikolu 13 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv kien jipprovdi li “Apparat li jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli għandu jġorr il-marka ta’ konformità CE msemmija fl-Anness VII. Din il-marka għandha titwaħħal taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur, tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu fil-Komunità jew tal-persuna responsabbli għat-tqegħid tal-apparat fis-suq. Fil-każ li jiġu applikati l-proċeduri identifikati fl-Anness III, IV jew V, l-immarkar għandu jkollu miegħu n-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat imsemmi fl-Artikolu 12(1)”.

18      L-Anness III tal-istess digriet leġiżlattiv kien jipprevedi li, “għal kull tip ta’ tagħmir, it-testijiet essenzjali tar-radju għandhom jitwettqu mil-manifattur jew b’mandat tiegħu. L-għażla tat-testijiet meqjusa essenzjali għandha titwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-organu nnotifikat magħżul mill-manifattur, ħlief jekk ikunu ddefiniti fl-istandards armonizzati”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      COBRA hija impriża fis-settur tat-tagħmir elettroniku għall-konsum mill-pubbliku, li tikkummerċjalizza, taħt it-trade mark “Pascal”, trażmettitur għal użu domestiku li jiġi installat ħdejn sors ta’ sinjal awdjo jew video, jaqbad is-sinjal ta’ dan is-sors u jirritrażmetti għas-smigħ jew għall-viżjoni lil televiżur li jkun jinsab sa 100 metru ’l bogħod. Din ir-ritrażmissjoni tuża l-ispettru tar-radju u għalhekk tikkostitwixxi trażmissjoni permezz ta’ radjufrekwenza.

20      Il-MISE hija kompetenti sabiex tikkontrolla dan it-tip ta’ tagħmir fl-Italja. Matul kontroll imwettaq fit-18 ta’ Mejju 2011, hija kkonstatat li, fuq l-eżemplari ta’ apparat ta’ din it-trade mark li kienu offruti għall-bejgħ lill-pubbliku, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ organu nnotifikat, fis-sens tad-Direttiva 1999/5, ma kien stampat la fuq l-apparat u lanqas fuq l-imballaġġ tiegħu, iżda kien jidher biss fil-manwal ta’ struzzjonijiet ipprovdut mal-apparat.

21      Il-MISE, peress li qieset li din l-informazzjoni kellha tidher fuq l-apparat stess sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 1999/5 u mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 269/2001, li kien żgura t-traspożizzjoni tiegħu fid-dritt Taljan, wettqet sekwestru amministrattiv tal-apparati ddikjarati irregolari u imponiet sanzjoni fuq COBRA. Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2011, hija ordnat lil din il-kumpannija tikkonforma l-eżemplari ssekwestrati kif ukoll dawk li diġà kienu tqiegħdu fis-suq Taljan.

22      COBRA ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja), fejn sostniet li din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq qari żbaljat tad-Direttiva 1999/5 u, b’mod partikolari, tat-tieni paragrafu tal-Anness III tagħha. Din il-qorti ċaħdet ir-rikors, billi ddeċidiet li d-Direttiva 1999/5 u d-Digriet Leġiżlattiv Nru 269/2001 jimponu l-indikazzjoni tal-organu nnotifikat responsabbli għall-eżattezza tal-kontroll tal-konformità fuq l-apparati tat-trade mark Pascal inkwistjoni. Sussegwentement, COBRA appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) li quddiemha hija, għal darba oħra, invokat in-nuqqas ta’ konformità tad-deċiżjoni inkwistjoni mad-Direttiva 1999/5.

23      Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) jikkonstata li l-apparati kkonċernati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/5 għar-raġuni li huma tagħmir tar-radju fis-sens tal-Artikolu 10(4) ta’ din id-direttiva. Huwa jispeċifika li, skont l-Artikolu 5 tad-direttiva msemmija, ir-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 3 tagħha huma preżunti bħala ssodisfatti għall-prodotti konformi mal-istandards armonizzati. Barra minn hekk, huwa jirrileva inkonsistenza apparenti fid-Direttiva 1999/5 fir-rigward tal-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali li jinsabu fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva, l-apparati konformi mar-rekwiżiti essenzjali kollha għandhom il-marka ta’ konformità “CE” prevista fl-Anness VII tagħha, iżda l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi wkoll, meta l-proċedura msemmija fl-Anness III tal-istess direttiva tiġi applikata, din il-marka għandha jkollha magħha n-numru ta’ identifikazzjoni tal-organu nnotifikat. Min-naħa l-oħra, skont il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), minn dan l-Anness III jirriżulta li, meta s-sensiela ta’ testijiet essenzjali tar-radju li għandhom jitwettqu jkunu ġew iddefiniti fl-istandards armonizzati, ma huwiex neċessarju li t-twaħħil tal-marka “CE” jkollu miegħu wkoll in-numru ta’ identifikazzjoni tal-organu nnotifikat.

24      Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), iqis li huwa illoġiku u kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza li jintalab l-intervent ta’ organu nnotifikat meta jeżistu standards armonizzati fuq livell Ewropew. Tali approċċ huwa kkonfermat bin-nota ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/95, li tgħid li, meta l-istandards armonizzati jindikaw it-testijiet tekniċi essenzjali kollha għat-tagħmir tar-radju, il-manifattur li jikkonforma ruħu magħhom ma jkunx obbligat jindika n-numru tal-organu nnotifikat fuq il-prodott.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-Direttiva 1999/5/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li manifattur, meta japplika l-proċedura prevista fit-tieni paragrafu tal-Anness III, u fil-preżenza ta’ standards armonizzati li jiddefinixxu s-sensiela ta’ testijiet tar-radju essenzjali li għandhom jitwettqu, għandu jirrikorri għand organu nnotifikat u, għaldaqstant, mal-marka ‘CE’ (li tattesta l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-istess direttiva) iżid in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan l-organu nnotifikat?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (1) ta’ hawn fuq, il-manifattur – wara li jkun applika l-proċedura prevista fit-tieni paragrafu tal-Anness III [tad-Direttiva 1999/5], fil-preżenza ta’ standards armonizzati li jiddefinixxu s-sensiela ta’ testijiet tar-radju essenzjali li għandhom jitwettqu, u wara li madankollu b’mod volontarju kkonsulta organu nnotifikat fejn talbu jirrepeti l-lista tat-testijiet imsemmija iktar ’il fuq – mal-marka ‘CE’ li tattesta l-konformità mar-rekwiziti essenzjali msemmija [f’din id-direttiva] għandu jżid in-numru ta’ identifikazzjoni tal-organu nnotifikat?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (2) ta’ hawn fuq, jekk il-manifattur – li, wara li jkun applika l-proċedura prevista fit-tieni paragrafu tal-Anness III [tad-Direttiva 1999/5], fil-preżenza ta’ standards armonizzati li jiddefinixxu s-sensiela ta’ testijiet tar-radju essenzjali li għandhom jitwettqu, u wara li madankollu, sussegwentement, b’mod volontarju kkonsulta organu nnotifikat billi talbu jirrepeti l-lista tat-testijiet imsemmija iktar ’il fuq, b’mod volontarju akkumpanja l-prodott bin-numru ta’ identifikazzjoni tal-organu kkonsultat – għandu jindika n-numru ta’ identifikazzjoni tal-organu anki fuq il-prodott u fuq l-imballaġġ tiegħu?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

26      Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-proċedura segwita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex tevalwa l-konformità tal-apparat inkwistjoni mar-rekwiżiti essenzjali li jinsabu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/5 ma tirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju. It-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija bbażata madankollu, fuq il-premessa li manifattur ikun irrikorra għal organu nnotifikat, iżda biss sabiex jikkonferma l-lista tas-sensiliet ta’ testijiet essenzjali tar-radju li għandhom jitwettqu fil-kuntest tal-istandards armonizzati. Għaldaqstant għandha tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju abbażi ta’ din il-premessa, filwaqt li tħalli f’idejha li tivverifika l-eżattezza ta’ dik il-premessa.

27      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/5, din tal-aħħar hija applikabbli għat-tagħmir tar-radju kif iddefinit fl-Artikolu 2(ċ) tagħha. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-apparat inkwistjoni huwa tagħmir tar-radju, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5 għandux jiġi interpretat fis-sens li manifattur ta’ tagħmir tar-radju, meta japplika l-proċedura prevista fit-tieni paragrafu tal-Anness III ta’ din id-direttiva u juża standards armonizzati sabiex jiddefinixxi s-sensiliet ta’ testijiet imsemmija f’dan is-subparagrafu, għandu jirrikorri għal organu nnotifikat kif imsemmi fl-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva u, għaldaqstant, iżid, mal-marka “CE”, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan l-organu.

29      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha jagħmlu parti (sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, EU:C:2000:467, punt 50; tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 54, kif ukoll tas-26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 73).

30      F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5 tista’, waħedha, tħalli wieħed jaħseb li t-twaħħil tal-marka “CE” fuq it-tagħmir tar-radju teħtieġ li dan l-immarkar ikollu miegħu n-numru ta’ identifikazzjoni tal-organu nnotifikat, imsemmi fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, fil-każ tal-applikazzjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-konformità msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

31      Madankollu, fid-dawl tar-riferiment, magħmul mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1), għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-konformità msemmija fl-Anness III, hemm lok, għall-finijiet tal-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni, li jsir riferiment għall-formulazzjoni tal-imsemmi Anness III.

32      F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-anness inkwistjoni, li għaliha jirreferi l-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1), jirriżulta li l-intervent ta’ organu nnotifikat matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-konformità li huwa jipprevedi ma hijiex mitluba fiċ-ċirkustanzi kollha.

33      Fil-fatt, fl-ewwel lok, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ evalwazzjoni, is-sensiliet ta’ testijiet essenzjali tar-radju jitwettqu kemm “mill-manifattur” huwa stess, kif ukoll “għan-nom tiegħu”. Fit-tieni lok, dan l-anness jipprovdi li “l-identifikazzjoni tat-test suites li huma meqjusa li huma essenzjali hija r-responsabbiltà tal-korp [organu] notifikat magħżul mill-manifattur ħlief fejn it-test suites huma definiti fl-istandards armonizzati”.

34      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-Anness III tad-Direttiva 1999/5 jirriżulta li l-konformità ta’ apparat mar-rekwiżiti essenzjali, li, skont l-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, huma dawk imsemmija fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, tista’ tiġi stabbilita mill-manifattur stess jekk huwa jkun wettaq is-sensiliet ta’ testijiet essenzjali tar-radju kollha ddefiniti fl-istandards armonizzati. Konsegwentement, sempliċiment skont il-kliem waħedhom ta’ dan l-anness, din il-proċedura ta’ evalwazzjoni ma tirrikjedix, fiċ-ċirkustanzi kollha, l-intervent ta’ organu nnotifikat la fl-għażla tas-sensiliet essenzjali ta’ testijiet tar-radju, lanqas sabiex twettaq l-imsemmija sensiliet ta’ testijiet.

35      Minn dan jirriżulta li, meta l-manifattur ikun irrikorra għall-istandards armonizzati fil-każ tal-applikazzjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-konformità msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 1999/5, il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5, moqrija fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Anness III tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tirrikjedix l-intervent tal-organu nnotifikat u, għalhekk, li t-twaħħil tal-marka “CE” fuq tagħmir tar-radju jkollu miegħu n-numru ta’ identifikazzjoni ta’ tali organu.

36      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5.

37      Fil-fatt, interpretazzjoni differenti twassal sabiex timponi l-intervent ta’ organu nnotifikat f’sitwazzjoni li fiha l-konformità tat-tagħmir tar-radju inkwistjoni mar-rekwiżiti essenzjali li jinsabu fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva tkun diġà preżunta.

38      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 1999/5 jipprevedi proċeduri ta’ evalwazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-konformità ta’ apparat mal-imsemmija rekwiżiti essenzjali li jinsabu fl-Artikolu 3 tagħha. L-imsemmi Artikolu 10 jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li, meta manifattur ikun applika l-istandards armonizzati, it-tagħmir tar-radju jkun suġġett, skont l-għażla tal-manifattur, għall-proċeduri ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Annessi III, IV jew V ta’ din id-direttiva. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Anness III tal-imsemmija direttiva ma tirrikjedix l-intervent ta’ organu nnotifikat fiċ-ċirkustanzi kollha.

39      Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/5 jipprevedi li, meta apparat ikun konformi mal-“istandards armonizzati”, iddefiniti fl-Artikolu 2(ħ) ta’ din id-direttiva bħala li huma “speċifikazzjoni[jiet] tekni[ċi] adottat[i] minn korp rikonoxxut ta’ l-istandards […] biex tiġi stabbilita ħtieġa Ewropea, li l-konformità magħha mhix obbligatorja”, tirriżulta wkoll preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali.

40      Din il-preżunzjoni hija kkorroborata kemm mill-premessa 27 tad-Direttiva 1999/5, li tipprovdi li l-“konformità ma dawk l-livelli armonizzati tissoponi li hemm konformità mal-ħtiġijiet essenzjali” u li “mezzi oħra biex tintwera konformità mal-ħtiġijiet essenzjali huma permessi”, kif ukoll mill-Anness III tal-imsemmija direttiva, li jeżenta lill-manifattur milli jirrikorri għal organu nnotifikat għall-proċedura li huwa jipprevedi, meta l-konformità tal-apparat tkun ġiet evalwata abbażi tal-istandards armonizzati.

41      Peress li l-konformità ta’ apparat mar-rekwiżiti essenzjali hija preżunta mir-rikors għall-istandards armonizzati u, fid-dawl tal-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-intervent ta’ organu nnotifikat ma huwiex neċessarju meta l-manifattur tat-tagħmir tar-radju juża dawn l-istandards, ma jistax jiġi impost fuq manifattur li jirrikorri għal standards armonizzati fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 1999/5, li jirrikorri għand organu nnotifikat u, għaldaqstant, li jinkludi l-marka “CE” mwaħħla fuq tagħmir tar-radju bin-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan l-organu.

42      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5 u tal-Anness III ta’ din id-direttiva hija konformi mal-għan imfittex mill-imsemmija direttiva. Fil-fatt, mill-premessi 14 u 32 tal-istess direttiva jirriżulta li din hija intiża li tiżgura l-moviment liberu tal-merkanziji billi tillimita l-ostakoli għal dan il-moviment liberu għal dawk ir-rekwiżiti nazzjonali li jkunu neċessarji u proporzjonati, filwaqt li tiżgura li t-tagħmir tar-radju ma jkunx fih riskju għas-saħħa li jista’ jiġi evitat.

43      F’dawn ir-rigward, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 1999/5 tistabbilixxi b’hekk qafas leġiżlattiv għat-tqegħid fis-suq, għall-moviment liberu u għat-tqegħid fis-servizz fl-Unjoni ta’ dan it-tagħmir. L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprevedi, min-naħa tiegħu, li l-Istati Membri jawtorizzaw it-tqegħid fis-servizz ta’ dan it-tagħmir konformement mal-użu li għalih ikunu ddestinati dment li jkunu “konformi mar-rekwiżiti essenzjali”. Dawn ir-rekwiżiti huma ddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/5 u jinkludu, b’mod partikolari, il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-utent.

44      Issa, kif ġie kkonstatat fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/5 jistabbilixxi preżunzjoni li tgħid li r-rekwiżiti essenzjali li jinsabu fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiġu ssodisfatti meta apparat ikun konformi mal-istandards armonizzati. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal din, l-intervent ta’ organu nnotifikat ma huwiex neċessarju għall-finijiet li jiġi żgurat li l-imsemmi tagħmir ma jkunx fih riskju għas-saħħa li jista’ jiġi evitat u għalhekk ma huwiex neċessarju għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-utent.

45      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-funzjoni tal-organu nnotifikat, kif iddefinit fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 1999/5, tikkonsisti sempliċement fit-twettiq tax-“xogħlijiet rilevanti” msemmija mill-proċeduri ta’ evalwazzjoni previsti fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, u mhux biex tiġi ċċertifikata l-konformità tal-apparati kollha mar-rekwiżiti essenzjali li jinsabu fl-Artikolu 3 tagħha.

46      Barra minn hekk, minbarra l-analiżi tal-formulazzjoni, tal-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5, kif ukoll tal-għan ta’ din tal-aħħar, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 35 ta’ din is-sentenza hija kkonfermata bin-nota ta’ spjega tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/5. Fil-parti intitolata “Ambiguity in Annex III to the Directive”, jirriżulta minn din in-nota li, meta l-istandards armonizzati jindikaw is-sensiliet ta’ testijiet tekniċi essenzjali kollha tar-radju għat-tagħmir tar-radju, il-manifattur li jikkonforma ruħu magħhom ma huwiex obbligat li jindika n-numru ta’ identifikazzjoni ta’ organu nnotifikat fuq dan it-tagħmir. L-imsemmija nota tenfasizza li organu nnotifikat ma jintervjenix fil-proċedura ta’ konformità msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 1999/5 meta manifattur jirrikorri għal standards armonizzati u li, għalhekk, l-obbligu fformulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva ma japplikax meta l-imsemmi manifattur ikun irrikorra għall-istandards armonizzati.

47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5 għandu jiġi interpretat fis-sens li manifattur ta’ tagħmir tar-radju, meta japplika l-proċedura prevista fit-tieni paragrafu tal-Anness III tal-imsemmija direttiva u juża standards armonizzati sabiex jiddefinixxi s-sensiliet ta’ testijiet imsemmija f’dan is-subparagrafu, ma huwiex obbligat li jirrikorri għand organu nnotifikat kif imsemmi fl-Artikolu 11(1) tal-istess direttiva u, għaldaqstant, ma huwiex obbligat li jżid mal-marka “CE” in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan l-organu.

 Fuq it-tieni domanda

48      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-manifattur ta’ tagħmir tar-radju li jkun applika l-proċedura msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva billi jirrikorri għal standards armonizzati li jiddefinixxu s-sensiliet ta’ testijiet essenzjali tar-radju li għandhom jitwettqu, għandux iżid, mal-marka “CE”, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ organu nnotifikat li jkun ikkonsulta volontarjament mingħajr ma jkun b’dan obbligat jikkonferma l-lista tas-sensiliet ta’ testijiet essenzjali tar-radju li jinsabu fl-imsemmija standards armonizzati.

49      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, tali manifattur ma huwiex obbligat li jżid, mal-marka “CE”, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-organu nnotifikat, meta dan tal-aħħar ikun ġie volontarjament ikkonsultat sabiex jikkonferma l-lista tas-sensiliet ta’ testijiet essenzjali tar-radju li jinsabu fl-imsemmija standards armonizzati.

50      Fil-fatt, sa fejn, meta manifattur japplika l-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-konformità msemmija fit-tieni paragrafu tal-Anness III tad-Direttiva 1999/5 u juża standards armonizzati sabiex jiddefinixxi s-sensiliet ta’ testijiet imsemmija mill-imsemmi paragrafu, ma huwiex obbligat li jirrikorri għal organu nnotifikat u, għaldaqstant, ma huwiex obbligat li jżid, mal-marka “CE”, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ tali organu, isegwi li manifattur ma huwiex marbut li jżid, mal-marka “CE”, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan l-organu meta huwa jkun volontarjament uża tali organu.

51      Tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li, hekk kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fil-każ fejn l-organu nnotifikat ma jkunx responsabbli għall-għażla ta’ dawn is-sensiliet ta’ testijiet, l-obbligu ta’ indikazzjoni tan-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu ma jkollu ebda sens fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-manifattur ta’ tagħmir tar-radju, li jkun applika l-proċedura msemmija fl-Anness III tal-imsemmija direttiva billi jirrikorri għal standards armonizzati li jiddefinixxu s-sensiliet ta’ testijiet essenzjali tar-radju li għandhom jitwettqu, ma huwiex marbut li jżid, mal-marka “CE”, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ organu nnotifikat li jkun ikkonsulta volontarjament mingħajr ma kien obbligat sabiex jikkonferma l-lista tas-sensiliet ta’ testijiet essenzjali tar-radju li jinsabu fl-imsemmija standards armonizzati.

 Fuq it-tielet domanda

53      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 596/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li manifattur ta’ tagħmir tar-radju, meta japplika l-proċedura prevista fit-tieni paragrafu tal-Anness III tal-imsemmija direttiva u juża standards armonizzati sabiex jiddefinixxi s-sensiliet ta’ testijiet imsemmija f’dan is-subparagrafu, ma huwiex obbligat li jirrikorri għal organu nnotifikat kif imsemmi fl-Artikolu 11(1) tal-istess direttiva u, għaldaqstant, ma huwiex obbligat li jżid mal-marka “CE” n-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan l-organu.

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 1999/5, kif emendat bir-Regolament Nru 596/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-manifattur ta’ tagħmir tar-radju, li jkun applika l-proċedura msemmija fl-Anness III tal-imsemmija direttiva billi jirrikorri għal standards armonizzati li jiddefinixxu s-sensiliet ta’ testijiet essenzjali tar-radju li għandhom jitwettqu, ma huwiex marbut li jżid, mal-marka “CE”, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ organu nnotifikat li jkun ikkonsulta volontarjament mingħajr ma kien obbligat sabiex jikkonferma l-lista tas-sensiliet ta’ testijiet essenzjali tar-radju li jinsabu fl-imsemmija standards armonizzati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.