Language of document : ECLI:EU:T:2011:124

Kawża T-36/10

Internationaler Hilfsfonds eV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti dwar il-kuntratt LIEN 97 2011 — Risposta għal applikazzjoni inizjali — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Inammissibbiltà manifesta — Rifjut impliċitu ta’ aċċess — Interess ġuridiku — Deċiżjoni espliċita adottata wara l-preżentata tar-rikors — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Termini — Natura ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni

(is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 101(2))

2.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Silenzju jew nuqqas ta’ azzjoni minn istituzzjoni — Assimilazzjoni ma’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut — Esklużjoni — Limiti — Nuqqas ta’ tweġiba għal applikazzjoni konfermatorja fit-terminu stabbilit

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8(3))

3.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Tmiem ta’ interess ġuridiku minħabba avveniment li seħħ wara l-preżentata tar-rikors

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

4.      Proċedura — Spejjeż — Eċċess manifest minn istituzzjoni tat-terminu previst għal tweġiba għal applikazzjoni konfermatorja — Protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrent li jeżiġi l-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda — Ħlas mitlub lill-istituzzjoni kkonċernata tal-ispejjeż tagħha kif ukoll ta’ dawk tar-rikorrent dwar it-talbiet intiżi kontra din id-deċiżjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 87(6); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 8)

1.      It-terminu ta’ xahrejn għall-preżentata ta’ rikors, previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, huwa ta’ ordni pubbliku, peress li ġie stabbilit sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u li hija l-Qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, ex officio, jekk ġiex osservat.

Għandu jkun ikkwalifikat bħala tardiv u għalhekk għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, rikors li għandu bħala suġġett talba għal annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta lill-persuna ġuridika l-aċċess komplet tal-fajl dwar kuntratt iffirmat bejn din il-persuna ġuridika u l-Kummissjoni, billi fid-data tal-preżentata tiegħu, dan it-terminu kien skada għal mill-inqas xahar u tliet ijiem, fid-dawl tat-terminu ta’ għaxart ijiem minħabba d-distanza u, skont l-Artikolu 101(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tal-posponiment tal-iskadenza ta’ terminu billi jintemm nhar ta’ Sibt, nhar ta’ Ħadd jew f’jum ta’ vaganza stabbilit skont il-liġi.

(ara l-punti 31, 34, 35)

2.      Sakemm ma tiġix ikkontestata s-sistema ta’ rimedji stabbilita mit-Trattat FUE, is-sempliċi silenzju ta’ istituzzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni impliċita, ħlief fl-eżistenza ta’ dispożizzjonijiet espliċiti li jistabbilixxu terminu li meta jiskadi tali deċiżjoni tkun meqjusa li saret minn dik l-istituzzjoni li kienet ġiet mitluba tieħu pożizzjoni u li tiddefinixxi l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, minn naħa, jistabbilixxu b’mod espliċitu terminu li meta jiskadi, fl-assenza ta’ deċiżjoni li twieġeb għall-applikazzjoni konfermatorja, l-istituzzjoni inkwistjoni titqies bħallikieku adottat deċiżjoni impliċita u, min-naħa l-oħra, tiddefinixxi l-kontenut ta’ din tal-aħħar, jiġifieri li din hija deċiżjoni negattiva, u li għaldaqstant, dejjem fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-leġiżlatur espressament ippreveda li din id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tista’ tkun is-suġġett, minn naħa tar-rikorrent, ta’ rikors ġudizzjarju skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, is-silenzju ta’ istituzzjoni insegwitu għal applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi ttrattata bħal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punti 38, 40-42)

3.      Għalkemm il-kundizzjonijiet għall-ammissibilità ta’ rikors għal annullament jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’riżerva għall-kwistjoni differenti tat-telf tal-interess ġuridiku, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, din il-kunsiderazzjoni ma tistax twaqqaf lill-Qorti Ġenerali milli tikkonstata li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors, fil-każ fejn rikorrent li fil-bidu kellu interess ġuridiku tilef kull interess personali fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba avveniment li seħħ wara li ġie ppreżentat l-imsemmi rikors. Fil-fatt, sabiex rikorrent ikun jista’ jippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni, huwa għandu jibqa’ jkollu interess personali fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex, inkella, jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrent jintilef matul il-proċedura, deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-mertu ma tkunx tista tipprovdilu ebda benefiċċju.

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq rikors intiż kontra deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti, imressqa b’mod konformi mar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, sa fejn ir-rikorrent ma għandhux iktar interess personali għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni minħabba fl-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ġdida li rrispondiet b’mod espliċitu għall-applikazzjoni konfermatorja u, għaldaqstant, impliċitament irtirat id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda.

(ara l-punti 46, 50)

4.      F’każ fejn istituzzjoni tkun manifestament eċċediet it-terminu li kienet tiddisponi minnu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad‑dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, sabiex tagħti risposta għall-applikazzjoni konfermatorja, b’mod li r-rikorrent ma kellu l-ebda għażla oħra sabiex jipproteġi d-drittijiet tiegħu, ħlief li jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut, hemm lok li din l-istituzzjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk inkorsi mir-rikorrent fir-rigward tat-talbiet għal annullament intiżi kontra din id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda.

(ara l-punt 55)