Language of document : ECLI:EU:T:2013:397

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2013 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Aspettattivi leġittimi — Eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi adottati — Żball ta’ evalwazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Bażi legali — Forom proċedurali sostanzjali — Proporzjonalità”

Fil-Kawżi T‑35/10 u T‑7/11,

Bank Melli Iran, stabbilita fi Teheran (Iran), irrappreżentat, fil-Kawża T‑35/10, minn L. Defalque u, fil-Kawża T-7/11, inizjalment minn L. Defalque u S. Woog, sussegwentement minn L. Defalque u C. Malherbe, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat, fil-Kawża T‑35/10, minn M. Bishop u R. Szostak u, fil-Kawża T‑7/11, inizjalment minn M. Bishop u G. Marhic, sussegwentement minn M. Bishop u B. Driessen, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u É. Ranaivoson, bħala aġenti,

minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer, sussegwentement minn A. Robinson, u fl-aħħar nett minn M. Robinson u H. Walker, bħala aġenti, assistiti minn S. Lee, barrister,

intervenjenti fil-Kawża T-35/10,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawża T-35/10, minn S. Boelaert u M. Konstantinidis, u, fil-Kawża T-7/11, minn S. Boelaert, Konstantinidis u F. Erlbacher, bħala aġenti,

intervenjenti fiż-żewġ Kawżi,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2009, tas-17 ta’ Novembru 2009, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar id-Deċiżjoni 2008/475/KE (ĠU L 303, p. 31), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 281, p. 81), tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 319, p. 71), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), u, min-naħa l-oħra, talba għall-annullament ta’ kull regolament futur jew ta’ kull deċiżjoni futura li jikkompleta jew jemenda wieħed mill-atti kkontestati li ser jidħol fis-seħħ fid-data li fiha tingħalaq il-proċedura orali,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, il-Bank Melli Iran, huwa bank kummerċjali Iranjan proprjetà tal-Istat Iranjan.

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri restrittivi adottata sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li għandhom riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        Isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK, tas-27 ta’ Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l‑Iran (ĠU L 61, p. 49), permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/479/PESK, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 (ĠU L 163, p. 43).

4        B’konsegwenza ta’ dan, isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista li tinsab fl‑Anness V tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 103, p. 1), permezz tad‑Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li timplimenta l‑Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 163, p. 29), bil-konsegwenza li ġew iffriżati l-fondi tiegħu.

5        Ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali essenzjalment intiż għall-annullament tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

6        Permezz tal-ittri tat-8 u tal-21 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrent talab lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jipproċedi b’eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li tinkludih fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, billi sostna li huwa ma kienx involut fil-proliferazzjoni nukleari. Fl-ittra tat-8 ta’ Lulju 2009, huwa staqsa, barra minn hekk, sabiex ikollu aċċess għall-fajl tal-Kunsill.

7        Permezz tal-ittra tas-27 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill wieġeb billi stqarr li r-rikorrent kien ikkonċernat mill-miżuri restrittivi minħabba r-raġunijiet esposti fid-Deċiżjoni 2008/475. Il-Kunsill irrifjuta l-aċċess għall-proposta ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi li tikkonċerna lir-rikorrent (iktar ’il quddiem il-“proposta inizjali”), minħabba n-natura kunfidenzjali ta’ dan id-dokument, iżda kkomunika lir-rikorrent żewġ dokumenti ta’ natura ġenerali dwar il-proċedura ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi.

8        Permezz tal-ittra tal-11 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrent talab mill-ġdid biex jikseb aċċess għall-fajl tal-Kunsill.

9        Permezz tal-ittra tal-1 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill bagħat lir-rikorrent motivi addizzjonali għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi meħuda kontrih.

10      Ir-rikors tar-rikorrent li jikkonċerna l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 ġie miċħud permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (T‑390/08, Ġabra p. II‑3967).

11      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-motivi addizzjonali kkomunikati fl-1 ta’ Ottubru 2009. Huwa sostna, minn naħa, li dawn il-motivi ma kinux preċiżi biżżejjed u, min-naħa l-oħra, li ma jistabbilixxux li huwa kien involut fil-proliferazzjoni nukleari.

12      L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 inżammet bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2009, tas-17 ta’ Novembru 2009, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar id-Deċiżjoni 2008/475/KE (ĠU L 303, p. 31). Ir-raġunijiet adottati huma s-segwenti:

“Jipprovdi jew jipprova jipprovdi appoġġ finanzjarju lil kumpanniji li huma involuti fi jew li jakkwistaw merkanzija għall-programmi nukleari u tal-missili tal-Iran (AIO, SHIG, SBIG, AEOI, Novin Energy Company, Mesbah Energy Company, Kalaye Electric Company u d-DIO). Il-Bank Melli jagħmilha ta’ faċilitatur għall-attivitajiet sensittivi tal-Iran. Huwa ffaċilita bosta akkwisti ta’ materjali sensittivi għall-programmi nukleari u tal-missili tal-Iran. Huwa pprovda firxa ta’ servizzi finanzjarji f’isem entitajiet marbuta mal-industriji nukleari u tal-missili tal-Iran, inkluż il-ftuħ ta’ ittri ta’ kreditu u ż-żamma tal-kontijiet. Bosta mill-kumpanniji t’hawn fuq ġew indikati fl-UNSCR 1737 (2006) u 1747 (2007). Bank Melli jkompli f’dan ir-rwol billi jimpenja ruħu f’mudell ta’ aġir li jappoġġa u jiffaċilita l-attivitajiet sensittivi tal-Iran. Bl-użu tar-relazzjonijiet bankarji tiegħu, huwa jkompli jipprovdi appoġġ għal, u servizzi finanzjarji lil, entitajiet elenkati min-NU u l-UE f’konnessjoni ma’ tali attivitajiet. Huwa jaġixxi wkoll f’isem, u taħt id-direzzjoni ta’ tali entitajiet, inkluż Bank Sepah, billi spiss jopera permezz tas-sussidjarji u l-assoċjati tagħhom.”

13      Permezz tal-ittra tat-18 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill informa lir-rikorrent li ismu ser jinżamm fil-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Huwa ppreċiża li l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent ma jiġġustifikawx it-tneħħija tal-miżuri restrittivi, peress li huwa kien għen fil-proliferazzjoni nukleari billi pprovda servizzi finanzjarji lil entitajiet li jipparteċipaw fiha. Dwar it-talbiet ta’ aċċess għall-fajl, il-Kunsill reġa’ sostna li l-proposta inizjali kienet kunfidenzjali. Min-naħa l-oħra, huwa bagħat lir-rikorrent verżjoni mhux kunfidenzjali tal‑proposta għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi bbażata fuq ir-raġunijiet addizzjonali pprovduti fl‑ittra tal-1 ta’ Ottubru 2009 (iktar ’il quddiem il-“proposta addizzjonali”).

14      Permezz tal-ittra tal-14 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent talab, minn naħa, li tinżamm seduta u, min-naħa l-oħra, li jingħata aċċess sħiħ għall-fajl tal-Kunsill. Permezz tal-ittra tal-20 ta’ Jannar 2010, il-Kunsill wieġeb, minn naħa, li r-rikorrent kien ibbenefika minn dritt għal smigħ billi ppreżentatlu l-osservazzjonijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, huwa reġa’ sostna li l-proposta inizjali kienet kunfidenzjali.

15      Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39, rettifika ĠU L 197, p. 19) isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni. Ir-raġunijiet użati fir-rigward tar-rikorrent huma l-istess bħal dawk użati fir-Regolament Nru 1100/2009.

16      L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 ma ġietx affettwata bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU L 195, p. 25).

17      Permezz tal-ittra tal-15 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrent ippreżenta lill-Kunsill l-osservazzjonijiet tiegħu fuq iż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh. F’din l-okkażjoni huwa reġa’ sostna t-talbiet tiegħu dwar iż-żamma ta’ seduta u l-aċċess għall-fajl tal-Kunsill.

18      L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġiet sostnuta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81).

19      Peress li r-Regolament Nru 423/2007 tħassar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 281, p. 1), isem ir-rikorrent ġie inkluż mill-Kunsill fl-Anness VIII ta’ dan l-aħħar regolament.

20      Ir-raġunijiet użati fir-rigward tar-rikorrent fid-Deċiżjoni 2010/644 u fir‑Regolament Nru 961/2010 huma l-istess bħal dawk użati fir-Regolament Nru 1100/2009.

21      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill informa lir-rikorrent li ismu ser jinżamm fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u dwar l‑inklużjoni tiegħu f’dik tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Huwa ppreċiża, f’dan ir-rigward, li ma għandux provi ġodda li jiġġustifikaw it-tneħħija tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent u li dawn l-aħħar miżuri kienu bbażati biss fuq informazzjoni li tinsab fid-dokumenti kkomunikati qabel.

22      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrent talab lill-Kunsill biex jagħmel eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li żżommu fil-lista tal‑Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness VIII tar‑Regolament Nru 961/2010. Huwa reġa’ sostna li ma huwiex involut fil-proliferazzjoni nukleari.

23      Permezz tas-sentenza tat-16 ta’ Novembru 2011, Melli Bank vs Il-Kunsill (C‑548/09 P, Ġabra p. I‑11381), il-Qorti tal‑Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat mir-rikorrent mis-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 10, iċċitata iktar ’il fuq.

24      L-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 ma ġietx affettwata mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (ĠU L 319, p. 71), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 961/2010 (ĠU L 319, p. 11).

25      Permezz tal-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill informa lir‑rikorrent li ismu ser jinżamm fil-listi tal-Anness II tad‑Deċiżjoni 2010/413 u tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Huwa kkonstata li l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent fit-28 ta’ Lulju 2011 ma kinux jiġġustifikaw it-tneħħija tal-miżuri restrittivi.

26      Permezz tal-ittra tas-16 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrent talab li jikseb aċċess għall-provi dwar l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh u għaż-żamma tagħhom. Il-Kunsill wieġeb bl-ittra tal-21 ta’ Frar 2012, li magħha ehmeż tliet dokument dwar l-eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi.

27      Peress li r-Regolament Nru 961/2010 kien tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 88, p. 1), isem ir-rikorrent ġie inkluż mill-Kunsill fl-Anness IX ta’ dan l-aħħar regolament. Il-motivi użati fir-rigward tar-rikorrent huma l-istess bħal dawk użati fir-Regolament Nru 1100/2009.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrent ippreżenta r-rikors fil-Kawża T-35/10, intiż għall-annullament parzjali tar-Regolament Nru 110/2009.

29      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2010, il-proċedura fil-Kawża T-35/10 ġiet sospiża sakemm tinqata’ s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-548/09 P, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill.

30      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 u fit-28 ta’ Mejju u fis-7 ta’ Ġunju 2010, rispettivament, il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talbu li jintervjenu fil-Kawża T-35/10 insostenn tal-Kunsill.

31      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

32      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrent ippreżenta rikors fil-Kawża T-7/11, intiż, b’mod partikolari, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010.

33      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ April 2011, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni fil-Kawża T-7/11 insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. B’digriet tad-9 ta’ Ġunju 2011, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

34      Fl-24 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) talbet lill-partijiet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, biex jippreżentawlha l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, għall-Kawża T-35/10, mis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 23 iktar ’il fuq. Il-partijiet aderew għal din it-talba

35      B’digriet tat-8 ta’ Frar 2012, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni, tar-Repubblika Franċiża u tar-Renju Unit insostenn tal-Kunsill fil-Kawża T-35/10.

36      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Frar 2012, ir-rikorrent adatta l-kapi tat-tabliet fil-Kawża T-7/11 wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK, tat-23 ta’ Jannar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 19, p. 22), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 54/2012, tat-23 ta’ Jannar 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 19, p. 1), u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 56/2012, tat-23 ta’ Jannar 2012, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 19, p. 10).

37      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Lulju 2012, minn naħa, ir-rikorrent aġġusta l-kapi tat-talbiet tiegħu fil-Kawża T-7/11 wara l‑adozzjoni tar-Regolament Nru 267/2012. Min-naħa l-oħra, huwa talab l-annullament ta’ kull regolament futur jew ta’ kull deċiżjoni futura li jikkompleta jew jemenda wieħed mill-atti kkontestati li jkun fis-seħħ fid-data li fiha tingħalaq il-proċedura orali.

38      B’digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Marzu 2013, il-Kawżi T-35/10, T-7/11 u T-8/11 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

39      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet domandi bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu l-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fit-terminu mogħti.

40      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tas-17 ta’ April 2013.

41      Fil-kitbiet tiegħu, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-punt 4 tal-Parti B tar-Regolament Nru 1100/2009, il-punt 5 tal-Parti B tal-Anness tad-Deċiżjoni 2010/644, il-punt 5 tal-Parti B tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, id-Deċiżjoni 2011/783, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, id-Deċiżjoni 2012/35, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 54/2012, ir-Regolament Nru 56/2012 u l-punt 5 tal-Parti I.B tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh;

–        tannulla d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ikkomunikati bl-ittri ta’ dan tal-aħħar fit-18 ta’ Novembru 2009, fit-28 ta’ Ottubru 2010 u fil-5 ta’ Diċembru 2011;

–        tiddikjara li l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 2012/413 u l‑Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 ma japplikawx għalih;

–        tannulla kull regolament futur jew kull deċiżjoni futura li jikkompleta jew jemenda wieħed mill-atti kkontestati li jkun fis-seħħ fid-data li fiha tingħalaq il-proċedura orali;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

42      Matul is-seduta, ir-rikorrent, minn naħa, irrinunzja għar-rikors tiegħu sa fejn jirrigwarda l-annullament tad-Deċiżjoni 2012/35, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 54/2012 u tar-Regolament Nru 56/2012. Min-naħa l-oħra, huwa espona li t-tieni kap tat-talbiet ġie fil-verità amalgamat mal-ewwel kap tat-talbiet u li għalhekk kien ser jirrinunzja mir-rikors tiegħu sa fejn jikkonċerna l-annullament tal-ittri tat-18 ta’ Novembru 2009, tat-28 ta’ Ottubru 2010 u tal-5 ta’ Diċembru 2011.

43      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

44      Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors fil-Kawża T-35/10.

45      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors fil-Kawża T-35/10 u tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

46      Preliminarjament, fid-dawl tal-konnessjoni tal-Kawżi T-35/10 u T-7/11, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tgħaqqadhom għall-finijiet tas-sentenza, abbażi tal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

47      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tielet kap tat-talbiet, intiż għad-dikjarazzjoni li l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 ma japplikawx għar-rikorrent, huwa fil-verità amalgamat mal-argumenti li jikkontestaw il-legalità tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament Nru 961/2010, imqajma insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrent. Konsegwentement, it-tielet kap tat-talbiet ma għandux jiġi eżaminat mill-Qorti Ġenerali b’mod awtonomu.

48      Insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet, ir-rikorrent invoka l-motivi segwenti fil-kitbiet tiegħu:

–        l-ewwel motiv fil-Kawża T-35/10 u t-tielet motiv fil-Kawża T-7/11 huma bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tal-obbligu tal-Kunsill għal eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati;

–        it-tieni motiv fil-Kawża T-35/10 u r-raba’ motiv fil-Kawża T-7/11 huma bbażati fuq żball ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kunsill qies li huwa kien involut fil-proliferazzjoni nukleari;

–        it-tielet motiv fil-Kawża T-35/10 huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tar-Regolament Nru 1100/2009, u t-tieni motiv fil-Kawża T-7/11 huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010;

–        ir-raba’ motiv fil-Kawża T-35/10 u l-ħames motiv fil-Kawża T-7/11 huma bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetà tiegħu li jirriżultaw mill-fatt li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

–        l-ewwel motiv fil-Kawża T-7/11 huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 215 TFUE u tal-Artikolu 40 UE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament;

–        Is-sitt motiv fil-Kawża T-7/11 huwa bbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 267/2012.

49      Matul is-seduta, ir-rikorrent sostna barra minn hekk li r-Regolament Nru 267/2012 ma ġiex ikkomunikat lilu b’mod individwali.

50      Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-motivi tar-rikorrent.

51      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, barra minn hekk, li r-rikorrent huwa estensjoni tal-Istat Iranjan u għalhekk ma jistax jinvoka favurih il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Il-Kunsill jinvoka wkoll l-inammissibbiltà tar-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrent.

52      Minbarra l-motivi u l-argumenti tal-partijiet, għadha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-adattamenti tal-kapi tat-talbiet mwettqa mir-rikorrent.

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-adattamenti tal-kapi tat-talbiet tar-rikorrent

53      Skont il-ġurisprudenza, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċernaw direttament u individwalment individwu jiġu, fil-mori tal-proċedura, mibdula minn att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għal rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju jekk ir-rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors ġdid. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex taffronta l-kritika li tinstab f’rikors ippreżentat lill-qorti tal-Unjoni kontra att, tadatta l-att ikkontestat jew tissostitwixxih u li fil-mori tal-kawża tibbenefika minn din il-bidla jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att sussegwenti jew li tippreżenta talbiet jew motivi supplimentari kontra dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T-256/07, Ġabra p. II-3019, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      L-istess konklużjoni tapplika għal atti, bħad-Deċiżjoni 2011/783 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru1245/2011, li, mingħajr ma jħassru att preċedenti, iżommu lil entità fil-listi ta’ entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi, wara proċedura ta’ eżami mill-ġdid espressament impost mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

55      Madankollu, sabiex tkun ammissibbli, talba għall-adattament tat-talbiet għandha titressaq fit-terminu għall-preżentata tar-rikors previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, dan it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ ordni pubbliku, u għandu jiġi applikat mill-qorti tal-Unjoni b’mod li tiżgura ċ-ċertezza legali kif ukoll l-ugwaljanza tal-persuni legali quddiem il-qorti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 101). Għalhekk, hija l-qorti li għandha tivverifika, jekk ikun hemm bżonn b’mod ex officio, jekk dan it-terminu ġiex osservat (ara d-Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Jannar 2012, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑301/11, punt 16).

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l‑awtorità tal‑Unjoni li tadotta miżuri restrittivi fil‑konfront ta’ persuna jew ta’ entità għandha tikkomunika r‑raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati dawn il‑miżuri, jew fil‑mument meta jiġi adottat dan l‑att jew, minn tal‑inqas, mill-iktar fiss possibbli wara l‑adozzjoni tiegħu, sabiex dawn il‑persuni jew entitajiet jeżerċitaw id‑dritt ta’ azzjoni legali tagħhom (ara f’dan is-sens is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 23 iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Minn dan jirriżulta li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għall-annullament ta’ att li jimponi miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità jibda jiddekorri biss mid-data tal-komunikazzjoni ta’ dan l-att lill-persuna kkonċernata. Bl-istess mod, it-terminu għall-preżentata ta’ talba intiża biex testendi t-talbiet u l-motivi ta’ att li jżomm dawn il-miżuri jibda jiddekorri biss mid-data tal-komunikazzjoni ta’ dan l-att ġdid lill-persuna jew lill-entità kkonċernata.

58      F’din il-kawża, minn naħa, id-Deċiżjoni 2011/783 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 ġew ikkomunikati individwalment lir-rikorrent bl-ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011. Għalhekk, it-talba għall-adattament tat-talbiet li tikkonċerna lil dawn l-aħħar atti tal-15 ta’ Frar 2012 tressqet fit-terminu ta’ xahrejn previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, miżjud b’terminu ta’ distanza ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

59      Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 267/2012 ma ġiex ikkomunikat individwalment lir-rikorrent, minkejja li l-Kunsill jaf l-indirizz tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu għall-adattament tal-kapi tat-talbiet tar-rikorrent f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 267/2012 ma bediex jiddekorri, b’mod li t-talba tar-rikorrent tat-30 ta’ Lulju 2012 ma tistax titqies bħala tardiva.

60      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent jista’ jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2011/783, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u tar-Regolament Nru 267/2012.

 Fuq il-kap tat-talbiet intiż għall-annullament ta’ kull regolament futur jew ta’ kull deċiżjoni futura li jikkompleta jew li jemenda wieħed mill-atti kkontestati li ser jidħol fis-seħħ fid-data li fiha tingħalaq il-proċedura orali

61      Il-Kunsill jikkontesta l-ammissibbiltà tar-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrent, intiż għall-annullament ta’ kull regolament futur jew ta’ kull deċiżjoni futura li jikkompleta jew li jemenda wieħed mill-atti kkontestati li ser jidħol fis-seħħ fid-data li fiha tingħalaq il-proċedura orali.

62      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tiġi adita b’talba għall-annullament ta’ att eżistenti u li joħloq preġudizzju. Għaldaqstant, għalkemm ir-rikorrent jista’ jiġi awtorizzat jifformula mill-ġdid it-talbiet tiegħu b’mod li jkunu intiżi għall-annullament tal-atti li, fil-mori tal-kawża, issostitwew l-atti inizjalment ikkontestati, din is-soluzzjoni ma tistax tawtorizza l-istħarriġ spekulattiva tal-legalità ta’ atti ipotetiċi li għadhom ma humiex adottati (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II‑4665, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ kap tat-talbiet tar-rikorrent għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq il-possibbiltà għar-rikorrent li jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali

64      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jargumentaw li, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ Stati terzi ma jistgħux jinvokaw il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Skont dawn, sa fejn ir-rikorrent huwa estensjoni tal-Istat Iranjan, din ir-regola tapplika għalih.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389), u lanqas il-liġi primarja tal-Unjoni ma jipprevedu dispożizzjonijiet li jeskludu lill-persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet tal-Istati mill-benefiċċju tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Karta li huma rilevanti fir-rigward tal-motivi mqajma mir-rikorrent, u b’mod partikolari l-Artikoli 17, 41 u 47 tagħha, jiggarantixxu d-drittijiet ta’ “[k]ull persuna”, formulazzjoni li tinkludi persuni ġuridiċi bħar-rikorrent.

66      Madankollu, f’dan il-kuntest, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinvokaw l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li ma jilqax l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn organizzazzjonijiet governattivi.

67      Issa, minn naħa, l-Artikolu 34 tal-KEDB huwa dispożizzjoni proċedurali li ma hijiex applikabbli għall-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi evitat li Stat firmatarju għall-KEDB ikun rikorrent u konvenut fl-istess ħin quddiem l-imsemmija qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran vs It‑Turkija tat-13 ta’ Diċembru 2007, Ġabra tas-Sentenzi u tad-Deċiżjonijiet , 2007‑V, punt 81). Issa, dan ir-raġunament ma japplikax fil-kawża preżenti.

68      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jargumentaw ukoll illi r-regola li huma jinvokaw hija ġġustifikata mill-fatt li Stat huwa l-garanti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fit-territorju tiegħu, iżda ma jistax jibbenefika minn tali drittijiet.

69      Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li din il-ġustifikazzjoni tapplika f’sitwazzjoni interna, il-fatt li Stat huwa l-garanti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fit-territorju tiegħu stess huwa irrilevanti fir-rigward tal-portata tad-drittijiet li jistgħu jibbenefikaw minnhom persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ dan l-istess Stat fit-territorju ta’ Stati terzi.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-d-dritt tal-Unjoni ma fih ebda regola li tipprojbixxi lil persuni ġuridiċi li huma estensjonijiet ta’ Stati terzi milli jinvokaw favur tagħhom il-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, dawn l-istess drittijiet jistgħu jiġu invokati mill-imsemmija persuni quddiem il-qorti tal-Unjoni sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-kwalità tagħhom ta’ persuni ġuridiċi.

71      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma pproduċewx provi li jistabbilixxu li r-rikorrent kien effettivament estensjoni tal-Istat Iranjan, jiġifieri entità li kienet tipparteċipa fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat jew li kienet topera servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran vs It‑Turkija tat-13 ta’ Diċembru 2007, iċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq, punt 79).

72      Qabelxejn, f’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li r-rikorrent jopera servizz pubbliku taħt il-kontroll tal-awtoritajiet Iranjani sa fejn jipprovdi servizzi finanzjarji li huma meħtieġa għall-funzjonament tal-ekonomija Iranjana. Issa, il-Kunsill ma jikkontestax l-allegazzjonijiet tar-rikorrent li l-imsemmija servizzi jirrappreżentaw attivitajiet kummerċjali eżerċitati f’settur kompetittiv u suġġetti għad-dritt komuni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-imsemmija attivitajiet huma meħtieġa għall-funzjonament tal-ekonomija ta’ Stat ma jagħtihomx il-kwalità ta’ servizz pubbliku.

73      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li r-rikorrent huwa involut fil-proliferazzjoni nukleari juri li dan jipparteċipa fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat. Issa, meta targumenta b’dan il-mod, il-Kummissjoni tieħu bħala premessa fattwali fatt li r-realtà tiegħu hija kkontestata mir-rikorrent u li huwa fil-qalba tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, l-allegata implikazzjoni tar-rikorrent fil-proliferazzjoni nukleari, kif esposta fl-atti kkontestati, ma tagħmilx parti mill-eżerċitar ta’ poteri tal-Istat, iżda tikkonċerna tranżazzjonijiet kummerċjali li jsiru ma’ entitajiet li jipparteċipaw fil-proliferazzjoni nukleari. Għaldaqstant, din l-allegazzjoni ma tiġġustifikax li r-rikorrent jiġi kkwalifikat bħala estensjoni tal-Istat Iranjan.

74      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrent huwa estensjoni tal-Istat Iranjan minħabba s-sehem ta’ dan tal-aħħar fil-kapital tiegħu. Issa, dan il-fatt, waħdu, ma jimplikax li r-rikorrent jipparteċipa fl-eżerċitar tal-awtorità pubblika jew li jopera servizz pubbliku.

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li r-rikorrent jista’ jinvoka favur tiegħu l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali.

 Fuq l-ewwel motiv fil-Kawża T-35/10 u t-tielet motiv fil-Kawża T-7/11 li huma bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tal-obbligu tal-Kunsill li jeżamina mill-ġdid il-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati

76      Ir-rikorrent isostni li, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni, id-drittijiet tad-difiża tiegħu u l-obbligu tal-Kunsill li jeżamina mill-ġdid il-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulati. Barra minn hekk, dan il-ksur kien jinvolvi ksur tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

77      Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

78      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, b’mod iktar speċifiku f’dan il-każ, fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 267/2012, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’nuqqas li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li ma jistgħux isiru derogi minnu ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 10 iktar ’il fuq, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Għaldaqstant, sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-Kunsill huwa obbligat li jagħti lil entità kkonċernata minn miżuri restrittivi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li minħabba fihom huwa jikkunsidra li dawn għandhom jiġu adottati. Għalhekk, huwa għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l-ġustifikazzjoni legali tal-miżuri kkonċernati u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jieħu dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 10 iktar ’il fuq, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 10 iktar ’il fuq, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, f’kull proċedura miftuħa fil-konfront ta’ entità u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u għandu jiġi żgurat, anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fir-rigward tal-proċedura inkwistjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 10 iktar ’il fuq, punt 91).

82      Minn naħa, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-provi miżmuma kontra l-entità kkonċernata sabiex isostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju għandhom jiġu kkomunikati lilha. Min-naħa l-oħra, hija għandha titpoġġa f’pożizzjoni li tinvoka b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar dawn il-provi (ara, b’analoġija, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq, punt 93).

83      Għalhekk, fir-rigward ta’ att inizjali li bih jiġu ffriżati l-fondi ta’ entità, sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux dan, il-komunikazzjoni tal-provi miżmuma kontra l-entità kkonċernata għandha ssir jew flimkien mal-adozzjoni tal-att ikkonċernat, jew mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni msemmija. Fuq talba tal-entità kkonċernata, din tal-aħħar għandha wkoll id-dritt li tesprimi l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn il-provi ladarba l-att jiġi adottat. Taħt l-istess riżervi, kull deċiżjoni sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi għandha bħala regola ġenerali tiġi ppreċeduta minn komunikazzjoni tal-provi ġodda miżmuma kontra l-entità kkonċernata u minn possibbiltà ġdida għall‑entità kkonċernata li ssostni l-perspettiva tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq, punt 137).

84      Barra minn hekk, għandu jingħad li, meta tiġi kkomunikata informazzjoni biżżejjed preċiża, li tippermetti li l-entità kkonċernata tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-provi miżmuma kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 10 iktar ’il fuq, punt 97, u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Fit-tielet lok, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie rikonoxxut fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-effettività tal‑istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija marbuta li tikkomunika r-raġunijiet ta’ miżura restrittiva lill-entità kkonċernata, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta tkun adottata din il-miżura, jew, minn tal-inqas, mill-iktar fiss possibbli wara li tkun ġiet adottata, sabiex l-entità kkonċernata tkun tista’ teżerċita, fit-termini stabbiliti, id-dritt tagħha għal azzjoni legali. L-osservanza ta’ dan l-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija raġunijiet hija fil-fatt meħtieġa kemm sabiex id-destinatarji tal-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jkunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk ikunx utli għalihom li jirrikorru għall-qorti tal-Unjoni, u kemm sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-att inkwistjoni li jinkombi fuqha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punti 335 sa 337, u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni

86      Skont ir-rikorrent, il-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija insuffiċjenti. Fil-fatt, il-motivi li jinsabu fir-Regolament Nru 1100/2009, il-motivi addizzjonali li ġew ikkomunikati lilu fl-1 ta’ Ottubru 2009 kif ukoll il-motivi li jinsabu fl-atti kkontestati sussegwenti kienu vagi u impreċiżi, b’mod li ma huwiex f’pożizzjoni li jivverifikom u li jirrispondihom.

87      Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

88      Għandu jitfakkar li r-rikorrent ilu kkonċernat mill‑miżuri restrittivi sa mit-23 ta’ Ġunju 2008. Bejn din id-data u d-data tal-adozzjoni tal-ewwel mill-atti kkontestati, jiġifieri fis-17 ta’ Novembru 2009, bosta dokumenti ġew skambjati bejn ir-rikorrent u l-Kunsill, fosthom, b’mod partikolari, l-ittra ta’ dan tal-aħħar tal-1 ta’ Ottubru 2009 li permezz tagħha informa lir-rikorrent bil-motivi addizzjonali għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernawh. Dan id-dokument jifforma parti mill-kuntest tal‑adozzjoni tal-atti kkontestati f’dawn il-kawżi u jista’, għalhekk, jittieħed inkunsiderazzjoni matul l-eżami ta’ dan il-motiv.

89      Issa, il-motivi stabbiliti fl-atti kkontestati, kif imsaħħa u żviluppati bil-motivi addizzjonali kkomunikati fl-1 ta’ Ottubru 2009, huma biżżejjed preċiżi sabiex l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kunsill jiġi ssodisfatt. Għalhekk, dawn il-motivi jippermettu l-identifikazzjoni tal-entitajiet li lilhom ir-rikorrent kien ipprovda servizzi finanzjarji u li huma kkonċernati mill-miżuri restrittivi adottati mill‑Unjoni jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-istess mod bħalma jistgħu jiġu identifikati l-perijodu li matulu s-servizzi inkwistjoni kienu ġew ipprovduti u, f’ċertu każi, it-tranżazzjonijiet speċifiċi li magħhom kienu marbuta.

90      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

91      Ir-rikorrent isostni li, minkejja t-talbiet ripetuti, huwa la kiseb aċċess suffiċjenti għall-fajl tal-Kunsill u lanqas seduta quddiem dan tal-aħħar, b’mod li huwa injora l-provi użati kontrih u li, għalhekk, ma huwiex f’pożizzjoni li jiddefendi ruħu. Barra minn hekk, sa fejn il-Kunsill ikkomunikalu elementi tal-fajl tiegħu, din il-komunikazzjoni kienet tardiva.

92      Preliminarjament, il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkontestaw l-applikabbiltà tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kawża prinċipali, billi jirreferu għall-fatt li r-rikorrent ma kienx ikkonċernat mill-miżuri restrittivi minħabba l-attività tiegħu, iżda minħabba l-appartenenza tiegħu fil-kategorija ġenerali ta’ persuni u ta’ entitajiet li taw sostenn lill-proliferazzjoni nukleari.

93      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-Artikolu 24(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 36(3) u (4) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 46(3) u (4) tar-Regolament Nru 267/2012 jipprovdu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu d-drittijiet tad-difiża tal-entitajiet milquta mill-miżuri restrittivi adottati bis-saħħa ta’ dawn it-testi. Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet huwa s-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 10 iktar ’il fuq, punt 37).

94      Il-Kunsill u r-Renju Unit isostnu wkoll li l-Kunsill ma jistax jiġi obbligat li jagħti lill-entitajiet ikkonċernati l-provi u l-informazzjoni li jsostnu l-motivi tal-miżuri restrittivi meta dawn jirriżultaw minn sors kunfidenzjali u li, bħala tali, jinżammu mill-Istati Membri li jżommuhom, jew saħansitra minn Stati terzi li magħhom dawn tal-aħħar jikkooperaw, u li dan iseħħ biex is-sorsi jiġu protetti. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit jippreċiża li r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jistabbilixxix dispożizzjonijiet li jippermettu li din tal-aħħar tieħu inkunsiderazzjoni provi kunfidenzjali mingħajr l-iżvelar lill-partijiet oħra, fatt li jimplika li bl-ebda mod ma tista’ tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità tal-provi eventwalment ikkomunikati u, għalhekk, li jiġu protetti b’mod xierqa l-kunsiderazzjonijiet imperattivi li jipprekludu l-komunikazzjoni tagħhom lill-entità kkonċernata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija kunsiderazzjonijiet għandhom jipprevalu, inklużi dawk li jirrigwardaw il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

95      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 83 iktar ’il fuq jirriżulta li l-komunikazzjoni tal-provi użati kontra entitajiet ikkonċernati tista’ effettivament ma sseħħx meta kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom jipprekludu dan.

96      Madankollu, fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-adozzjoni u taż-żamma tal-miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni tista’ tistħarreġ il-legalità u l-fondatezza ta’ tali miżuri, inkluż l-osservanza tal-garanziji proċedurali li jibbenefikaw minnhom l-entitajiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq, punt 155), peress li n-natura kunfidenzjali ta’ ċerti provi tista’, eventwalment, tiġġustifika r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ dawn il-provi lir-rikorrent jew lill-avukati tiegħu, u dan japplika għall-proċedura kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, punt 62 iktar ’il fuq, punt 155).

97      Barra minn hekk, abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, “[m]eta dokument, li l-aċċessibbiltà tiegħu tkun ġiet miċħuda minn istituzzjoni, jitressaq quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors li jirrigwarda l-validità ta’ din iċ-ċaħda, dan id-dokument ma jingħatax lill-partijiet l-oħra”. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tar-rifjut ta’ aċċess għal dokument li jinsab fl-inkartament tal-Kunsill, mingħajr ma tikkomunika dan l-istess dokument lill-entità kkonċernata.

98      Fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrent, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li mill-punti 86 sa 90 iktar ’il fuq jirriżulta li l-atti kkontestati huma mmotivati b’mod suffiċjenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill osserva wkoll l-obbligi tiegħu ta’ komunikazzjoni inizjali tal-provi kontra.

99      Fit-tieni lok, dwar l-aċċess għall-fajl, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent huma bbażati fuq żewġ proposti distinti. Fil-fatt, minn naħa, l-adozzjoni inizjali tal-imsemmija miżuri, fl-2008, li kienet is-suġġett ta’ azzjoni legali tar-rikorrent fil-Kawża T-390/08 (ara l-punti 5, 10 u 23 iktar ’il fuq), twettqet abbażi tal-proposta inizjali, li l-Kunsill irrifjuta li jikkomunika lir-rikorrent, minkejja bosta talbiet f’dan is-sens. Min-naħa l-oħra, il-motivi addizzjonali, ikkomunikati lir-rikorrent fl-1 ta’ Ottubru 2009, huma sostnuti mill-proposta addizzjonali, li kopja mhux kunfidenzjali ntbagħtet lir-rikorrent fit-18 ta’ Novembru 2009, jiġifieri fil-mument li dan tal-aħħar ġie informat bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1100/2009.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li fuqu l-Kunsill kien ibbaża ruħu biex jadotta jew biex iżomm il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw entità tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża li jiġġustifika l-annullament tal-atti kkonċernati biss jekk jiġi stabbilit li l-miżuri restrittivi kkonċernati ma setgħux jiġu adottati jew jinżammu b’mod legali li kieku d-dokument mhux ikkomunikat kellu jiġi injorat bħala prova kontra.

101    Konsegwentement, f’din il-kawża, anki jekk jiġi preżunt li l-Kunsill inġustament irrifjuta l-komunikazzjoni tal-proposta inizjali lir-rikorrent, dan il-fatt jista’ jiġġustifika l-annullament tal-atti kkontestati biss jekk jiġi barra minn hekk stabbilit li ż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent ma setgħux jiġu ġġustifikati mill-provi kkomunikati li dan tal-aħħar fi żmien utli, jiġifieri l-motivi li jinsabu fl-atti kkontestati, il-motivi addizzjonali pprovduti fl-1 ta’ Ottubru 2009 u l-proposta addizzjonali pprovduta fl-1 ta’ Ottubru 2009 u l-proposta addizzjonali, ikkomunikata fit-18 ta’ Novembru 2009.

102    Issa, mill-punti 122 sa 150 iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti invokati mir-rikorrent ma jippermettux li titqiegħed inkwistjoni l-fondatezza tal-ġustifikazzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh, li jirreferi għalihom fil-punt 149 iktar ’il fuq, kif tirriżulta mill-provi li ntbagħtulu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-proposta inizjali ma tistax tiġġustifika l-annullament tal-atti kkontestati.

103    Fit-tielet lok, ir-rikorrent jiżbalja meta jsostni li huwa ma setax jikseb seduta quddiem il-Kunsill.

104    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrent ma jikkontestax li huwa kien f’pożizzjoni li jippreżenta lill-Kunsill osservazzjonijiet bil-miktub fit-8, fil-21 ta’ Lulju u fil-15 ta’ Ottubru 2009, fil-15 ta’ Settembru 2010 u fit-28 ta’ Lulju 2011.

105    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jagħti x’jifhem ir-rikorrent, la l-leġiżlazzjoni inkwistjoni u lanqas il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jagħtuh dritt għal seduta formali (ara, b’analoġija, is-sentenza People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, punt 53 iktar ’il fuq, punt 93, u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li l-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub kienet biżżejjed.

106    Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża bħala, parzjalment, ineffettivi, u, parzjalment, infondati.

–       Fuq id-difetti li allegatament jaffettwaw l-eżami mill-ġdid imwettaq mill-Kunsill

107    Skont ir-rikorrent, il-Kunsill kiser l-obbligu ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-osservazzjonijiet tiegħu. B’mod partikolari, huwa la rriveda b’mod effettiv l-imsemmija miżuri u lanqas irreaġixxa b’mod dettaljat għall-imsemmija osservazzjonijiet, billi sempliċement bagħat ittri standard. Bl-istess mod, l-eżami mill-ġdid li huwa wettaq ma huwiex fondat fuq elementi ta’ informazzjoni u ta’ prova rilevanti.

108    F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Kunsill isostni, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrent, li, qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri kienu rċevew l-osservazzjonijiet mibgħuta mir-rikorrent. Konsegwentement, dawn l-osservazzjonijiet, li jinkludu kemm informazzjoni dettaljata dwar ir-relazzjonijiet tar-rikorrent mal-entitajiet imsemmija fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati kif ukoll provi li jsostnu din l-istess informazzjoni, setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

109    Min-naħa l-oħra, mill-ittri tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju u tat-18 ta’ Novembru 2009, tat-28 ta’ Ottubru 2010 u tal-5 ta’ Diċembru 2011 jirriżulta li dan tal-aħħar eżamina l-imsemmija osservazzjonijiet u li weġibhom, billi insista b’mod partikolari fuq il-fatt li r-rikorrent kien ipprovda servizzi finanzjarji lil entitajiet implikati fil-proliferazzjoni nukleari.

110    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu miċħuda bħala infondati l‑argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ difetti li allegatament jaffettwaw l-eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent.

–       Fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tar-Regolament Nru 267/2012 lir-rikorrent

111    Matul is-seduta, ir-rikorrent sostna, mingħajr ma ġie kontradett mill-Kunsill, li r-Regolament Nru 267/2012 ma ġiex ikkomunikat lilu b’mod individwali.

112    Issa, minn naħa, għalkemm huwa minnu li att li jadotta jew li jżomm miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna jew entità għandu jiġi kkomunikat lil dan tal-aħħar u li hija din il-komunikazzjoni li twassal biex jiddekorri t-terminu għall-preżentata, mill-persuna jew mill-entità kkonċernata, ta’ rikors għal annullament tal-att inkwistjoni abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan il-fatt ma jimplikax li l-assenza ta’ tali komunikazzjoni tiġġustifika, waħedha, l-annullament tal-att inkwistjoni.

113    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma jinvokax argumenti intiżi biex juru li, f’din il-kawża, l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tar-Regolament Nru 267/2012 kellha bħala konsegwenza dannu għad-drittijiet tiegħu li jiġġustifikaw l-annullament ta’ dan tal-aħħar sa fejn jikkonċernah. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali dannu ma tirriżultax mill-atti tal-proċess, peress li, qabelxejn, il-motivi użati fir-rigward tar-rikorrent fir-Regolament Nru 267/2012 huma identiċi għall-motivi li jinsabu fl-atti preċedenti magħrufa minnu, it-tieni nett, li huwa kien f’pożizzjoni li jadatta t-talbiet tiegħu fil-Kawża T-7/11 biex jitlob l-annullament tar-Regolament Nru 267/2012 u, fl-aħħar nett, li huwa kien f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni ta’ dan tal-aħħar minn sors ieħor u li hemeż kopja mal-att li permezz tiegħu huwa adatta it-talbiet tiegħu.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq ksur tal-obbligu tal-Kunsill li jikkomunikalu r-Regolament Nru 267/2012, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l-ammissibbiltà tiegħu.

–       Fuq l-allegati ksur l-oħra

115    Skont ir-rikorrent, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u tal-obbligu ta’ eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi adottati jinvolvu, barra minn hekk, ksur tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-Kunsill ma aġixxiex b’bona fide u b’diliġenza.

116    Issa, mill-eżami mwettaq iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u tal-obbligu tal-Kunsill li jeżamina mill-ġdid il-miżuri restrittivi ma jiġġustifikawx l-annullament tal-atti kkontestati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li ma huwiex sostnut minn argumenti speċifiċi u għalhekk ma għandux portata awtonoma, għandu jiġi miċħud.

117    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li l-ewwel motiv fil-Kawża T-35/10 u t-tielet motiv fil-Kawża T-7/11 għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment ineffettivi u parzjalment infondati.

 Fuq it-tieni motiv fil-Kawża T-35/10 u r-raba’ motiv fil-Kawża T-7/11, li huma bbażati fuq żball ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kunsill qies li r-rikorrent kien involut fil-proliferazzjoni nukleari

118    Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta qies li huwa kellu jiġi milqut mill-miżuri restrittivi. Minn naħa, huwa jikkontesta li kien ipprovda servizzi finanzjarji lil ċerti entitajiet imsemmija fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati. Min-naħa l-oħra, huwa jqis li s-servizzi li huwa effettivament ipprovda lil entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari ma jiġġustifikawx l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, peress li dawn huma b’mod partikolari marbuta mal-imsemmija proliferazzjoni.

119    Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, l-iżball tal-Kunsill jinvolvi abbuż ta’ poter min-naħa tiegħu.

120    Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-motivi tar-rikorrent

121    Preliminarjament, għandu jitfakkar li att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/10, Ġabra p. II-3967, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’din il-kawża, ir-rikorrent ma pproduċiex provi li jissuġġerixxu li, billi adottat l-atti kkontestati, il-Kunsill segwa għan li ma huwiex dak li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha. Għalhekk, l-argument ibbażat fuq l-allegat “abbuż ta’ poter” tal-Kunsill għandu qabelxejn jiġi miċħud.

122    Fir-rigward tal-argumenti l-oħra tar-rikorrent, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ att li bih ikunu ġew adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità, jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawh, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li tkun ibbażata fuqhom din l-evalwazzjoni. F’każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li jkollu jippreżenta dawn il-provi bil-għan li jiġu vverifikati mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 10 iktar ’il fuq, punti 37 u 107).

123    F’dan ir-rigward, il-Kunsill u r-Renju Unit isostnu l-argument espost fil-punt 94 iktar ’il fuq, li jipprovdi li l-Kunsill ma jistax ikun obbligat li jipproduċi l-provi u l-informazzjoni li jsostnu l-motivi tal-miżuri restrittivi meta dawn jirriżultaw minn sorsi kunfidenzjali u li, bħala tali, jinżammu mill-Istati Membri li jżommuhom, jew saħansitra minn Stati terzi li magħhom dawn tal-aħħar jikkooperaw, u li dan iseħħ biex is-sorsi jiġu protetti. Huma jippreċiżaw li f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-Qorti Ġenerali għandu jkun ristrett. Għalhekk, skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali għandha sempliċement tivverifika l-“plawsibbiltà oġġettiva” tal-allegazzjonijiet tal-Istati Membri filwaqt li, skont ir-Renju Unit, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu biss jikkonċerna l-fondatezza materjali tal-atti li jadottaw il-miżuri restrittivi.

124    Issa, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

125    Fil-fatt, il-fatt li l-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent ġew adottati fuq il-bażi ta’ provi miġbura minn Stat Membru, ma jipprekludux il-fatt li l-atti kkontestati huma atti tal-Kunsill, li għandu, għalhekk, jiżgura li l-adozzjoni tagħhom hija ġġustifikata, jekk ikun il-każ billi jitlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jippreżentalu l-provi u l-informazzjoni meħtieġa għal dan il-għan.

126    Bl-istess mod, il-Kunsill ma jistax jinvoka li l-provi kkonċernati ġejjin minn sorsi kunfidenzjali u li bħala konsegwenza, ma jistgħux jiġu żvelati. Fil-fatt, għalkemm din iċ-ċirkustanza tista’, eventwalment, tiġġustifika restrizzjonijiet fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ dawn il-provi lir-rikorrenti jew lill-avukati tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità u l-fondatezza ta’ tali miżuri, mingħajr ma jistgħu jiġu invokati kontriha s-sigriet jew il-kunfidenzjalità tal-provi u tal-informazzjoni użati mill-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kunsill ma jistax jibbaża att li jadotta miżuri restrittivi fuq informazzjoni jew fuq provi fil-fajl ikkomunikati minn Stat Membru, jekk dan l-Istat Membru mhux lest li jawtorizza l-komunikazzjoni tagħhom lill-qorti tal-Unjoni li għandha s-setgħa ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

127    Konsegwentement, hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ġustifikazzjoni tal-miżuri restrittivi fid-dawl tal-informazzjoni u tal-provi kkomunikati kemm lir-rikorrent kif ukoll lill-Qorti Ġenerali.

128    Il-motivazzjoni tal-atti kkontestati u l-provi kkomunikati mill-Kunsill fl-1 ta’ Ottubru u fit-18 ta’ Novembru 2009 jirreferu, in toto, għal disa’ entitajiet allegatament involuti fil-proliferazzjoni nukleari li lilhom ir-rikorrent kien ipprovda servizzi finanzjarji: l-Organizzazzjoni tal-Industriji Ajruspazjali (AIO), il-Grupp Industrijali Shahid Hemmat (SHIG), il-Grupp Industrijali Shahid Bagheri (SBIG), l-Organizzazzjoni Iranjana tal-Enerġija Atomika (AEOI), Novin Energy Company, Mesbah Energy Company, Kalaye Electric Company, l-Organizzazzjoni tal-Industriji tad-Difiża (DIO) u l-Bank Sepah.

129    Ir-rikorrent jikkontesta li kien ipprovda servizzi finanzjarji lil SHIG, lil SBIG, lil Novin Energy Company u lil Kalaye Electric Company. Peress li l-Kunsill ma pproduċiex provi u informazzjoni li jsostnu l-allegazzjonijiet tiegħu dwar is-servizzi allegatament ipprovduti lil dawn l-erba’ kumpanniji, l-imsemmija allegazzjonijiet ma jistgħux jiġġustifikaw l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 122 iktar ’il fuq.

130    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent ma jikkontestax li kien ipprovda servizzi finanzjarji lill-AIO, lill-AEOI, lil Mesbah Energy Company, lid-DIO u lill-Bank Sepah. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostni l-Kunsill, dawn is-servizzi jikkostitwixxux sostenn għall-proliferazzjoni nukleari fis-sens tad-Deċiżjoni 2010/413, tar-Regolament Nru 423/2007, tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament Nru 267/2012.

131    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 423/2007, tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 49 tar-Regolament Nru 267/2012, l-imsemmija regolamenti japplikaw għat-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tiegħu, fuq kull ajruplan u fuq kull bastiment li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, għal kull ċittadin ta’ Stat Membru fi ħdan u lil hinn mit-territorju tal-Unjoni, għal kull persuna ġuridika, għal kull entità jew kull korp, stabbilit jew ikkostitwit skont id-dritt ta’ Stat Membru, kif ukoll għal kull persuna legali, kull entità jew kull korp f’dak li jikkonċerna t-tranżazzjonijiet kummerċjali mwettqa integralment jew parzjalment fl-Unjoni.

132    Għalhekk, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imwettqa lil hinn mill-Unjoni, ir-Regolament Nru 423/2007, ir-Regolament Nru 961/2010 u r-Regolament Nru 267/2012 ma jistgħux joħolqu obbligi legali fil-konfront ta’ stabbiliment finanzjarju stabbilit fi Stat terz u kkostitwit skont id-dritt ta’ dan l-istess Stat (iktar ’il quddiem, “stabbiliment finanzjarju barrani”), bħar-rikorrent. Konsegwentement, tali stabbiliment finanzjarju ma huwiex obbligat, abbażi tal-imsemmija regolamenti, li jiffriża l-fondi ta’ entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari.

133    Xorta jibqa’ l-fatt li, jekk stabbiliment finanzjarju barrani jipparteċipa u huwa direttament assoċjat jew iservi ta’ sostenn għall-proliferazzjoni nukleari, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tiegħu li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni, involuti f’tranżazzjoni kummerċjali mwettqa integralment jew parzjalment fl-Unjoni jew miżmuma minn ċittadini tal-Istati Membri jew minn persuni ġuridiċi, minn entitajiet jew korpi stabbiliti jew ikkostitwiti skont id-dritt ta’ Stat Membru, jistgħu jintlaqtu mill-miżuri restrittivi adottati abbażi tar-Regolament Nru 423/2007, tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament Nru 267/2012.

134    Minn dan isegwi li stabbiliment finanzjarju barrani għandu kull interess li jiżgura li ma jipparteċipax, li ma jkunx direttament assoċjat u ma jservix ta’ sostenn għall-proliferazzjoni nukleari, b’mod partikolari billi jipprovdi servizzi finanzjarji lil entità involuta fl-imsemmija proliferazzjoni. Konsegwentement, meta jkun jaf jew jista’ raġonevolment jissuspetta li wieħed mill-klijenti tiegħu huwa involut fil-proliferazzjoni nukleari, jaqbillu jtemm mill-iktar fiss possibbli l-provvista ta’ servizzi finanzjarji lil dan tal-aħħar, fid-dawl tal-obbligi legali applikabbli, u li ma jipprovdilu l-ebda servizz ġdid.

135    F’din il-kawża, il-Kunsill ma jallegax li s-servizzi inkwistjoni jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 423/2007, tar-Regolament Nru 961/2010 u tar-Regolament Nru 267/2012, kif imfakkar fil-punt 131 iktar ’il fuq. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent aġixxiex mingħajr dewmien sabiex itemm il-provvista ta’ servizzi finanzjarji lil kull waħda mill-ħames entitajiet imsemmija fil-punt 130 iktar ’il fuq meta huwa sar jaf jew seta’ raġonevolment jissuspetta li dawn kienu involuti fil-proliferazzjoni nukleari.

136    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li huwa wettaq biss trasferiment wieħed favur l-AIO fl-14 ta’ Marzu 2007, jiġifieri qabel l-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri restrittivi fil-konfront ta’ din tal-aħħar, li seħħet fit-23 ta’ April 2007.

137    Issa, il-Kunsill ma jipproduċiex provi jew informazzjoni konkreta li tissuġġerixxi li jew is-servizzi ġew ipprovduti mir-rikorrent lill-AIO wara l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernaw lil din tal-aħħar jew li r-rikorrent kien jaf jew seta’ raġonevolment jissuspetta li l-AIO kienet ipparteċipat fil-proliferazzjoni nukleari qabel l-14 ta’ Marzu 2007.

138    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trasferiment mwettaq favur l-AIO ma jiġġustifikax iż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent.

139    It-tieni nett, ir-rikorrent jammetti li wettaq tranżazzjonijiet f’isem Bank Sepah, Mesbah Energy Company u d-DIO, kemm qabel kif ukoll wara l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lil dawn l-entitajiet. Huwa jsostni, madankollu, li t-tranżazzjonijiet kollha mwettqa jirriżultaw minn impenji meħuda qabel l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri u li, fi kwalunkwe każ, dawn ma kinux marbuta mal-proliferazzjoni nukleari.

140    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(6) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 267/2012 essenzjalment jawtorizzaw li l-fondi ta’ entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi jiġu żblokkati biex jitwettqu pagamenti abbażi ta’ obbligi meħuda minnhom qabel ma ntlaqtu, sa fejn l-imsemmija pagamenti ma jkunux marbuta mal-proliferazzjoni nukleari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li r-rikorrent jiġi obbligat, li f’din il-kawża ma kellux għalfejn jiffriża l-fondi tal-Bank Sepah, ta’ Mesbah Energy Company u tad-DIO skont it-testi msemmija iktar ’il fuq, kif jirriżulta wkoll mill-punti 132 u 135 iktar ’il fuq, japplika sistema iktar stretta fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

141    Issa, il-Kunsill ma jipproduċiex provi jew informazzjoni li tissuġġerixxi li jew ir-rikorrent kien jaf jew seta’ raġonevolment jissuspetta li Bank Sepah, Mesbah Energy Company u d-DIO kienu involuti fil-proliferazzjoni nukleari qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawhom, jew li huwa kien wettaq tranżazzjonijiet fuq il-bażi ta’ istruzzjonijiet wara l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri, jew saħansitra li t-tranżazzjonijiet mwettqa wara l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri kienu marbuta mal-proliferazzjoni nukleari.

142    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tranżazzjonijiet imwettqa f’isem il-Bank Sepah, Mesbah Energy Company u d-DIO ma jiġġustifikawx iż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent.

143    It-tielet nett, ir-rikorrent jammetti li wettaq, sat-18 ta’ April 2007, tranżazzjonijiet f’isem l-AEOI, marbuta ma’ pagamenti tal-borża ta’ studju u ma’ spejjeż marbuta mal-edukazzjoni u jirrigwardaw somom li ma jeċċedux EUR 8 000.

144    Issa, l-AEOI hija kkonċernata mill-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti mit-23 ta’ Diċembru 2006. Għalhekk, minn din id-data, ir-rikorrent seta’, tal-inqas, jissuspetta li l-AEOI kienet involuta fil-proliferazzjoni nukleari.

145    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jippretendix li t-tranżazzjonijiet imwettqa wara t-23 ta’ Diċembru 2006 kienu bbażati fuq istruzzjonijiet irċevuti qabel din id-data.

146    Fi kwalunkwe każ, sa fejn l-AEOI hija responsabbli għall-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp fil-qasam nukleari, huwa ġġustifikat li jiġi kkunsidrat li l-boroż ta’ studju mħallsa f’isimha huma marbuta ma’ dawn l-istess attivitajiet u, għalhekk mal-proliferazzjoni nukleari.

147    Konsegwentement, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 140 iktar ’il fuq ma japplikawx għat-tranżazzjonijiet imwettqa f’isem l-AEOI.

148    Barra minn hekk, ir-rikorrent jiżbalja meta jinvoka l-ammont mhux sinjifikattiv tal-pagamenti mwettqa f’isem l-AEOI. Fil-fatt, minn naħa, skont l-indikazzjonijiet previsti minnha, l-ammont totali ta’ dawn il-pagamenti mwettqa fl-2007 jammontaw għal EUR 17 768, USD 68 341 u AUD 2 041, jiġifieri somma mhux negliġibbli. Min-naħa l-oħra, sa fejn il-fatt li jkun hemm persunal bi kwalifiki għolja huwa ta’ importanza fundamentali għall-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp fil-qasam nukleari, il-pagament ta’ boroż ta’ studju intiżi biex jiżguraw l-edukazzjoni f’dan il-qasam, anki ta’ ammont individwali relattivament żgħir, jikkostitwixxi sostenn għall-attivitajiet inkwistjoni u, konsegwentement, għall-proliferazzjoni nukleari.

149    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-fatt li r-rikorrent iwettaq pagamenti ta’ boroż ta’ studju u ta’ spejjeż marbuta mal-edukazzjoni f’isem l-AEOI wara l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jikkostitwixxi sostenn għall-proliferazzjoni nukleari li jiġġustifika l-miżuri restrittivi li jikkonċernawh.

150    Konsegwentement, it-tieni motiv fil-Kawża T-35/10 u r-raba’ motiv fil-Kawża T-7/11 għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq it-tielet motiv fil-Kawża T-35/10 li huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tar-Regolament Nru 1100/2009, u t-tieni motiv fil-Kawża T-7/11 li huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010

151    Ir-rikorrent jinvoka żbalji f’dak li jikkonċerna l-bażi legali tal-atti differenti li permezz tagħhom il-miżuri restrittivi li jikkonċernawh ġew adottati.

152    Il-Kunsill, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

153    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni, fil-Kawża T-35/10, li l-Kunsill wettaq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tar-Regolament Nru 1100/2009. Fil-fatt, dan ir-regolament għandu bħala bażi legali r-Regolament Nru 423/2007, li huwa illegali inkwantu ġie adottat mill-Kunsill li ddeċieda b’maġġoranza kkwalifikata, u mhux bl-unanimità, kif huwa impost kemm mill-Artikolu 308 KE kif ukoll mill-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 1100/2009 huwa nieqes minn bażi legali. Barra minn hekk, huwa stess kellu jiġi adottat mill-Kunsill b’mod unanimu, u mhux bil-maġġoranza kkwalifikata, kif jirriżulta mill-Pożizzjoni Komuni 2007/140 li tikkostitwixxi l-bażi legali tiegħu.

154    L-ewwel nett, fir-rigward tar-Regolament Nru 423/2007, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, l-Artikoli 60 KE u 301 KE kienu jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 423/2007, peress li l-użu tal-Artikolu 308 KE ma kienx meħtieġ. Bl-istess mod, mill-Artikolu 301 KE, li jirreferi għalih l-Artikolu 60 KE, kien jirriżulta li l-Pożizzjoni Komuni 2007/140 ma kinitx tikkostitwixxi bażi legali tar-Regolament Nru 423/2007 u atti oħra kienu qed jimplementawh, bħar-Regolament Nru 1100/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 23 iktar ’il fuq, punti 66 sa 72).

155    Għaldaqstant, kemm mir-regola ta’ votazzjoni prevista fl-Artikolu 308 KE kif ukoll mir-regola applikabbli għall-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 u għall-emenda tagħha huma mingħajr rilevanza f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 423/2007. Ir-rispett tar-regola ta’ votazzjoni xierqa u tal-kundizzjonijiet proċedurali l-oħra għandu għalhekk jiġi vverifikat fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 301 KE biss, li jirreferi għalih l-Artikolu 60 KE.

156    Skont l-Artikolu 301 KE “[m]eta jkun hemm, f’pożizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata skond il-provvedimenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw il-politika komuni barranija u ta’ sigurtà, provvedimenti għal xi azzjoni mill-Komunità biex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar, il-Kunsill għandu jieħu l-miżuri urġenti neċessarji. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni”.

157    F’din il-kawża, ir-rikorrent ma jikkontestax li r-Regolament Nru 423/2007 ġie adottat b’maġġoranza kkwalifikata, skont ir-regola stabbilita fl-Artikolu 301 KE. Lanqas ma huwa kkontestat li l-adozzjoni tar-Regolament Nu 423/2007 ppreċediet l-adozzjoni, b’mod unanimu, tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 301 KE ġew osservati f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni tar-Regolament Nru 423/2007.

158    It-tieni nett, fir-rigward tar-Regolament Nru 1100/2009, għandu jiġi osservat li, minn naħa, ir-rikorrent ma jikkontestax li dan ġie adottat, fuq il-bażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 423/2007, b’maġġoranza kkwalifikata u wara l-inklużjoni ta’ ismu fil-lista stabbilita fl-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, permezz tal-Pożizzjoni Komuni 2008/479, adottata, skont l-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, bl-unanimità. Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie mfakkar fil-punt 154 iktar ’il fuq, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 ma tikkostitwixxix bażi legali tar-Regolament Nru 1100/2009, b’mod li r-regola ta’ votazzjoni li hija tipprovdi hija mingħajr rilevanza għal dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ dan l-aħħar regolament.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-argumenti tar-rikorrent dwar ir-Regolament Nru 423/2007 u r-Regolament Nru 1100/2009 għandhom jiġu miċħuda.

160    Fit-tieni lok, skont ir-rikorrent, sa fejn id-Deċiżjoni 2010/644 u r-Regolament Nru 961/2010 jistabbilixxu miżuri restrittivi fil-konfront ta’ entitajiet li ma humiex ikkonċernati mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn kellhom jiġu adottati mhux abbażi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 215 TFUE, iżda skont dik prevista fl-Artikolu 75 TFUE. Alternattivament, l-atti kkontestati setgħu jiġu bbażati fuq l-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE applikati b’mod konġunt.

161    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom, hemm l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (ara, s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 75 TFUE huwa inkluż fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fi ħdan l-Unjoni. Huwa jippermetti li jiġu adottati miżuri restrittivi intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti mill-imsemmi titolu, u dan biss fir-rigward tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-attivitajiet konnessi, kif ukoll il-ġlieda kontra dawn il-fenomeni.

163    L-Artikolu 215 TFUE, min-naħa tiegħu, huwa inkluż fit-Titolu IV tal-Ħames Parti tat-Trattat FUE li jirrigwarda l-azzjoni esterna tal-Unjoni. Din tippermetti li jiġu adottati miżuri restrittivi fil-konfront ta’ pajjiżi terzi kif ukoll fil-konfront ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, gruppi u entitajiet mhux statali, sabiex tiġi implementata deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (iktar ’il quddiem il-“PESK”).

164    F’din il-kawża, għandu preliminarjament jiġi rrilevat li r-rikorrent jiżbalja meta jallega li d-Deċiżjoni 2010/644 kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 75 TFUE, peress li dan ma huwiex att adottat abbażi tat-Trattat FUE, iżda abbażi tat-Trattat UE, b’mod partikolari tal-Artikolu 29 tiegħu.

165    Fir-rigward tar-Regolament Nru 961/2010, il-Kunsill ġustament isostni li l-miżuri restrittivi li dawn tal-aħħar jipprovdu ma jikkonċernaw la l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 67 TFUE u lanqas, a fortiori, il-prevenzjoni tat-terroriżmu u tal-attivitajiet konnessi jew mal-ġlieda kontra dawn il-fenomeni. Huma jikkonċernaw l-attivitajiet tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, jiġifieri pajjiż terz, assoċjat mal-proliferazzjoni nukleari.

166    Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 961/2010 ġie adottat sabiex jimplementa l-atti rilevanti tal-PESK, jiġifieri d-Deċiżjoni 2010/413 u d-Deċiżjoni 2010/644.

167    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 215 TFUE jikkostitwixxi bażi legali xierqa u suffiċjenti għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 961/2010, peress li l-miżuri restrittivi previsti minn dan tal-aħħar jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 75 TFUE.

168    Il-fatt, invokat mir-rikorrent, li jipprovdi li l-miżuri restrittivi li jikkonċernawh imorru lil hinn minn dawk adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Unit huwa ineffettiv f’dan il-kuntest.

169    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li xejn fl-Artikoli 60 KE u 301 KE ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kompetenza li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Komunità kienet limitata għall-implementazzjoni tal-miżuri deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 10 iktar ’il fuq, punti 51, 52 u 64). Dawn il-konstatazzjonijiet jistgħu japplikaw għall-miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE li jirrifletti l-kontenut tal-Artikoli 60 KE u 301 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, punt 161 iktar ’il fuq, punt 51).

170    Għalhekk, il-fatt li l-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-PESK imorru lil hinn minn dawk deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ma għandux effett fuq in-natura xierqa u suffiċjenti tal-Artikolu 215 TFUE bħala bażi legali tagħhom.

171    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, id-differenzi fil-proċeduri applikabbli skont l-Artikolu 75 TFUE u l-Artikolu 215(1) TFUE jipprekludu li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu akkumulati sabiex iservu bħala bażi legali doppja ta’ att bħar-Regolament Nru 961/2010 (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, punt 161 iktar ’il fuq, punt 49).

172    Sa fejn ir-rikorrent għadu jsostni, f’dan il-kuntest, li l-użu tal-Artikolu 75 TFUE jippermetti li jiġi żgurat livell xieraq ta’ kontroll demokratiku permezz tal-intervent tal-Parlament Ewropew, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, ma humiex il-proċeduri li jiddefinixxu l-bażi legali ta’ att, iżda l-bażi legali ta’ att li tiddetermina l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar (sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, punt 161 iktar ’il fuq, punt 80). Għalhekk, ir-rieda li l-Parlament jiġi assoċjat mal-proċess ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi ma jistax ikollu bħala konsegwenza li l-atti kkonċernati għandhom ikunu bbażati fuq bażi legali li ma japplikax ratione materiae, bħal, f’din il-kawża, l-Artikolu 75 TFUE.

173    Sussegwentement, id-differenza bejn l-Artikoli 75 TFUE u 215 TFUE dwar l-involviment tal-Parlament tirriżulta minn għażla magħmula mill-awturi tat-Trattat ta’ Lisbona li jagħtuh rwol iktar limitat fir-rigward tal-azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK (sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, punt 161 iktar ’il fuq, punt 82).

174    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 215(3) TFUE, l-atti kkonċernati minn dan l-artikolu jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa fil-qasam tal-garanziji legali (sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, punt 161 iktar ’il fuq, punt 83).

175    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma wettaqx żball f’dak li jirrigwarda l-bażi legali tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010.

176    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li t-tielet motiv fil-Kawża T-35/10 u t-tieni motiv fil-Kawża T-7/11 għandhom jiġu miċħuda bħala, parzjalment, ineffettivi u, parzjalment, infondati.

 Fuq ir-raba’ motiv fil-Kawża T-35/10 u l-ħames motiv fil-Kawża T-7/11 li huma bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrent li jirriżulta mill-fatt li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

177    Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tad-dritt ta’ proprjetà tiegħu.

178    Il‑Kunsill jikkontesta l‑fondatezza tal‑argumenti tar‑rikorrent.

179    Skont il-ġurisprudenza, abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-legalità tal-projbizzjoni ta’ attività ekonomika hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-miżuri ta’ projbizzjoni jkunu adegwati u neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u dan dejjem bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 10 iktar ’il fuq, punt 66).

180    F’din il-kawża, l-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li huwa hu kkonċernat minn miżuri restrittivi li jmorru lil hinn mill-miżuri previsti fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, minkejja li l-atti kkontestati għandhom jirriflettu dawn l-istess riżoluzzjonijiet. Għalhekk, il-miżuri restrittivi li jikkonċernawh huma sproporzjonati, peress li l-Kunsill ma pprovda l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva dwar din id-differenza.

181    F’dan ir-rigward, diġà ġie espost fil-punt 169 iktar ’il fuq, minn naħa, li, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill kien kompetenti biex jadotta, abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, miżuri restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt japplika għall-miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, bħal dawk previsti mir-Regolament Nru 961/2010 u mir-Regolament Nru 267/2012.

182    L-istess konklużjoni għandha tapplika, b’analoġija, għall-miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikolu 29 TFUE, bħal dawk previsti fid-Deċiżjoni 2010/413 u mid-deċiżjonijiet adottati biex jimplementawha. Fil-fatt, l-Artikolu 29 TUE lanqas ma jillimita s-setgħat mogħtija lill-Kunsill għall-implementazzjoni tal-miżuri deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

183    Konsegwentement, is-sempliċi fatt li l-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent imorru lil hinn minn dawk adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ma jimplikax li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

184    Barra minn hekk, ir-rikorrent inġustament isostni li l-Kunsill kellu jipprovdi “ġustifikazzjoni oġġettiva” fid-dawl tal-fatt li huwa adotta miżuri restrittivi awtonomi fir-rigward tiegħu. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-miżuri restrittivi awtonomi li jikkonċernaw lill-entitajiet involuti fil-proliferazzjoni nukleari jfittxu għan leġittimu li jikkorrispondi għall-għanijiet imfittxija mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, jiġifieri li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha. Barra minn hekk, dawn huma xierqa u meħtieġa għat-twettiq tal-imsemmi għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 10 iktar ’il fuq, punti 67 u 68). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma kienx obbligat li jipprovdi lir-rikorrent “ġustifikazzjoni oġġettiva”, iżda biss ir-raġunijiet konkreti u speċifiċi għaliex huwa qies li l-kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi awtonomi japplikaw għalih. Issa, kif jirriżulta mill-punti 86 sa 90 iktar ’il fuq, il-Kunsill osserva dan l-obbligu.

185    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent huma sproporzjonati inkwantu jmorru lil hinn minn dawk previsti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jiġi miċħuda bħala infondat.

186    Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-miżuri restrittivi li jikkonċernawh japplikaw mhux biss għall-fondi tiegħu, iżda wkoll għal dawk tad-depożitarji tiegħu, fatt li huwa inkompatibbli mar-riżoluzzjoni inkwistjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

187    Issa, minn naħa, kif isostni l-Kunsill, l-Artikolu 20(6) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 423/2007, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 267/2012 jippermettu lill-klijenti tar-rikorrent li ma humiex huma stess ikkonċernati mill-miżuri restrittivi li jiġbdu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-fondi li jkunu ddepożitaw għandu qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh. Għalhekk, l-argument tar-rikorrent huwa defiċitarju fir-rigward tad-depożitarji li ma humiex ikkonċernati mill-miżuri restrittivi.

188    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-depożitarji kkonċernati huma stess mill-miżuri restrittivi, l-impossibbiltà li jiġbdu l-fondi tagħhom iddepożitati għand ir-rikorrent u li huma s-suġġett ta’ ffriżar ma hijiex ir-riżultat tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent, iżda dawk li jikkonċernaw lill-entitajiet ikkonċernati. Għalhekk, dan il-fatt ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-legalità tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent.

189    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-raba’ motiv fil-Kawża T-35/10 u l-ħames motiv fil-Kawża T-7/11 għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ewwel motiv fil-Kawża T-7/11 li huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 215 TFUE u tal-Artikolu 40 TUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

190    Ir-rikorrent isostni, fil-Kawża T-7/11, li, billi adotta r-Regolament Nru 961/2010, il-Kunsill kiser l-Artikolu 215 TFUE u l-Artikolu 40 TFUE, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

191    Il‑Kunsill jikkontesta l‑fondatezza tal‑argumenti tar‑rikorrent.

192    L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li, filwaqt li l-Artikolu 215(2) TFUE jistabbilixxi li l-Kunsill “jista’” jadotta miżuri restrittivi, u allura dan jimplika li huwa għandu setgħa diskrezzjonali fuq dan il-punt, id-Deċiżjoni 2010/413, adottata fil-kuntest tal-PESK, kienet imponiet fuq il-Kunsill l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, bi ksur tal-Artikolu 215 TFUE u, għalhekk, tal-Artikolu 40 TUE.

193    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-adozzjoni preliminari ta’ deċiżjoni skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE tikkostitwixxi kundizzjoni meħtieġa sabiex il-Kunsill ikun jista’ jadotta miżuri restrittivi abbażi tas-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 215 TFUE, is-sempliċi eżistenza ta’ tali deċiżjoni ma tistax toħloq obbligu għall-Kunsill biex jadotta tali miżuri.

194    Fil-fatt, il-Kunsill jibqa’ liberu li jevalwa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu mit-Trattat FUE, il-modalitajiet tal-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, u dan jinkludi l-adozzjoni eventwali ta’ miżuri restrittivi bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE.

195    Konsegwentement, ir-rikorrent jiżbalja meta jallega li d-Deċiżjoni 2010/413 timponi fuq il-Kunsill l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi. Għalhekk, ma hemmx lok li jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 215 TFUE jew tal-Artikolu 40 TUE.

196    It-tieni nett, skont ir-rikorrent, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2010/413 ma tiddefinixxix il-pożizzjoni tal-Unjoni fuq il-kwistjoni partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika, iżda timponi obbligi preċiżi fuq l-Istati Membri u fuq il-persuni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Għalhekk, l-imsemmija deċiżjoni hija mingħajr bażi legali, u għalhekk il-Kunsill kiser l-Artikolu 215(2) TFUE billi bbaża ruħu fuqu meta adotta r-Regolament Nru 961/2010.

197    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li xejn fl-Artikolu 29 TUE ma jeskludi li d-definizzjoni ta’ pożizzjoni ġeografika jew tematika tirrigwarda wkoll miżuri konkreti li għandhom jiġu implementati mill-Istati Membri kollha fl-okkażjoni ta’ avveniment jew ta’ fenomenu.

198    Dan huwa speċjalment il-każ li l-Artikolu 29 TUE jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jħarsu li l-linji politiċi nazzjonali tagħhom ikunu f’konformità mal-pożizzjonijiet hekk iddefiniti. Issa, id-definizzjoni eżatta, kemm tal-miżuri li għandhom jittieħdu u tal-persuni, entitajiet u korpi kkonċernati minn dawn il-miżuri, tista’ tkun meħtieġa sabiex tiġi żgurata implementazzjoni koerenti tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-Istati Membri kollha.

199    F’din il-kawża, l-għan li jikkonsisti f’li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari u l-finanzjament tagħha, li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, twassal, b’mod partikolari, għall-iffriżar tal-fondi ta’ ċerti persuni, entitajiet u korpi. Issa, l-effikaċja ta’ tali miżuri tiddependi, b’mod wiesgħa, fuq l-implementazzjoni uniformi tagħhom u fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha, li teżiġi definizzjoni preċiża kemm tal-kontenut tagħhom kif ukoll tal-persuni, entitajiet u korpi kkonċernati.

200    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li d-Deċiżjoni 2010/413 hija konformi mal-Artikolu 29 TUE. Għaldaqstant, il-Kunsill ma kisirx l-Artikolu 215 TFUE meta rrefera għar-Regolament Nru 961/2010 matul l-adozzjoni tiegħu.

201    It-tielet nett, ir-rikorrent iqis li r-Regolament Nru 961/2010 u r-Regolament Nru 267/2012 ma jinkludux dispożizzjonijiet meħtieġa fil-qasam tal-garanziji legali, kuntrarjament għal dak impost mill-Artikolu 215(3) TFUE. L-assenza ta’ tali dispożizzjonijiet, kemm fir-Regolament Nru 961/2010 u fir-Regolament Nru 267/2012 kif ukoll fid-Deċiżjoni 2010/413, timplika, barra minn hekk, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-entitajiet ikkonċernati mill-atti li jistabbilixxu miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikolu 75 TFUE. F’dan il-kuntest, skont ir-rikorrent, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 961/2010 u tal-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 267/2012 ma jikkostitwixxux garanziji legali suffiċjenti, fid-dawl ukoll tal-fatt li dawn ma humiex effettivament implementati mill-Kunsill.

202    F’dan ir-rigward, l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ garanziji legali fl-atti inkwistjoni huwa nieqes minn fatti. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 93 iktar ’il fuq, l-Artikolu 24(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 36(3) u (4) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 46(3) u (4) tar-Regolament Nru 267/2012 jipprovdu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu d-drittijiet tad-difiża tal-entitajiet milquta mill-miżuri restrittivi adottati bis-saħħa ta’ dawn it-testi, peress li r-rispett ta’ dawn id-drittijiet huma, barra minn hekk, is-suġġett tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni.

203    F’dan il-kuntest, il-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni 2010/413, ir-Regolament Nru 961/2010 u r-Regolament Nru 267/2012 jistabbilixxux l-garanziji legali meħtieġa mill-Artikolu 215(3) TFUE hija distinta mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-istess garanziji humiex effettivament implementati mill-Kunsill meta jiġu adottati miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni, entitajiet jew korpi ddeterminati. Konsegwentement, l-argument ibbażat fuq ksur tal-implementazzjoni effettiva tal-imsemmija miżuri huwa ineffettiv fil-kuntest tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 215(3) TFUE u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta minnu. Barra minn hekk, l-osservanza tal-garanziji legali previsti mid-Deċiżjoni 2010/413, ir-Regolament Nru 961/2010 u r-Regolament Nru 267/2012 fil-kuntest tal-adozzjoni u taż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lir-rikorrent ġiet eżaminata fil-punti 76 sa 117 iktar ’il fuq, u l-eżami tal-argumenti tar-rikorrent ma rrilevax illegalitajiet li jiġġustifikaw l-annullament tal-atti kkontestati.

204    Minn dak li għadu kemm ġie espost jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud, peress li huwa bbażat fuq il-premessa fattwali żbaljata tal-assenza ta’ garanziji legali fid-Deċiżjoni 2010/413, fir-Regolament Nru 961/2010 u fir-Regolament Nru 267/2012.

205    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill la kiser l-Artikolu 215(3) TFUE u lanqas il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

206    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv fil-Kawża T-7/11 għandu jiġi miċħud bħala parzjalment ineffettiv u parzjalment infondat.

 Fuq is-sitt motiv fil-Kawża T-7/11 li huwa bbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 267/2012

207    Ir-rikorrent isostni, fil-Kawża T-7/11, li l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 267/2012, li jistabbilixxi l-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi speċjalizzati tal-messaġġi finanzjarji lil persuni u entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi, hija illegali.

208    Dan premess, għandu jiġi osservat li, fl-adozzjoni tal-kapijiet tat-talbiet li jirrigwardaw ir-Regolament Nru 267/2012, iddepożitat fit-30 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrent la talab l-annullament tal-Artikolu 23(4) tal-imsemmi regolament u lanqas qajjem formalment eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tiegħu fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE. Matul is-seduta, ir-rikorrent ippreċiża li huwa semma’ d-dispożizzjoni kkonċernata biss biex juri l-fatt li r-Regolament Nru 267/2012 kien jintroduċi restrizzjonijiet ġodda fir-rigward tal-entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi.

209    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jiġi preżunt li l-motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 267/2012 kien fondat, dan il-fatt ma jistax iwassal biex it-talbiet imressqa mir-rikorrent jiġu milqugħa.

210    Għaldaqstant, is-sitt motiv fil-Kawża T-7/11 għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

211    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq l-ispejjeż

212    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal‑Kunsill.

213    Taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tal-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T-35/10 u T-7/11 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Bank Melli Iran għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

4)      Ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Settembru 2013.

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawżaII – 3

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijietII – 6

Id-drittII – 9

Fuq l-ammissibbiltàII – 10

Fuq l-adattamenti tal-kapi tat-talbiet tar-rikorrentII – 10

Fuq il-kap tat-talbiet intiż għall-annullament ta’ kull regolament futur jew ta’ kull deċiżjoni futura li jikkompleta jew li jemenda wieħed mill-atti kkontestati li ser jidħol fis-seħħ fid-data li fiha tingħalaq il-proċedura oraliII – 11

Fuq il-mertuII – 12

Fuq il-possibbiltà għar-rikorrent li jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentaliII – 12

Fuq l-ewwel motiv fil-Kawża T-35/10 u t-tielet motiv fil-Kawża T-7/11 li huma bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tal-obbligu tal-Kunsill li jeżamina mill-ġdid il-miżuri restrittivi adottati fid-dawl tal-osservazzjonijiet ifformulatiII – 14

– Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoniII – 16

– Fuq ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiżaII – 17

– Fuq id-difetti li allegatament jaffettwaw l-eżami mill-ġdid imwettaq mill-KunsillII – 20

– Fuq l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tar-Regolament Nru 267/2012 lir-rikorrentII – 20

– Fuq l-allegati ksur l-oħraII – 21

Fuq it-tieni motiv fil-Kawża T-35/10 u r-raba’ motiv fil-Kawża T-7/11, li huma bbażati fuq żball ta’ evalwazzjoni inkwantu l-Kunsill qies li r-rikorrent kien involut fil-proliferazzjoni nukleariII – 21

Fuq it-tielet motiv fil-Kawża T-35/10 li huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tar-Regolament Nru 1100/2009, u t-tieni motiv fil-Kawża T-7/11 li huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010II – 26

Fuq ir-raba’ motiv fil-Kawża T-35/10 u l-ħames motiv fil-Kawża T-7/11 li huma bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrent li jirriżulta mill-fatt li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet UnitiII – 30

Fuq l-ewwel motiv fil-Kawża T-7/11 li huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 215 TFUE u tal-Artikolu 40 TUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattamentII – 32

Fuq is-sitt motiv fil-Kawża T-7/11 li huwa bbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 267/2012II – 34

Fuq l-ispejjeżII – 35


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.