Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Jannar 2010 - Bank Melli Iran vs Il-Kunsill

(Kawża T-35/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Bank Melli Iran (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: L. Defalque, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla l-paragrafu 4 li jinsab fit-Taqsima B tal-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2009 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2009;

tordna li l-Kunsill ibati l-ispejjeż tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrent qed jitlob l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2009, tas-17 ta' Novembru 2009 1, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 2 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar id-Deċiżjoni 2008/475/KE 3 sa fejn ir-rikorrent huwa inkluż fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati skont din id-dispożizzjoni.

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tal-paragrafu 4 li jinsab fit-Taqsima B tal-Anness, sa fejn dan jirrigwarda r-rikorrent u jinvoka s-segwenti motivi insostenn tat-talbiet tiegħu.

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jargumenta li r-regolament u d-deċiżjoni kkontestati ġew adottati bi ksur tad-drittijiet ta' difiża tiegħu u, b'mod partikolari, id-dritt tiegħu li jkollu smigħ xieraq billi ma rċieva ebda provi jew dokumenti insostenn tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill. Huwa jsostni wkoll li l-allegazzjonijiet addizzjonali għad-deċiżjoni tal-2008 huma vagi, nieqsa mill-kjarezza u ma jippermettux li r-rikorrent jirrispondi għalihom peress li huwa ġie mċaħħad mid-dritt li jinstema'.

Ir-rikorrent isostni wkoll li l-konvenut kiser l-obbligu tiegħu li jipprovdi motivazzjoni suffiċjenti.

Fit-tieni lok, ir-rikorrent jallega li l-Kunsill naqas milli jipprovdi raġunijiet individwali u speċifiċi għall-atti kkontestati, u dan bi ksur tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007.

Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-konvenut wettaq żball ta' interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2)(a)(b) u (c) tar-Regolament Nru 423/2007 peress li, skont ir-rikorrent, il-Kunsill naqas milli jispjega kif l-attivitajiet bankarji ordinarji tar-rikorrent jikkostitwixxu prova tal-involviment jew l-assoċjazzjoni diretta tiegħu mal-attivitajiet nukleari strateġiċi tal-Iran marbuta mal-proliferazzjoni.

Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkontesta l-legalità tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Ottubru 2009 4, appellata mir-rikorrent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja 5 li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE 6 tat-23 ta' Ġunju 2008. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta kkonkludiet li r-Regolament Nru 423/2007 u d-Deċiżjoni 2008/475/KE ġew adottati skont il-liġi b'maġġoranza kkwalifikata u mhux b'unanimità tal-membri. Fil-fehma tar-rikorrent, peress li r-Regolament Nru 423/2007 jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tar-regolament u tad-deċiżjoni kkontestati f'dan ir-rikors, ir-raġunament imsemmi iktar 'il fuq huwa applikabbli għal dan ir-rikors. Għalhekk, ir-rikorrent jissottometti li, bid-dispożizzjonijiet legali marbuta mal-infurzar tiegħu u bl-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK 7, il-Kunsill kiser rekwiżiti proċedurali sostanzjali imposti mit-Trattat.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn din ikkunsidrat li s-setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill, ibbażata fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007, hija awtonoma u b'hekk ċaħdet ir-rilevanza ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bi ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u tad-dritt ta' proprjetà. Ir-rikorrent jissottometti li l-istess raġunament japplika għar-regolament u d-deċiżjoni kkontestati f'dan il-każ peress li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u għalhekk kiser il-prinċipju ta' proporzjonalità u d-dritt ta' proprjetà.

____________

1 - ĠU L 303, p. 31.

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta' April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335, p. 969).

3 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/475/KE, tat-23 ta' Ġunju 2008, li timplimenta tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 163, p. 29).

4 - Fil-Kawża T-390/08, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.

5 - C-548/09 P, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill.

6 - ĠU L 163, p. 29.

7 - Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK, tas-27 ta' Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 4M, p. 155).