Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta' Ġunju 2011 minn Ioannis Vakalis mis-sentenza mogħtija fit-13 ta' April 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-38/10, Vakalis vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-317/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Ioannis Vakalis (Luvinate, l-Italja) (rappreżentant: S. A. Pappas, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa' t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, bl-eċċezzjoni ta' dawk deċiżi ġustament inammissibbli mill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa intiż għall-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla), tat-13 ta' April 2011, mogħtija fil-Kawża F-38/10, Vakalis vs Il-Kummissjoni.

Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka erba' aggravji.

1.    L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' loġika tar-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li ma wasalx għall-konklużjonijiet derivanti mill-konstatazzjonijiet tiegħu, sa fejn dan ikkonstata li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju hija f'idejn il-Kummissjoni. Issa, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni din il-kwistjoni. Is-sentenza appellata hija għaldaqstant ivvizzjata minn motivazzjoni illoġika.

2.    It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku interpreta ħażin id-domanda magħmula lilu. Huwa ċar mis-sentenza appellata li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fehem li r-rikorrent lien qiegħed jistaqsih jekk id-differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali suġġetti għad-dispożizzjonijiet ġenerali ta' implementazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar 'il quddiem id-"DĠI") tal-1969 u dawk suġġetti għal dawk tal-2004 kinitx illegali, filwaqt li d-domanda li saret lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kienet jekk "id-DĠI l-ġodda humiex diskriminatorji fis-sens li jitrattaw bl-istess mod sitwazzjonijiet fattwali differenti". F'dan is-sens, l-appellant isostni li huwa b'mod żbaljat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

3.    It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq sostituzzjoni tal-motivi. L-appellant isostni, minn naħa, li l-motivazzjoni tal-baġit tad-DĠI dehret biss waqt is-seduta u, min-naħa l-oħra, li din il-motivazzjoni hija differenti minn dik mogħtija mir-rikorrent fiċ-ċaħda tat-talba tiegħu (motivazzjoni li barra minn hekk ġiet rrikonoxxa bħala inadegwata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku). Skont il-ġurisprudenza, ma huwiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jikkumpensa għal xi nuqqas ta' motivazzjoni jew li jikkompleta l-imsemmija motivazzjoni tal-Kummissjoni billi magħha jżid jew jissostitwixxi elementi li ma jirriżultawx mid-deċiżjoni kkontestata stess.

4.    Ir-raba' aggravju huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad il-motiv dwar il-prinċipju ta' trattament ugwali peress li r-rikorrent ma weriex li kien hemm trattament differenti mhux iġġustifikat. Issa, ir-rikorrent wera li t-trattament differenti inkwistjoni ma kienx iġġustifikat mill-introduzzjoni tal-Euro, li kienet il-motivazzjoni oriġinali għaċ-ċaħda tat-talba.

____________