Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Marżu 2024 – Il-Parlament vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-225/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: F. Drexler, R. Crowe, U. Rösslein, aġenti)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 9014 1 tat-13 ta’ Diċembru 2023;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew invoka tliet motivi.

1. L-ewwel motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikoli 9(1) u 15 u tal-Anness III tar-Regolament 2021/1060 u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

Il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 9(1) u 15 u l-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi 1 u wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta, fit-13 ta’ Diċembru 2023, ħarġet evalwazzjoni pożitiva tar-riformi ġudizzjarji mwettqa mill-Ungerija u ddeċidiet li l-kundizzjoni abilitanti orizzontali “3. Applikazzjoni u implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali” kienet issodisfatta f’dak li jirrigwarda n-nuqqasijiet fl-indipendenza ġudizzjarja f’dan l-Istat Membru, bil-konsegwenza li l-Ungerija kienet intitolata għar-rimborsi taħt il-Fondi koperti minn dan ir-regolament.

2. It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

L-evalwazzjoni annessa mad-deċiżjoni kkontestata sempliċement telenka l-emendi li li saru fil-leġiżlazzjoni u fir-regoli Ungeriżi iżda ma tipprovdi l-ebda spjegazzjonijiet sostantivi li jippermettu lill-qarrej jifhem ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni pożittiva tal-issodisfar tal-kundizzjoni abilitanti orizzontali.

2. It-tieni motiv ibbażat fuq allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Il-Kummissjoni għamlet użu ħażin mill-poter tagħha meta ddeċidiet dwar l-issodisfar tal-kundizzjoni abilitanti orizzontali tar-Regolament 2021/1060 bħala kompromess sabiex l-Ungerija tneħħi l-veto tagħha għal ċerti deċiżjonijiet urġenti li kienu jeżiġu l-unanimità fil-Kunsill.

____________

1 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 9014  tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar l-approvazzjoni u l-firma tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2021/1060, tal-issodisfar tal-kundizzjoni abilitanti orizzontali “3. Applikazzjoni u implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”, f’dak li jirrigwarda n-nuqqasijiet fl-indipendenza ġudizzjarja fl-Ungerija.

1 ĠU 2021, L 231, p. 159, rettifiki fil-ĠU 2021, L 261, p. 58, fil-ĠU 2021, L 450, p. 158, fil-ĠU 2022, L 43, p. 93 u fil-ĠU 2022, L 241, p. 16.