Language of document : ECLI:EU:C:2019:314

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil-11 ta’ April 2019 (1)

Kawża C208/18

Jana Petruchová

vs

FIBO Group Holdings Limited

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka))

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (UE) Nru 1215/2012 — Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi — Kunċett ta’ ‘konsumatur’ — Persuna fiżika li tinnegozja fis-suq internazzjonali tal-kambju tal-muniti permezz ta’ kumpannija ta’ senserija — Konsistenza mal-kunċett ta’ konsumatur taħt ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 — Klijent tax-xiri bl-imnut fis-sens tad-Direttiva 2004/39/KE”






1.        Fil-kawża odjerna, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta l-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”) (2) fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet innegozjati fis-suq internazzjonali tal-kambju tal-muniti (iktar ’il quddiem is-“suq FOREX”).

2.        B’deroga mill-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell Ia (3), l-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 17(1) tiegħu, jista’ jħarrek lill-parti kontraenti l-oħra, mhux biss fil-qrati tal-Istat Membru fejn din il-parti tkun domiċiljata, iżda wkoll fil-qrati tal-post fejn huwa ddomiċiljat il-konsumatur. L-Artikoli 17, 18 u 19 tar-Regolament Brussell Ia, li jikkostitwixxu s-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Ġurisdizzjoni dwar kuntratti tal-konsumatur”, għandhom l-għan li jiżguraw il-protezzjoni adegwata tal-konsumatur, bħala l-parti meqjusa li hija ekonomikament iktar dgħajfa u legalment b’inqas esperjenza mill-parti kontraenti l-oħra li hija professjonista (4).

3.        Id-domanda mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk persuna fiżika li tinnegozja fis-suq FOREX għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia jew jekk, minħabba l-konoxxenzi u l-għarfien espert meħtieġa sabiex tinnegozja f’dan is-suq, in-natura kumplessa u atipika tal-kuntratt inkwistjoni, u r-riskji sostnuti, din il-persuna ma tistax titqies bħala konsumatur, u b’hekk ma hijiex koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sezzjoni li tagħti protezzjoni msemmija iktar ’il fuq.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Brussell Ia

4.        L-Artikolu 17 tar-Regolament Brussell Ia jipprovdi:

“1.      Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7, jekk:

(a)      ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti li jitħallsu bin-nifs;

(b)      ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

(c)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.

[…]

3. Din it-Taqsima m’għandhiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklużiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni.”

B.      Ir-Regolament Ruma I

5.        L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”), (5) intitolat “Kuntratti ta’ konsum”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, kuntratt konkluż minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (“il-konsumatur”), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (“il-professjonist”) għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, bil-kondizzjoni li:

(a)      il-professjonist jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu fil-pajjiż fejn il-konsumatur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)      bi kwalunkwe mezz, jindirizza dawn l-attivitajiet lejn dak il-pajjiż jew lejn diversi pajjiżi inkluż dak il-pajjiż,

u li l-kuntratt jaqa’ fl-ambitu ta’ dawn l-attivitajiet.

2.      Minkejja l-paragrafu 1, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għal kuntratt li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1, skond l-Artikolu 3. Tali għażla, madankollu, ma tistax twassal sabiex iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ l-għażla, kienet tkun applikabbli abbażi tal-paragrafu 1.

[…]

4.      Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal dawn il-kuntratti:

[…]

(d)      drittijiet u obbligazzjonijiet li jikkostitwixxu strument finanzjarju u drittijiet u obbligazzjonijiet li jikkostitwixxu t-termini u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ jew l-offerta lill-pubbliku u offerti pubbliċi ta’ take-over ta’ titoli trasferibbli, u s-sottoskrizzjoni u l-fidwa ta’ unitajiet f’intrapriżi ta’ investiment kollettiv sa fejn dawn l-attivitajiet ma jikkostitwixxux forniment ta’ servizz finanzjarju;

[…]”

C.      Id-Direttiva 2004/39

6.        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE (6) jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:

[…]

(10)      ‘Klijent’ ifisser kull persuna naturali jew legali li ditta ta’ l-investiment tipprovdihom b’investiment u/jew servizzi anċillari;

(11)      ‘Klijent professjonali’ ifisser klijent li jissodisfa l-kriterji stabiliti fl-Anness II;

(12)      ‘Klijent tax-xiri bl-imnut’ ifisser klijent li mhux klijent professjonali;

[…]”

II.    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

7.        Fit-2 ta’ Ottubru 2014, Jana Petruchová, li tgħix f’Ostrava (ir-Repubblika Ċeka), u FIBO Group Holdings Ltd (iktar ’il quddiem “FIBO”), kumpannija ta’ senserija stabbilita f’Limassol (ir-Repubblika ta’ Ċipru), ikkonkludew kuntratt intitolat “Kundizzjonijiet tan-Negozju” (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”). L-għan tal-Ftehim Qafas kien li jippermetti lil J. Petruchová li tagħmel tranżazzjonijiet fis-suq FOREX billi tpoġġi l-ordnijiet għax-xiri u l-bejgħ tal-muniti bażi, li kienu ser jiġu eżegwiti minn FIBO permezz tal-pjattaforma tal-attività kummerċjali online tagħha. Għal dan il-għan, il-Ftehim Qafas kien jipprovdi għall-konklużjoni ta’ dawk li huma magħrufa bħala kuntratti individwali għad-differenza bejn J. Petruchová u FIBO.

8.        Il-kuntratt għad-differenza (iktar ’il quddiem is-“CfD”) huwa strument finanzjarju li l-għan tiegħu huwa li jippermetti lil persuna tixtri, imbagħad tbigħ munita bażi (fil-kawża odjerna, id-dollari Amerikani (USD)), u tagħmel profitt fuq id-differenza tar-rati tal-kambju applikabbli għax-xiri u l-bejgħ tal-munita bażi, rispettivament, fir-rigward tal-munita kkwotata (li fil-kawża odjerna hija l-jen Ġappuniż (JPY)). Minkejja li huwa possibbli li wieħed jinnegozja fis-suq FOREX bil-fondi proprji tiegħu, J. Petruchová ħadet vantaġġ mill-possibbiltà li tinnegozja f’dawk li huma magħrufa bħala “lottijiet”, wieħed minnhom bil-valur ta’ USD 100 000, billi użat l-hekk imsejħa “lieva finanzjarja”. Għalhekk, J. Petruchová setgħet tinnegozja b’ammont ikbar ta’ fondi milli kellha għad-dispożizzjoni tagħha (7). Waqt ix-xiri tal-munita bażi (USD) kontra l-munita kkwotata (JPY) bir-rata tax-xiri kurrenti, jiġifieri, “fil-ftuħ tan-negozju”, J. Petruchová ingħatat self minn FIBO tal-ammont meħtieġ sabiex tagħmel l-akkwist. “Fl-għeluq tan-negozju”, jiġifieri meta ssir l-operazzjoni inversa billi jinbiegħ l-ammont akkwistat tal-munita bażi (USD) fil-konfront tal-munita kontra (JPY) bir-rata tax-xiri kurrenti, J. Petruchová ħallset is-self lura lil FIBO.

9.        Il-klawżola 30 tal-Ftehim Qafas kienet tipprovdi li l-qrati Ċiprijotti għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni internazzjonali fi kwalunkwe tilwim li jista’ jkun hemm bejn il-partijiet.

10.      Fit-3 ta’ Ottubru 2014, J. Petruchová u FIBO kkonkludew kuntratt għad-differenza (iktar ’il quddiem iċ-“CfD inkwistjoni”). Bil-mod deskritt, fit-15.30.00 J. Petruchová poġġiet ordni biex tixtri 35 lott b’rata tal-kambju ta’ USD/JPY 109.0000. Hija ġiet immedjatament informata mis-sistema tan-negozju li r-rata tal-kambju aġġornata kienet USD/JPY 109.0500. Hija aċċettat dan u kkonfermat l-ordni li tixtri.

11.      Madankollu, inħoloq kju twil ta’ ordnijiet fis-sistema tan-negozju ta’ FIBO minħabba qabża fir-rata tal-USD kontra l-muniti kkwotati, wara li ġiet irrilaxxata informazzjoni dwar tendenza pożittiva fl-indikaturi ta’ impjieg fil-qasam mhux agrikolu tal-Istati Uniti tal-Amerika. Għalhekk, l-ammont meħtieġ ta’ USD 3 500 000 inxtara fit-15.30.16, mhux fit-15.30.00, jiġifieri meta r-rata tax-xiri kienet fl-ammont ta’ USD/JPY 109.4000, u għalhekk il-prezz tax-xiri kien ta’ JPY 382 900 000.

12.      Fit-15.48.11 tal-istess ġurnata, J. Petruchová għalqet in-negozju billi poġġiet ordni ma’ FIBO sabiex tbigħ l-ammont akkwistat ta’ USD 3 500 000. Ir-rata tal-bejgħ kienet USD/JPY 109.5600, u għalhekk il-prezz tal-bejgħ kien ta’ JPY 383 460 000. J. Petruchova ħallset lura s-self li kienet ingħatat minn FIBO fl-ammont ta’ JPY 382 900 000. Għalhekk, hija għamlet profitt gross minn din it-tranżazzjoni fl-ammont ta’ JPY 560 000, ivvalutat fl-ammont ta’ USD 4 081.33.

13.      Li kieku l-ordni ta’ J. Petruchová biex tixtri l-munita bażi ġiet eżegwita fil-ħin, mhux b’dewmien ta’ 16‑il sekonda, hija kienet tagħmel profitt ta’ JPY 1 785 000, ivvalutat fl-ammont ta’ USD 13 009.23, u għalhekk il-profitt tagħha kien ikun tliet darbiet iktar.

14.      Għalhekk, fit-12 ta’ Ottubru 2015, J. Petruchová ressqet kawża quddiem il-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava, ir-Repubblika Ċeka), li fiha tallega l-arrikkiment indebitu ta’ FIBO.

15.      Il-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava) issospendiet il-proċeduri minħabba li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali. Skont il-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava), J. Petruchová ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia peress li hija ma kkonkludietx iċ-CfD inkwistjoni sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet privati tagħha, kellha l-konoxxenzi u l-għarfien espert meħtieġa biex tikkonkludi ċ-CfD, u kienet avżata li ċ-CfDs ma kinux strumenti adattati għall-“klijenti tax-xiri bl-imnut” fis-sens tad-Direttiva 2004/39. Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tal-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava), l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia kellu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I, u l-istrumenti finanzjarji kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-aħħar. Għalhekk, il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni fil-Ftehim Qafas kienet valida, u b’hekk kienu l-qrati ta’ Ċipru, u mhux tar-Repubblika Ċeka, li kellhom il-ġurisdizzjoni.

16.      Id-deċiżjoni tal-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava) ġiet ikkonfermata fl-istadju ta’ appell mill-Vrchní soud v Olomouci (il-Qorti Superjuri ta’ Olomouc, ir-Repubblika Ċeka).

17.      J. Petruchová ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi kontra din is-sentenza quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka).

18.      In-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) tqis li l-qrati inferjuri Ċeki żbaljaw fl-interpretazzjoni tagħhom tal-kunċett ta’ konsumatur fis-sens tar-Regolament Brussell Ia. Skont in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema), l-ewwel nett, il-klijent tax-xiri bl-imnut fis-sens tad-Direttiva 2004/39 ma huwiex neċessarjament konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia. It-tieni nett, fil-fehma tan-Nejvyšší soud (il‑Qorti Suprema), id-dispożizzjoni tal-aħħar ma għandhiex tiġi interpretata bl-istess mod bħall-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I peress li d-dispożizzjoni tal-ewwel ma teskludix espressament l-istrumenti finanzjarji. It-tielet nett, in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) issostni li sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia, skont il-ġurisprudenza, huwa irrilevanti jekk din il-persuna għandhiex il-konoxxenza speċifika u l-għarfien espert, jekk il-kuntratt inkwistjoni huwiex kumpless jew atipiku, jekk il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt tinvolvix riskji u jekk il-persuna ġietx avżata b’dawn ir-riskji.

19.      Għalhekk, in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 [ĠU 2012, L 351, p. 1] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni anki persuna bħal dik inkwistjoni fil-proċedura prinċipali, li tinnegozja fis-suq internazzjonali tal-kambju tal-muniti FOREX billi attivament tpoġġi l-ordnijiet proprji tagħha, iżda permezz ta’ terza persuna li hija professjonista?”

20.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn J. Petruchová, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea.

21.      J. Petruchová, FIBO, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni għamlu wkoll sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tal-31 ta’ Jannar 2019.

III. Evalwazzjoni

22.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk persuna li tikkonkludi ftehim ma’ kumpannija ta’ senserija, li permezz tiegħu din tal-aħħar twettaq tranżazzjonijiet individwali fis-suq FOREX b’eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-ewwel għax-xiri u l-bejgħ, għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia.

23.      Ser nagħmel rimarka preliminari rigward il-valur legali tal-klawżola ta’ ġurisdizzjoni li tinsab fil-Ftehim Qafas. Sussegwentement, ser inqis, l-ewwel nett, l-uniku kriterju previst mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni bħala konsumatur, jiġifieri, l-għan tal-kuntratt. It-tieni nett, ser neżamina jekk humiex applikabbli kriterji oħra sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. It-tielet nett, ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat b’osservanza tal-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I, li ma japplikax għall-istrumenti finanzjarji. Ir-raba’ nett, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia, ser neżamina jekk għandux jittieħed kont tal-fatt li din il-persuna hija “klijent tax-xiri bl-imnut” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39.

A.      Rimarki preliminari

24.      Għandu jiġi enfasizzat mill-bidu nett, kif tirrimarka l-qorti tar-rinviju, li jekk J. Petruchová tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia, isegwi li l-klawżola 30 tal-Ftehim Qafas ma għandha l-ebda valur legali.

25.      Fil-fatt, din il-klawżola ċċaħħad lil J. Petruchová mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Brussell Ia li tressaq kawża quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn hija domiċiljata, jiġifieri r-Repubblika Ċeka, billi tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati ta’ Ċipru.

26.      Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell Ia, “[i]d-dispożizzjonijiet [tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament] jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim”: (1) “li jkun seħħ wara li tkun qamet it-tilwima”; (2) “li jippermetti lill-konsumatur li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din it-Taqsima”; jew (3) “li jkun seħħ mill-konsumatur u l-parti l-oħra tal-kuntratt li t-tnejn li huma […] ikunu domiċiljati jew ikunu abitwalment residenti fl-istess Stat Membru, u li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru, dment li ftehim bħal dak ma jkunx kuntrarju għal-liġi ta’ dak l-Istat Membru”.

27.      Fil-kawża odjerna, kif tinnota l-qorti tar-rinviju, il-klawżola 30 tal-Ftehim Qafas ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1), (2) u (3) tar-Regolament Brussell Ia.

28.      L-ewwel nett, din il-klawżola ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament minħabba li l-Ftehim Qafas ġie konkluż fit-2 ta’ Ottubru 2014, jiġifieri, qabel J. Petruchová ressqet il-kawża quddiem il-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava) fit-12 ta’ Ottubru 2015.

29.      It-tieni nett, il-klawżola 30 tal-Ftehim Qafas ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Brussell Ia. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li l-ftehim għandu jattribwixxi l-ġurisdizzjoni fuq il-kawża mressqa mill-konsumatur addizzjonalment għal dawk previsti fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Brussell Ia tkun inkonsistenti mal-kliem tiegħu, li “jippermetti”, iżda li ma “jirrikjedi[x]”, lill-konsumatur li jirrikorri għal qrati oħra minbarra dawk li huma msemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament (8). Fil-kawża odjerna, kif imsemmi fil-punt 25 iktar ’il fuq, il-klawżola 30 tal-Ftehim Qafas iċċaħħad lil J. Petruchová mid-dritt li tressaq kawża quddiem il-qrati ta’ Stat Membru msemmija f’din id-dispożizzjoni.

30.      It-tielet nett, din il-klawżola ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(3) tar-Regolament Brussell Ia peress li J. Petruchová u FIBO ma humiex iddomiċiljati jew stabbiliti fl-istess Stat Membru.

31.      Għalhekk, il-klawżola 30 tal-Ftehim Qafas tmur kontra l-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell Ia. Isegwi li, skont l-Artikolu 25(4) ta’ dan ir-regolament, din il-klawżola ma għandha l-ebda valur legali.

32.      Madankollu, kif imsemmi fil-punt 24 iktar ’il fuq, dan huwa l-każ biss jekk huwa applikabbli l-Artikolu 19 tar-Regolament Brussell Ia, jiġifieri, jekk J. Petruchová hija kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tfittex gwida dwar il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala konsumatur.

B.      Il-kuntratt ġie konkluż għal skop li jaqa’ barra min-negozju jew il-professjoni ta’ persuna?

33.      L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia japplika jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet: l-ewwel nett, il-parti kontraenti hija konsumatur li jaġixxi f’kuntest li jista’ jitqies li huwa barrani għan-negozju jew professjoni tiegħu; it-tieni nett, il-kuntratt bejn tali konsumatur u l-professjonist ġie effettivament konkluż; u, it-tielet nett, tali kuntratt jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 17(1)(a) sa (ċ) ta’ dan ir-regolament. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfatti kollha sabiex il-konsumatur ikun jista’ jressaq kawża fil-ġurisdizzjoni tiegħu stess (9).

34.      Kif imsemmi fil-punt 22 iktar ’il fuq, id-domanda preliminari li tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża odjerna tirrigwarda l-ewwel kundizzjoni.

35.      Nosserva li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ konsumatur. Din id-dispożizzjoni teħtieġ biss li persuna, jiġifieri l-“konsumatur”, tikkonkludi kuntratt “għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu”. L-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma tipprovdi dettalji ulterjuri f’dan ir-rigward.

36.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċetti użati fir-Regolament Brussell Ia, b’mod partikolari dawk li jidhru fl-Artikolu 17(1) tiegħu, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, prinċipalment b’referenza għas-sistema u għall-għanijiet ġenerali ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu fl-Istati Membri kollha (10).

37.      Il-kunċett ta’ konsumatur fis-sens tal-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’referenza għall-pożizzjoni ta’ din il-persuna f’kuntratt determinat, flimkien man-natura u l-għan tiegħu, u mhux għas-sitwazzjoni suġġettiva tal-persuna kkonċernata, peress li l-istess persuna waħda tista’ tiġi kklassifikata bħala konsumatur fil-kuntest ta’ ċerti tranżazzjonijiet u bħala negozjant fil-kuntest ta’ oħrajn. Konsegwentement, huma biss il-kuntratti konklużi barra u indipendentement minn kull attività jew għan ta’ natura professjonali, bl-uniku skop li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet proprji tal-individwu għal dak li jirrigwarda l-konsum privat, li jaqgħu taħt is-sistema partikolari prevista mill-imsemmi regolament dwar il-protezzjoni tal-konsumatur bħala l-parti meqjusa l-iktar dgħajfa, filwaqt li tali protezzjoni ma hijiex iġġustifikata fil-każ ta’ kuntratt li għandu bħala għan negozju jew attività professjonali (11).

38.      Fil-kawża odjerna, fis-seduta, ir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali rrimarka li, meta ġew konklużi l-Ftehim Qafas u ċ-CfD inkwistjoni, J. Petruchová kienet studenta tal-università u kienet taħdem ukoll part-time. Hija ssostni li hija ma kkonkludietx iċ-CfD għal skop li jaqa’ fil-professjoni (part-time) tagħha. L-ebda waħda mill-partijiet ma tallega li għamlet hekk. Lanqas it-talba għal deċiżjoni preliminari ma fiha indikazzjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, minkejja li din hija kwistjoni ta’ fatt, li tinsab fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, jidhirli li J. Petruchová għandha tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia.

39.      Madankollu, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, fil-fehma tal-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava), il-konoxxenza speċifika u l-għarfien espert meħtieġa biex tinnegozja fis-suq FOREX, l-ammont ta’ flus investiti, u r-riskji sostnuti jipprekludu l-klassifikazzjoni bħala konsumatur. Il-qorti tar-rinviju ma tikkondividix din il-fehma (12). Ser ngħaddi biex nindirizza din il-kwistjoni.

C.      Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oħra sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur?

40.      Il-kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija jekk persuna li twettaq tranżazzjonijiet fis-suq FOREX tistax tiġi mċaħħda mill-istatus ta’ konsumatur minħabba l-konoxxenzi u l-għarfien espert meħtieġa għal dan in-negozju, il-valur tat-tranżazzjoni, il-fatt li din il-persuna attivament tpoġġi l-ordnijiet proprji tagħha, ir-riskji sostnuti fis-suq FOREX, u n-numru u l-frekwenza tat-tranżazzjonijiet imwettqa.

41.      J. Petruchová ssostni li ma hijiex meħtieġa konoxxenza speċifika biex jiġu konklużi ċ-CfDs, u li ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont tal-fondi investiti, jew il-volum u l-frekwenza tat-tranżazzjonijiet imwettqa. FIBO tissottometti li J. Petruchová ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur peress li l-konklużjoni taċ-CfDs hija attività kummerċjali. Ir-Repubblika Ċeka targumenta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur, huwa irrilevanti jekk il-persuna għandhiex l-għarfien fil-qasam ikkonċernat jew jekk hija attivament tpoġġix l-ordnijiet. Ir-Repubblika tal-Polonja tinnota li l-konklużjoni taċ-CfDs tinvolvi riskji sinjifikattivi u li ma għandu jittieħed l-ebda kont, sabiex persuna tiġi kklassifikata bħala konsumatur, tal-għarfien tagħha dwar materji finanzjarji jew tal-fatt li hija tfittex li tagħmel profitt u biex tissodisfa bżonnijiet oħra minbarra dawk ta’ kuljum. Fil-fehma tal-Kummissjoni, huwa irrilevanti jekk il-persuna għandhiex għarfien fil-qasam ikkonċernat jew jekk attivament tpoġġix l-ordnijiet, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-numru u l-frekwenza tat-tranżazzjonijiet imwettqa.

42.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għad-domanda fil-punt 40 għandha tkun fin-negattiv. Ser nispjega iktar ’il quddiem ir-raġunijiet li wassluni għal din il-konklużjoni.

43.      L-ewwel nett, għall-finijiet ta’ ċarezza, jiena tal-opinjoni li persuna li tikkonkludi CfD ma tistax tiġi mċaħħda mill-istatus ta’ konsumatur abbażi tal-fatt biss li l-konklużjoni taċ-CfDs teħtieġ konoxxenza speċifika u għarfien espert. Dan jammonta għall-esklużjoni taċ-CfDs mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 17, 18 u 19 tar-Regolament Brussell Ia. Madankollu, ma hemm l-ebda dubju li l-istrumenti finanzjarji bħaċ-CfDs jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, skont l-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament, l-uniċi kuntratti li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 17, 18 u 19 tar-Regolament Brussell Ia huma ċerti tipi ta’ kuntratti ta’ trasport. Isegwi li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita li tistabbilixxi l-kuntrarju, l-istrumenti finanzjarji jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (13). Barra minn hekk, fil-kawża Kolassa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li akkwirent ta’ bonds anonimi jista’ jiġi kklassifikat bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Brussell I (14).

44.      It-tieni nett, sa fejn qiegħed jiġi kkontestat jekk J. Petruchová għandhiex tiġi mċaħħda mill-istatus ta’ konsumatur minħabba l-fatt li, kif sostna r-rappreżentant tagħha fis-seduta, hija informat lil FIBO li hija kellha tliet snin esperjenza fil-qasam rilevanti, nosserva li l-għarfien u l-esperjenza huma irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna hijiex konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia.

45.      Fil-fatt, sabiex persuna tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li hija tikkonkludi kuntratt għal skop li ma jaqax fin-negozju jew il-professjoni tagħha. L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia ma jipprovdix kundizzjonijiet addizzjonali. Huwa ma jirrikjedix prova li, f’każ partikolari, il-persuna ma għandha l-ebda għarfien fil-qasam ikkonċernat u li għalhekk teħtieġ il-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mill-Artikoli 17, 18 u 19 ta’ dan ir-regolament (15).

46.      Dan huwa konsistenti mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, li tistabbilixxi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur, għandu jsir riferiment għan-natura u l-għan tal-kuntratt, mhux għas-sitwazzjoni suġġettiva tal-persuna kkonċernata. Meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien tal-persuna f’qasam partikolari, huwa jkun qiegħed jirreferi għas-sitwazzjoni suġġettiva ta’ din il-persuna taħt kuntratt.

47.      Dan huwa konsistenti wkoll mas-sentenza fil-kawża Schrems, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ konsumatur huwa “indipendenti mill-għarfien u mill-informazzjoni konkreta li l-persuna kkonċernata jista’ għandha realment” (16). Għalhekk, l-għarfien espert ta’ M. Schrems fil-qasam tan-netwerks soċjali diġitali ma jneħħilux il-kwalità ta’ konsumatur fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Brussell I (illum l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia) (17).

48.      Fl-aħħar nett, dan huwa konsistenti mal-ġurisprudenza li tirrigwarda l-kunċett ta’ konsumatur fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (18). Dan il-kunċett huwa ddefinit f’termini kważi identiċi fl-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva (19) u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia. Għalhekk, fil-kawża Schrems, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għas-sentenza fil-kawża Costea, li ngħatat għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 (20). Fil-kawża Costea, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ konsumatur fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu “natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-għarfien konkret li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha, jew mill-informazzjoni li din il-persuna għandha realment”, sabiex l-avukat li għandu livell għoli ta’ kompetenzi tekniċi jista’ xorta waħda jiġi kklassifikat bħala konsumatur (21).

49.      Fil-fehma tiegħi, kwalunkwe soluzzjoni oħra tippreġudika l-għan tas-sistema stabbilita mill-Artikoli 17, 18 u 19 tar-Regolament Brussell Ia, li huwa li tiġi żgurata l-protezzjoni adegwata tal-konsumatur. Skont il-ġurisprudenza, il-konsumatur huwa protett, mhux biss bħala l-parti “b’inqas esperjenza f’materji legali mill-parti kontraenti, kummerċjali, l-oħra”, iżda wkoll bħala l-parti “li hija ekonomikament iktar dgħajfa” mill-parti l-oħra (22).

50.      It-tielet nett, ma jistax jiġi argumentat li l-klassifikazzjoni bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia għandha tiġi miċħuda abbażi li t-tranżazzjoni mwettqa taħt il-kuntratt teċċedi ċertu ammont. Li kieku din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni kienet tistabbilixxi l-limitu tal-valur tal-kuntratt.

51.      Fl-assenza ta’ limitu ta’ valur espress, il-konstatazzjoni li persuna titlef il-kwalità ta’ konsumatur minħabba l-ammont kbir ta’ fondi investiti fis-suq FOREX jew minħabba l-profitt sinjifikattiv li sar tkun inkonsistenti mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li, skont il-premessa 15 tar-Regolament Brussell Ia, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna. Skont il-ġurisprudenza, dan ir-regolament ifittex li jilħaq l-għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi jippermetti kemm li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il-qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex (23). F’każ li l-Artikolu 17, 18 u 19 tar-Regolament Brussell Ia ma japplikawx meta jiġu investiti fondi sinjifikattivi, l-investitur ma jistax, fl-assenza ta’ limitu espress, jipprevedi jekk huwiex ser jingħata l-protezzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’każ li l-Artikoli 17, 18 u 19 tar-Regolament Brussell Ia ma japplikawx meta jsir profitt kbir, is-sitwazzjoni tal-investitur tkun iktar inċerta peress li hu ma jafx, meta jpoġġi l-ordni fis-suq FOREX, jekk huwiex ser jagħmel profitt u, f’każ li jagħmel profitt, f’liema ammont (24).

52.      Barra minn hekk, inqis li persuna ma għandhiex titlef il-kwalità ta’ konsumatur jekk il-profitt magħmul fis-suq FOREX jikkostitwixxi l-parti l-kbira tad-dħul tagħha. Dan ma jidhirx li hu konsistenti mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn, li kieku miljunarju u investitur ta’ klassi medja jpoġġu ordni tal-istess ammont fis-suq FOREX, u li kieku jagħmlu l-istess profitt, tal-ewwel jiġi kklassifikat bħala konsumatur filwaqt li tal-aħħar titneħħielu din il-kwalità.

53.      Ir-raba’ nett, huwa irrilevanti li l-persuna attivament tpoġġi l-ordnijiet proprji tagħha fis-suq FOREX. Huwa minnu li, kif il-qorti tar-rinviju tirrimarka fil-kawża Kolassa (25), meta l-kuntratt li qiegħed jiġi eżaminat kien għall-akkwist ta’ bonds bearer, ir-rikorrent ma poġġiex ordnijiet bħal J. Petruchová (26). Madankollu, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia, ma huwiex meħtieġ li l-konsumatur jaġixxi b’xi mod partikolari. Ma huwiex meħtieġ li l-konsumatur jibqa’ passiv, jew li l-parti l-oħra tkun responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

54.      Il-ħames nett, ir-riskji involuti fil-konklużjoni taċ-CfDs ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jipprekludu l-klassifikazzjoni bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia.

55.      Għal darba oħra, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li l-konsumatur jaġixxi b’xi mod partikolari. Il-konsumatur ma huwiex meħtieġ li juża d-diliġenza kollha u jaġixxi b’mod prudenti.

56.      Barra minn hekk, huma inerenti r-riskji fil-konklużjoni taċ-CfDs. Għalhekk, f’każ li jkollha tiġi miċħuda l-klassifikazzjoni bħala konsumatur minħabba r-riskji li ttieħdu, iċ-CfDs ikunu b’mod sistematiku jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia, minkejja li ċerti tipi ta’ kuntratti ta’ trasport biss jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (27).

57.      Fl-aħħar nett, għandi nenfasizza li hija preċiżament il-firxa tar-riskji sostnuti li, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 17, 18 u 19 tar-Regolament Brussell Ia, jiġifieri li tiġi żgurata l-protezzjoni adegwata tal-konsumatur, teħtieġ il-klassifikazzjoni bħala konsumaturi ta’ persuni li jikkonkludu ċ-CfDs. F’dan ir-rigward, nosserva li, kif targumenta J. Petruchová, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (iktar ’il quddiem l-“ESMA”) adottat f’Mejju 2018 deċiżjoni li tirrestrinġi b’mod temporanju l-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ taċ-CFDs lil klijenti tax-xiri bl-imnut (28). L-ESMA bbażat din id-deċiżjoni fuq it-tħassib li tqajjem mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll mill-ESMA stess, dwar iż-żieda rapida, f’dawn l-aħħar snin, fid-distribuzzjoni taċ-CfDs f’suq tal-massa tal-konsumaturi, minkejja li dawn il-prodotti kienu kumplessi u mhux adegwati għall-maġġoranza l-kbira tal-klijenti tax-xiri bl-imnut. Id-Deċiżjoni tal-ESMA 2018/796 tiddikjara, b’mod partikolari, li “jeżisti tħassib sinjifikattiv dwar il-protezzjoni tal-investitur”, li bosta klijenti tax-xiri bl-imnut ma humiex konxji tar-riskji involuti, u li l-istudji mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti juru li l-maġġoranza tal-klijenti tax-xiri bl-imnut li jinvestu fiċ-CFDs jitilfu l-flus minn dan in-negozju (29).

58.      Is-sitt nett, wieħed jista’ jistaqsi jekk, f’każ li persuna twettaq tranżazzjonijiet finanzjarji b’mod regolari tul perijodu estensiv, u għall-ammonti sinjifikattivi ta’ flus, din il-persuna hijiex qiegħda tinnegozja f’dawn it-tranżazzjonijiet bħala (it-tieni) professjoni (30). Dawn it-tranżazzjonijiet għalhekk ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia peress li dawn ikunu ġew konklużi għal skop li jaqa’ (fit-tieni) professjoni tal-persuna.

59.      F’dan ir-rigward, nosserva li, kif ġie argumentat mill-Kummissjoni fis-seduta, il-ġurisprudenza nazzjonali tista’ ssostni dan l-argument. Pereżempju, fil-kawża AMT Futures Ltd. vs Marzillier, Dr Meier & Dr Guntner Rechtsanwaltesgesellschaft mbH [2015] 2 WLR 187, il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali), iddeċidiet li mhux l-investituri kollha jistgħu jiġu kklassifikati bħala konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Brussell I, u li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni “iċ-ċirkustanzi ta’ kull individwu u n-natura u x-xejra tal-investiment” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

60.      Madankollu, ma nistax naqbel ma’ dan l-argument.

61.      Huwa minnu li minkejja li l-iskop tal-kuntratt għandu, fil-prinċipju, jiġi evalwat meta jiġi konkluż il-kuntratt (31), xorta waħda jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, taħt ċerti ċirkustanzi, l-iżviluppi sussegwenti (32). Madankollu, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Schrems, dan għandu jiġi rriżervat għal xenarji eċċezzjonali (33). L-evalwazzjoni ex post tal-iskop tal-kuntratt ma tistax issir f’kull każ individwali, jew f’kull każ fejn il-ftehim qafas (bħall-Ftehim Qafas) jipprovdi għall-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet individwali (bħaċ-CfDs). Dan ikun inkonsistenti mal-prinċipju ta’ ċertezza legali (34) minħabba li l-klassifikazzjoni bħala konsumatur tkun tiddependi fuq l-ammont ta’ tranżazzjonijiet imwettqa taħt il-ftehim qafas, u, għalhekk, l-investitur ma jkunx jaf, meta jiġi konkluż il-ftehim qafas, jekk huwiex ser jiġi kklassifikat bħala konsumatur jew le. Dan ikun ukoll inkonsistenti mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq li tistabbilixxi li ma għandha tingħata l-ebda kunsiderazzjoni lis-sitwazzjoni suġġettiva tal-persuna. Fl-aħħar nett, sa fejn jirrigwarda l-mistoqsija dwar jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ammont investit u l-profitt magħmul, dan ikun inkonsistenti mal-assenza ta’ kwalunkwe limitu ta’ valur fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia (35).

62.      Għandi nosserva li l-ġurisprudenza nazzjonali ssostni din il-pożizzjoni. Fil-kawża Standard Bank London Ltd. vs Dimitrios Apostolakis [2000] I.L.Pr. 766, il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Kummerċjali), iddeċidiet li l-inġinier u l-avukat li kienu investew fit-tranżazzjonijiet f’munita barranija kellhom jiġu kklassifikati bħala konsumaturi. B’mod partikolari, kien irrilevanti li huma kienu nnegozjaw fi 28 kuntratt b’espożizzjoni globali ta’ USD 7 miljun. Kien ġie rrimarkat li l-iskala ma kinitx determinanti minħabba li kienu jqumu domandi diffiċli rigward il-limitu u l-applikabbiltà retroattiva tiegħu (36).

63.      Nikkonkludi li, sabiex jiġi ddeterminant jekk persuna li tinnegozja fis-suq FOREX għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-għarfien ta’ din il-persuna; il-valur tal-kuntratt; il-fatt li din il-persuna attivament poġġiet l-ordnijiet proprji tagħha; ir-riskji sostnuti; jew l-ammont u l-frekwenza tat-tranżazzjonijiet.

64.      Ngħaddi issa sabiex nindirizza ż-żewġ kwistjonijiet l-oħra mqajma mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri, jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat b’mod konsistenti mal-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I, u jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna hija klijent tax-xiri bl-imnut fis-sens tad-Direttiva 2004/39.

D.      Għandu jittieħed kont tal-fatt li l-istrumenti finanzjarji ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I?

65.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia għandux jiġi interpretat b’mod konsistenti mal-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I. Jekk dan huwa l-każ, persuna li tikkonkludi CfD ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tad-dispożizzjoni tal-ewwel peress li l-istrumenti finanzjarji bħaċ-CfDs huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-konsumatur stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Ruma I.

66.      Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Krajský soud v Ostravě (il-Qorti Reġjonali ta’ Ostrava) qieset li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia għandu jiġi interpretat b’mod konsistenti mal-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I. Il-qorti tar-rinviju ħadet il-pożizzjoni opposta.

67.      J. Petruchová ssostni li l-Artikoli 17, 18 u 19 tar-Regolament Brussell Ia japplikaw fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji. Hija targumenta li, jekk dan ma jkunx il-każ, l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi esklużjoni espressa, kif jagħmel l-Artikolu 6(4)(d) tar-Regolament Ruma I. Il-Kummissjoni hija tal-istess fehma.

68.      Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘konsumatur’ fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I hija kważi identika għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia. Fil-fatt, id-dispożizzjoni tal-ewwel tistabbilixxi li hija tapplika għall-kuntratti “konkluż[i] minn persuna fiżika għal skop li jista’ jitqies bħala mhux relatat mas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-konsumatur’), ma’ persuna oħra li taġixxi fl-eżerċizzju tas-sengħa jew professjoni tagħha (‘il-professjonist’)”.

69.      Dan il-kliem kważi identiku jissuġġerixxi li, sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 17 tar-Regolament Brussell Ia, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I (37). Fil-fatt, il-premessa 7 tar-Regolament Ruma I tiddikjara b’mod ċar li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament għandu jkun konsistenti mar-Regolament Brussell I (illum ir-Regolament Brussell Ia). Għalhekk, minkejja li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell Ia għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament u s-sistema li huwa jistabbilixxi, huwa meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ konsistenza fl-applikazzjoni tar-Regolament Brussell Ia u tar-Regolament Ruma I.

70.      Rigward ir-regoli applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-konsumatur stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Ruma I, nosserva li, skont il-paragrafu 4(d) ta’ din id-dispożizzjoni, dawn ma japplikawx għad-“drittijiet u obbligazzjonijiet li jikkostitwixxu strument finanzjarju” (38). Skont il-premessa 30 tar-Regolament Ruma I, l-istrumenti finanzjarji għall-finijiet ta’ dan ir-regolament huma dawk imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/39/KE. Skont l-Artikolu 4(1)(17) tad-Direttiva 2004/39, illum l-Artikolu 4(1)(15) tad-Direttiva 2014/65 (39), l-istrumenti finanzjarji huma dawk elenkati fit-Taqsima Ċ tal-Anness I tagħha. It-Taqsima Ċ(9) tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39 tagħmel riferiment għaċ-CfDs (40).

71.      Għalhekk, ir-regoli applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-konsumatur stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Ruma I ma japplikawx għaċ-CfDs (41).

72.      Madankollu, ma jsegwix li r-regoli applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-konsumatur stabbiliti fl-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Brussell Ia ma japplikawx għall-istrumenti finanzjarji bħaċ-CfDs.

73.      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kainz, l-għan tal-konsistenza bejn l-istrumenti tad-dritt internazzjonali privat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma jistax iwassal għar-riżultat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell Ia jiġu interpretati b’mod li ma huwiex relatat mal-iskema u l-għanijiet li jridu jintlaħqu minn dan ir-regolament (42).

74.      F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi fil-kliem tal-Artikolu 17 tar-Regolament Brussell Ia u l-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I. Huwa minnu li, kif imsemmi fil-punt 68 iktar ’il fuq, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ konsumatur minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija kważi identika. Madankollu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Brussell Ia, huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tip ta’ kuntratt wieħed biss (43), filwaqt li, skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Ruma I, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli protettivi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u (2) ta’ dan ir-regolament kuntratti oħra. B’mod partikolari, filwaqt li l-Artikolu 6(4)(d) tar-Regolament Ruma I jagħmel referenza espliċita għall-istrumenti finanzjarji fis-sens tat-Taqsima Ċ tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39, l-Artikolu 17 tar-Regolament Brussell Ia ma jagħmilx tali referenza (44). Għalhekk, ma għandu jkun hemm l-ebda dubju li d-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tiġi interpretata b’mod konsistenti mal-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji (45).

75.      Nikkonkludi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna li tinnegozja fis-suq FOREX għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia, huwa irrilevanti li l-istrumenti finanzjarji ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I.

E.      Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna hija klijent tax-xiri bl-imnut fis-sens tad-Direttiva 2004/39?

76.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk persuna li hija meqjusa “klijent tax-xiri bl-imnut” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39 għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia. Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna hijiex konsumatur, huwa irrilevanti li hija klijent tax-xiri bl-imnut.

77.      J. Petruchová tissottometti li, minkejja li l-kunċett ta’ klijent tax-xiri bl-imnut fis-sens tad-Direttiva 2004/39 u dak ta’ konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia huma distinti, il-klijent tax-xiri bl-imnut għandu jkun preżunt li huwa konsumatur. FIBO tirrikonoxxi li J. Petruchová hija klijent tax-xiri bl-imnut, iżda tissottometti li ma jsegwix li hija għandha tiġi kklassifikata bħala konsumatur.

78.      Għandi nispeċifika mill-bidu nett li l-klassifikazzjoni bħala klijent professjonali jew bħala klijent tax-xiri bl-imnut għandha effett fuq il-protezzjoni mogħtija. Il-klijenti tax-xiri bl-imnut jingħataw protezzjoni sħiħa fir-rigward, b’mod partikolari, tal-informazzjoni mogħtija mill-impriżi ta’ investiment, filwaqt li l-klijenti professjonali huma meqjusa li għandhom bżonn protezzjoni limitata biss (46).

79.      Skont l-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39, klijent tax-xiri bl-imnut huwa “klijent li mhux klijent professjonali”. Skont l-Artikolu 4(1)(11) ta’ din id-direttiva, klijent professjonali huwa “klijent li jissodisfa l-kriterji stabiliti fl-Anness II” tal-istess direttiva.

80.      Skont it-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39 (47), il-klijenti li ġejjin “huma kkunsidrati li huma professjonali”: l-ewwel nett, l-entitajiet legali li huma meħtieġa li jkunu awtorizzati jew irregolati sabiex joperaw fis-swieq finanzjarji, bħall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, id-ditti tal-investiment jew il-kumpanniji ta’ assigurazzjoni; it-tieni nett, l-impriżi l-kbar li jissodisfaw tnejn minn tliet ħtiġijiet, jiġifieri, karta tal-bilanċ li teċċedi l-20 miljun EUR, dħul nett li jeċċedi l-40 miljum EUR, u fondi proprji li jeċċedu ż-2 miljun EUR; it-tielet nett, il-korpi pubbliċi jew l-istituzzjonijiet bħall-gvernijiet nazzjonali jew il-Bank Dinji; u, ir-raba’ nett, investituri oħra istituzzjonali li l-attività ewlenija tagħhom hija li jinvestu fl-istrumenti finanzjarji. Madankollu, l-entitajiet li jagħmlu parti minn waħda minn dawn l-erba’ kategoriji jistgħu jitolbu trattament mhux professjonali.

81.      Skont it-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39 (48), klijenti oħra barra minn dawk imsemmija fit-Taqsima I tiegħu “jistgħu jiġu ttrattati bħala professjonisti fuq talba”. Sabiex il-klijent jiġi meqjus bħala professjonist, huwa għandu jissodisfa tal-inqas tnejn mit-tliet kriterji li ġejjin: l-ewwel, huwa jkun iwettaq 10 tranżazzjonijiet ta’ daqs sinjifikattiv f’kull kwart tas-sena fuq l-erba’ kwarti preċedenti tas-sena; it-tieni nett, il-portafoll tal-istrument finanzjarju għandu jaqbeż il-500 000 EUR; u, it-tielet nett, huwa jkun ħadem għal mill-inqas sena f’pożizzjoni professjonali fis-settur finanzjarju.

82.      Inqis li klijent tax-xiri bl-imnut fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39 ma huwiex neċessarjament konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia. Lanqas ma jista’ jiġi preżunt li klijent tax-xiri bl-imnut huwa konsumatur. Ser nispjega hawn isfel il-motivi li wassluni għal din il-konklużjoni.

83.      L-ewwel nett, il-fatt li d-Direttiva 2004/39, b’differenza għal direttiva oħra fil-qasam finanzjarju, jiġifieri d-Direttiva 2002/65/KE li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi (49), ma tużax it-terminu “konsumatur”, jissuġġerixxi li l-kunċetti ta’ klijent tax-xiri bl-imnut u dak ta’ konsumatur huma distinti.

84.      It-tieni nett, ma huwiex meħtieġ mill-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39 li l-klijent tax-xiri bl-imnut jingħata servizzi ta’ investiment jew servizzi anċillari għal skop li ma jaqax fin-negozju jew il-professjoni tiegħu. Kif tosserva l-qorti tar-rinviju, dan ifisser li huwa jista’ jingħata dawn is-servizzi għal skop li jaqa’ fin-negozju jew il-professjoni tiegħu, f’liema każ huwa ma jistax jiġi kklassifikat bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia.

85.      It-tielet nett, il-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia huwa persuna fiżika, mhux ġuridika (50). Min-naħa l-oħra, il-klijent tax-xiri bl-imnut jista’ jkun persuna ġuridika (51). Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1)(10) tad-Direttiva 2004/39, il-“klijent” huwa “kull persuna naturali jew legali li ditta ta’ l-investiment tipprovdihom b’investiment u/jew servizzi anċillari” (52). B’mod partikolari, il-klijenti tax-xiri bl-imnut jistgħu jkunu entitajiet ġuridiċi li naqsu li jissodisfaw tnejn mit-tliet kriterji għat-trattament bħala professjonisti skont it-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39. Il-klijenti tax-xiri bl-imnut jistgħu wkoll ikunu klijenti professjonali (għalhekk entitajiet ġuridiċi) (53) li talbu trattament mhux professjonali skont it-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39.

86.      Ir-raba’ nett, il-klassifikazzjoni bħala klijent tax-xiri bl-imnut fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39 u l-klassifikazzjoni bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia għandhom għanijiet differenti. Il-klassifikazzjoni bħala klijent tax-xiri bl-imnut tiżgura li tiġi mogħtija protezzjoni sħiħa, b’mod partikolari rigward l-informazzjoni li l-impriża ta’ investiment hija meħtieġa li tipprovdi lill-klijent. Il-klassifikazzjoni bħala konsumatur tinvolvi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidderogaw mill-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Brussell Ia. Huwa minnu li ż-żewġ dispożizzjonijiet ifittxu li jipproteġu l-parti iktar dgħajfa, sew jekk klijent tax-xiri bl-imnut u sew jekk konsumatur. Madankollu, għandi nosserva li d-Direttiva 2004/39 tfittex li tipproteġi l-investituri, tax-xiri bl-imnut u professjonali, kollha (54). Skont il-premessa 86 tad-Direttiva 2014/65, li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2004/39, “huwa xieraq li wieħed jagħmilha ċara li l-prinċipji li wieħed jaġixxi b’mod onest, b’mod ġust u b’mod professjonali u l-obbligu li wieħed ikun ċar u ġust u li ma jqarraqx b’ħaddieħor japplikaw għar-relazzjoni mal-klijenti kollha” (55).

87.      Għalhekk, huwa irrilevanti li, kif sostna r-rappreżentant ta’ FIBO fis-seduta mingħajr ma ġie kkontestat, J. Petruchová informat lil FIBO li hija kellha tliet snin esperjenza fil-qasam u li hija kienet klijent tax-xiri bl-imnut.

88.      Nikkonkludi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna li tinnegozja fis-suq FOREX għandhiex tiġi kklassifikata bħala konsumatur fis-sens tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia, huwa irrilevanti jekk il-persuna għandhiex tiġi meqjusa bħala klijent tax-xiri bl-imnut fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39.

IV.    Konklużjoni

89.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari magħmula min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) hija s-segwenti:

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li persuna li tikkonkludi kuntratt għad-differenza għandha tiġi kklassifikata bħala konsumatur jekk dan il-kuntratt huwa konkluż għal skop li ma jaqax fin-negozju jew il-professjoni ta’ din il-persuna. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li l-persuna attivament tpoġġi l-ordnijiet proprji tagħha fis-suq internazzjonali tal-kambju tal-muniti; li l-kuntratti għad-differenza ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I); jew li l-persuna hija klijent tax-xiri bl-imnut fis-sens tal-Artikolu 4(1)(12) tad-Direttiva 2004/39/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


3      Sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 34; tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof, C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740, punt 53; tas-6 ta’ Settembru 2012, Mühlleitner, C‑190/11, EU:C:2012:542, punt 26; u tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 26.


4      Sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton, C‑89/91, EU:C:1993:15, punt 18; tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punt 34; u tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 33.


5      Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).


6      Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).


7      J. Petruchová kienet meħtieġa biss li tipprovdi l-hekk imsejjaħ “marġni” sabiex tiggarantixxi l-kapaċità li tkopri kwalunkwe telf.


8      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punti 62 sa 64), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Mahamdia, (C‑154/11, EU:C:2012:309, punti 57 sa 59). Ara wkoll Magnus, U., u Mankowski, P. (edituri), Brussels I bis Regulation – Commentary, Otto Schmidt KG Verlag, 2016 (pp. 522‑523).


9      Sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 30; tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 23; u tat-23 ta’ Diċembru 2015, Hobohm, C‑297/14, EU:C:2015:844, punt 24. Huwa minnu li dawn is-sentenzi ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tar-Regolament Brussell Ia, iżda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Madankollu, sa fejn ir-Regolament Brussell Ia issa ssostitwixxa r-Regolament Brussell I, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-aħħar tgħodd ukoll għar-Regolament Brussell Ia, kull meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ strumenti jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Kuhn, C‑308/17, EU:C:2018:956, punt 31). Fil-kawża odjerna, il-kliem tal-Artikolu 15 tar-Regolament Brussell I huwa identiku għal dak tad-dispożizzjoni korrispondenti tiegħu fir-Regolament Brussell Ia, jiġifieri l-Artikolu 17. Għalhekk, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-ewwel tgħodd għad-dispożizzjoni tal-aħħar.


10      Sentenza tal-14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punt 86.


11      Sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C‑269/95, EU:C:1997:337 punt 16 u 17; tal-20 ta’ Jannar 2005, Gruber, C‑464/01, EU:C:2005:32, punti 36 u 37; tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 34; tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punti 29 u 30; u tal-14 ta’ Frar 2019, Milivojević, C‑630/17, EU:C:2019:123, punti 87 u 88.


12      Ara l-punti 15 u 18 iktar ’il fuq.


13      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 65 u 75 iktar ’il quddiem.


14      Sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Kolassa, C‑375/13, EU:C:2015:37, punt 24. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Kolassa (C‑375/13, EU:C:2014:2135, punt 28).


15      Ara, f’dan ir-rigward, Geimer, R., “Forum actoris für Kapitalanlegerklagen”, fl-edizzjoni ta’ Festschrift für Dieter Martiny zum 70. Geburtstag, Mohr Siebeck, 2014, p. 711 (p. 716).


16      Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 39.


17      Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 39. M. Schrems kien kiseb esperjenza sinjifikattiva fil-qasam tan-netwerks soċjali diġitali billi ressaq kawża quddiem il-qrati nazzjonali kontra Facebook għall-ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, billi ppubblika kotba u ta lectures dwar din il-kwistjoni, u billi waqqaf assoċjazzjoni intiża li tiġi rrispettata l-protezzjoni tad-data.


18      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.


19      Skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, il-“konsumatur” huwa “kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”.


20      Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punt 39.


21      Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Costea, C‑110/14, EU:C:2015:538, punti 21 u 27.


22      Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton, C‑89/91, EU:C:1993:15, punt 18.


23      Sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 16.


24      Kif jirrimarkaw Magnus u Mankowski (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq), “ma hemm l-ebda limitu involut. Il-każijiet tal-konsumatur ma humiex limitati għal ammonti żgħar. […] Il-leġiżlatur Ewropew kellu l-opportunità kbira li jimponi restrizzjonijiet fuq dawk li llum saru l-Artikoli 17 sa 19, u fil-fatt dawn ir-restrizzjonijiet ġew mitluba. Madankollu huma qatt ma ġew leġiżlattivament implimentati, u dan huwa sinjifikattiv. Il-volum inkwistjoni huwa mument kwantitattiv […] li jista’ faċilment jiġi mkejjel. Il-leġiżlatur seta’ faċilment ukoll jimplimenta limiti massimi […]. Il-fatt li l-leġiżlatur ma għamilx dan iqajjem argumentum a contrario b’saħħtu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (p. 466 u 467). L-istess, Geimer (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq) iqis li “skont il-ġurisprudenza eżistenti, il-premessa 11 [tar-Regolament Brussell I, illum il-premessa 17 tar-Regolament Brussell Ia] teħtieġ ċertezza legali fil-materja tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni […]. Dan ir-rekwiżit ċar tal-leġiżlatur tal-Unjoni jipprojbixxi lill-Qorti tal-Ġustizzija milli tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-[Regolament Brussell I] billi jibbaża ruħu fuq il-“bilanċ ta’ setgħat” bejn il-partijiet fil-każ inkwistjoni, jew billi jiġi stabbilit kwalunkwe limitu ta’ valur. […] Din il-problema ilha magħrufa għal żmien twil u ġiet diskussa mill-akkademiċi. Schlosser mill-bidu talab għar-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali fir-rigward tal-kuntratti tal-konsumatur. Il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu diversi opportunitajiet sabiex jindirizza din il-kwistjoni. Madankollu, hu għażel li ma jindirizzax din il-kwistjoni. Din l-ommissjoni intenzjonata ta’ emenda (restrittiva) torbot lill-ġudikatura u tipprevjeni kwalunkwe interpretazzjoni teleoloġika. Il-forum actoris riżervat għall-“investituri kbar” huwa wkoll inkonsistenti mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (p. 722 u 723). [It-test bil-Ġermaniż: ‚EuGVVO-Erwägungsgrund Nr. 11 fordert in Übereinstimmung mit der bisherigen EuGH-Rechtsprechung vordringlich Rechtssicherheit in Zuständigkeitsfragen […]. Diese klare Anweisung des europäischen Gesetzgebers verbietet dem EuGH eine Relativierung des Anwendungsbereichs des Art. 15 EuGVVO durch Abstellen auf die „Kräfteverhältnisse“ der Parteien im Einzelfall oder durch Erfinden irgendwelcher Wertgrenzen. […] Das Problemfeld ist schon lange bekannt und Gegenstand der wissenschaftlichen Diskussion. Die Eingrenzung des Anwendungsbereichs der Spezialzuständigkeitsordnung für Verbrauchersachen wurden von Schlosser schon sehr früh gefordert. Der europäische Gesetzgeber […] hätt[e] schon mehrmals Gelegenheit gehabt, hierauf einzugehen. [Er hat] es aber nicht getan. Dieses bewusste Unterlassen einer (einschränkenden) Korrektur bindet die Judikative und schließt eine teleologische Reduktion aus. Ein forum actoris nur für „Großanleger“ wäre im Übrigen auch mit dem Gleichheitssatz nicht vereinbar.‘]


25      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq.


26      Madankollu, għandi nenfasizza li J. Petruchová ma tistax, bħala klijent mhux professjonali, twettaq tranżazzjonijiet fis-suq FOREX hi stess. L-ordnijiet tagħha għandhom jitwettqu minn kumpannija ta’ senserija, fil-kawża odjerna, FIBO.


27      Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.


28      Deċiżjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (UE) 2018/796 tat-22 ta’ Mejju 2018 li tirrestrinġi b’mod temporanju kuntratti għal differenzi fl-Unjoni skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 136, p. 50). Din id-deċiżjoni ġiet imġedda u emendata f’Ottubru 2018 (Deċiżjoni tal-ESMA (UE) 2018/1636 tat-23 ta’ Ottubru 2018 li ġġedded u temenda r-restrizzjoni temporanja fid-Deċiżjoni (UE) 2018/796 dwar il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ kuntratti għal differenzi lil klijenti mhux professjonali (ĠU 2018, L 272, p. 62)) u f’Jannar 2019 (Deċiżjoni tal-ESMA (UE) 2019/155 tat-23 ta’ Jannar 2019 li ġġedded ir-restrizzjoni temporanja tal-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ kuntratti għal differenzi lil klijenti mhux professjonali (ĠU 2019, L 27, p. 36)). Fil-mument tar-redazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-Deċiżjoni tal-ESMA 2019/155 għadha fis-seħħ.


29      Ara l-premessi 11, 12, 20, 27 u 35 tad-Deċiżjoni tal-ESMA 2018/796. Pereżempju, studju mwettaq mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit fuq kampjun ta’ kontijiet ta’ klijenti tax-xiri bl-imnut jissuġġerixxi li 82 % ta’ dawk il-klijenti tilfu l-flus fuq iċ-CfDs, u li r-riżultat medju kien telf ta’ GBP 2 200 għal kull klijent tax-xiri bl-imnut fuq sena sħiħa (ara l-premessa 35(ix) tad-Deċiżjoni tal-ESMA 2018/796).


30      Ara Briggs, A., Private International Law in English Courts, Oxford University Press, 2014 (punt 4.156).


31      Dan isegwi mis-sentenza fil-kawża Benincasa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikorrent, li kien ikkonkluda kuntratt ta’ frankiġja sabiex jistabbilixxi u jopera ħanut, ma setax jiġi kklassifikat bħala konsumatur minkejja li hu qatt ma kien fetaħ il-ħanut (sentenza tat-3 ta’ Lulju 1997, Benincasa, C‑269/95, EU:C:1997:337, punt 17).


32      Fil-kawża Schrems, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien inizjalment uża s-servizzi pprovduti minn Facebook għal skopijiet personali biss (skambju ta’ ritratti u konverżazzjoni), kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi sussegwenti tal-użu li jsir minn dawn is-servizzi (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 iktar ’il fuq) (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2018, Schrems, C‑498/16, EU:C:2018:37, punti 37 u 38). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-iżviluppi sussegwenti u kkonkludiet li M. Schrems ma kienx tilef il-kwalità ta’ konsumatur.


33      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Schrems, C‑498/16, EU:C:2017:863, punt 41.


34      Ara l-punt 51 iktar ’il fuq.


35      Ara l-punt 50 iktar ’il fuq.


36      Skont il-punt 18 ta’ din is-sentenza, “l-iskala ma tistax tkun determinanti. F’dan il-każ iqumu domandi diffiċli rigward il-punt li fih wieħed għandu jibda jaqta’ linja. Wieħed ma tantx ikun jista’ japplika dak li jiena nsejjaħ il-ftehim qafas meta kien ġie konkluż. Dan ikun jista’ jiġi applikat biss b’mod retroattiv. Jidhirli li r-rekwiżit li wieħed iħares lejn l-iskop tal-kuntratt imur kontra li wieħed iħares lejn il-konsegwenza ġenerali jew lejn l-iskala tal-valur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


37      Sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof, C‑585/08 u C‑144/09, EU:C:2010:740, punt 43; tal-15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch, C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 33; tal-5 ta’ Diċembru 2013, Vapenik, C‑508/12, EU:C:2013:790, punt 25; tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 43; tat-28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation, C‑191/15, EU:C:2016:612, punt 36; u tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kareda, C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 32.


38      Skont il-premessa 28 tar-Regolament Ruma I, “[h]uwa importanti li jiġi żgurat li d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li jikkostitwixxu strument finanzjarju ma jkunux koperti mir-regola ġenerali applikabbli għall-kuntratti konsumistiċi, minħabba li dan jista’ jwassal għall-applikabbiltà ta’ liġijiet differenti għal kull wieħed mill-istrumenti li jinħarġu, u b’hekk tkun qed tinbidel in-natura tagħhom u ma jkunux jistgħu jsiru l-kummerċ u l-offerta funġibbli tagħhom”.


39      Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 149). Id-Direttiva 2004/39 ġiet imħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2014/65. L-Artikolu 4(1)(9), l-Artikolu 4(1)(10), l-Artikolu 4(1)(11) u l-Artikolu 4(1)(15) tad-Direttiva 2014/65 huma identiċi għal, rispettivament, l-Artikolu 4(1)(10), l-Artikolu 4(1)(11), l-Artikolu 4(1)(12) u l-Artikolu 4(1)(17) tad-Direttiva 2004/39.


40      Kif tagħmel ukoll it-Taqsima Ċ(9) tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65.


41      Għandi nispeċifika li l-Artikolu 6(4)(d) tar-Regolament Ruma I jeskludi biss mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur id-“drittijiet u obbligazzjonijiet li jikkostitwixxu strument finanzjarju”, jiġifieri l-istrument finanzjarju nnifsu biss. Huwa ma jeskludix il-kuntratt għall-akkwist ta’ dan l-istrument finanzjarju. Għalhekk, iċ-CfDs biss huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Ruma I. Kuntratti għall-akkwist taċ-CfDs ma humiex esklużi (ara, f’dan ir-rigward, Garcimartin Alférez, F. J., “The Rome I Regulation: Exceptions to the Rule on Consumer Contracts and Financial Instruments”, Journal of Private International Law, Vol. 5 (2009), Issue 1, p. 85 (p. 90)). Madankollu, dan huwa irrilevanti peress li fil-kawża odjerna t-tilwima tirrigwarda l-implimentazzjoni tardiva taċ-CfD inkwistjoni, mhux il-Ftehim Qafas.


42      Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Kainz, C‑45/13, EU:C:2014:7, punt 20. Filwaqt li dan il-punt jagħmel riferiment għall-interpretazzjoni konsistenti tar-Regolament Brussell I u r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40), l-istess jgħodd f’dak li jirrigwarda r-Regolament Brussell Ia u r-Regolament Ruma I. Nosserva, f’dan ir-rigward, li l-premessa 7 tar-Regolament Nru 864/2007 teħtieġ interpretazzjoni konsistenti ta’ dan ir-regolament mar-Regolament Brussell I, bl-istess mod kif il-premessa 7 tar-Regolament Ruma I teħtieġ interpretazzjoni konsistenti mar-Regolament Brussell I. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Pillar Securitisation (C‑694/17, EU:C:2019:44, punti 49 u 50).


43      Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.


44      Kif josservaw Magnus u Mankowski (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq) fir-rigward tal-akkwist tal-bonds mill-investituri, il-“premessa 28 u l-Artikolu 6(4)(d) tar-Regolament Ruma I jistgħu jindikaw l-eżenzjoni tal-bonds mis-sistema tal-protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu […] ikun pass kuraġġuż li din ir-regola tiġi ttrasferita fl-isfera tar-Regolament Brussell Ia. Jeżisti motiv fir-Regolament Brussell Ia għan-nuqqas ta’ regola parallela” (p. 463) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


45      F’dan ir-rigward, għandi nirrimarka li, kif josserva Garcimartin Alférez (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 iktar ’il fuq), meta kuntratt ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I, “il-kwistjoni hija jekk dan il-fatt ikunx jeħtieġ rikunsiderazzjoni tar-regoli fir-Regolament Brussell I. L-Artikolu 15 ta’ dan l-istrument ma fihx esklużjoni materjali għall-kuntratti dwar l-istrumenti finanzjarji. Għalhekk, il-paralleliżmu bejn iż-żewġ strumenti ġie eliminat, u d-deċiżjoni politika sottostanti din l-idea, jiġifieri, li l-konsumatur li jista’ jressaq kawża kontra l-professjonist fil-ġurisdizzjoni tiegħu jista’ wkoll jinvoka l-liġi tiegħu (u ma għandux ikollu l-oneru li jipprova d-dritt barrani) ma għadhiex applikabbli. Bl-istess mod, il-klawżola ta’ għażla tal-liġi inkluża fl-istrument finanzjarju tkun valida u effettiva skont ir-Regolament Ruma I, filwaqt li l-klawżola ta’ għażla tal-ġurisdizzjoni hija biss effettiva taħt il-kundizzjonijiet stretti stabbiliti mill-Artikolu 17 tar-Regolament Brussell I” (p. 89) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara wkoll Wautelet, P., “Rome I et le consommateur de produits financiers”, European Journal of Consumer Law, 2009, Issue 4, p. 776 (p. 796).


46      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 19(10)(c) tad-Direttiva 2004/39, u l-Artikolu 24(4)(b) u l-Artikolu 25(8)(c) tad-Direttiva 2014/65. Ara wkoll Bonneau, T., Pailler, P., Rouaud, A.‑C., Tehrani, A., u Vabres, R., Droit financier, LGDJ, 2017, punt 312 ss.


47      U skont it-Taqsima I tal-Anness II għad-Direttiva 2014/65.


48      U skont it-Taqsima II tad-Direttiva 2014/65.


49      Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321).


50      Minkejja li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Brussell Ia ma jipprovdix b’mod espliċitu li l-konsumatur huwa persuna fiżika, dan isegwi mir-rekwiżit li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għall-konsumatur finali privat li ma huwiex involut fin-negozju jew attivitajiet professjonali (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, EU:C:2013:165, punt 32). Ara, f’dan ir-rigward, Magnus and Mankowski (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq), p. 470‑471.


51      Ara Haentjens, M., u de Gioia-Carabellese, P., European Banking and Financial Law, Routledge, 2015 (p. 67).


52      Enfasi miżjuda.


53      Ara, f’dan ir-rigward, Gollier, J.‑M., u Standaert, C., “La catégorisation des investisseurs sous MiFID II”, fl-edizzjoni ta’ De Meuleneere, I., Colaert, V., Kupers, W., u Pijcke, A.S. (edituri), MIFID II & MIFIR: Capital Selecta – Scope, Investor Protection, Market Regulation and Enforcement, Intersentia and Anthemis, 2018, p. 59 (p. 75).


54      Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2014/65, il-premessa 31 tad-Direttiva 2004/39, u s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2014, Altmann et (C‑140/13, EU:C:2014:2362, punt 26), u tal-14 ta’ Ġunju 2017, Khorassani (C‑678/15, EU:C:2017:451, punt 41). Ara wkoll Gollier u Standaert (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 iktar ’il fuq), p. 93.


55      Enfasi miżjuda.