Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ April 2023 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija

(Kawża C-237/23)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: U. Małecka, L. Malferrari, N. Nikolova)

Konvenut: Ir-Repubblika tal-Bulgarija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li billi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku 1 , jew fi kwalunkwe każ billi naqset milli tikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għall-ogħla wieħed minn dawn l-ammonti: (i) somma ta’ kuljum ta’ EUR 1 800, immultiplikata bin-numru ta’ ġranet bejn il-ġurnata ta’ wara dik li fiha skada t-terminu għat-traspożizzjoni previst fid-Direttiva u l-ġurnata li fiha jintemm il-ksur, jew, fil-każ li l-ksur ma jintemmx, il-ġurnata li fiha tingħata deċiżjoni f’din il-kawża; jew (ii) somma f’daqqa ta’ minn tal-inqas EUR 504 000;

fil-każ li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt il-punt 1 jippersisti sal-ġurnata li fiha tingħata d-deċiżjoni f’din il-kawża, tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija tħallas lill-Kummissjoni pagamenti perjodiċi ta’ penali fl-ammont ta’ EUR 9 720 kuljum għal kull ġurnata bejn dik li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni f’din il-kawża u dik li fiha r-Repubblika tal-Bulgarija tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha taħt id-Direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku tistabbilixxi sett ta’ regoli minimi li jirregolaw l-użu mill-ġdid u l-arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti eżistenti fis-settur pubbliku u ta’ data tar-riċerka bil-għan li tippromwovi l-użu ta’ data miftuħa u bil-għan li tinkoraġġixxi l-innovazzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi. Skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom jadottaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux iktar tard mis-17 ta’ Lulju 2021. L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri adottati.

Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija fid-29 ta’ Settembru 2021. Fis-6 ta’ April 2022, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Bulgarija. Minkejja dan, ir-Repubblika tal-Bulgarija la għadha adottat miżuri ta’ traspożizzjoni u lanqas ma kkomunikathom lill-Kummissjoni.

____________

1     ĠU 2019, L 172, p. 56.