Language of document : ECLI:EU:T:2017:813

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

16 ta’ Novembru 2017 (*)

“Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Inammissibbiltà – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 – Irregolaritajiet matul il-proċedura ta’ adozzjoni tal-atti – Nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal u l-organizzazzjonijiet sindakali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-Kawża T‑75/14,

Union syndicale fédérale des services publics européens u internationaux (USFSPEI), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn J.-N. Louis u D. de Abreu Caldas, sussegwentement minn J.-N. Louis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Troupiotis u E. Taneva, bħala aġenti,

u

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn M. Bauer u A. Bisch, sussegwentement minn M. Bauer u M. Veiga, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn G. Gattinara u J. Currall, sussegwentement minn G. Gattinara u G. Berscheid, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Artikolu 1(27), (32), (46), (61), (64)(b), (65)(b) u (67)(d) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15), u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sofriet wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013 bi ksur tal-ftehim dwar ir-riforma tal-2004, tal-Artikoli 12 u 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) huma annessi għar-Regolament Nru 31 (KEE)/11 (KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385).

2        Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ġew emendati diversi drabi sa mill-adozzjoni tagħhom, b’mod partikolari mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15).

3        B’mod partikolari l-Artikolu 1(27), (32), (46), (61), (64)(b), (65)(b) u (67)(d), tar-Regolament Nru 1023/2013 emenda l-Artikoli 45, 52 u 66a tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-Artikolu 7 tal-Anness V u l-Artikolu 8 tal-Anness VII ta’ dawn l-istess Regolamenti tal-Persunal.

4        Il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013 ingħatat bidu fis-7 ta’ Settembru 2011, bil-konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali (iktar ’il quddiem l-“OSP”) dwar abbozz ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Imbagħad seħħew konsultazzjonijiet amministrattivi, tekniċi u politiċi bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-OSP f’dan ir-rigward, rispettivament fis-6 ta’ Ottubru, fit-28 ta’ Ottubru u fis-7 ta’ Novembru 2011.

5        Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adixxiet lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal bi proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg (iktar ’il quddiem il-“proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal”).

6        Permezz ta’ posta tat-12 ta’ Diċembru 2011, il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal informa lill-Kummissjoni li huwa kien eżamina l-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda li, b’kunsiderazzjoni tal-voti espressi, il-maġġoranza meħtieġa mill-Artikolu 20 tar-regolament intern tiegħu sabiex ikun jista’ joħroġ opinjoni dwar din il-proposta ma kinitx intlaħqet.

7        Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet il-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

8        Fil-25 ta’ April 2012, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament adotta r-rapport tiegħu dwar il-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal.

9        Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Jannar 2013, il-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) talab lill-Parlament jiċċara l-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-parteċipazzjoni possibbli tiegħu, bħala koleġiżlatur, fil-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 li tistabbilixxi proċedura ta’ konsultazzjoni bejn tliet partijiet fil-qasam tar-relazzjonijiet mal-persunal.

10      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2013, il-President tal-Parlament irrifjuta l-istedina biex jipparteċipa fil-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 fejn qies li huwa l-Kunsill biss li għandu jadatta d-djalogu soċjali previst mill-imsemmija deċiżjoni għas-sitwazzjoni l-ġdida li tirriżulta mill-mogħdija għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja għar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. F’din l-ittra, huwa ppreċiża li l-kumitat ta’ konsultazzjoni stabbilit mill-imsemmija deċiżjoni kellu l-għan li jiżgura li l-opinjoni tal-uffiċjali kienet magħrufa mir-rappreżentanti tal-Istati Membri qabel ma dawn jilleġiżlaw u li l-Kunsill kien irċieva l-informazzjoni li tippermettilu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’għarfien sħiħ tal-fatti rilevanti. Fil-fehma tiegħu, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, din id-deċiżjoni kienet saret, jekk mhux obsoleta, mill-inqas kwistjoni ta’ natura purament interna. Huwa żied li huwa ma kien jara l-ebda raġuni għaliex il-Parlament għandu jipparteċipa fil-kumitat ta’ konsultazzjoni, u dan għal żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda kienet l-assenza ta’ bażi legali ta’ tali parteċipazzjoni. It-tieni waħda kienet l-assenza ta’ neċessità ta’ tali parteċipazzjoni, peress li l-objettiv ta’ smigħ tal-opinjoni tar-rappreżentanti tal-persunal qabel il-leġiżlazzjoni kien intlaħaq b’mezzi iktar diretti u flessibbli fil-Parlament. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-President tal-Parlament indika li, fi ħdan il-Parlament, id-diskussjonijiet kienu pubbliċi, l-informazzjoni faċilment disponibbli u r-rapporteur kif ukoll ix-“shadow rapporteurs” għar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal kienu għadhom u jibqgħu fi djalogu kostanti mal-OSP u mal-partijiet ikkonċernati l-oħra fl-istadji kollha tar-redazzjoni u tal-adozzjoni tar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali. Huwa ppreċiża wkoll li l-Viċi President tal-Parlament, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament kif ukoll il-Kap tal-Kabinett tal-President tal-Parlament u d-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Parlament kienu tkellmu, flimkien, quddiem l-assemblea ġenerali tal-persunal tal-Parlament dwar l-istat tal-fajl tar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u li, f’dan il-kuntest, il-Viċi President tal-Parlament kien wieġeb b’mod iddettaljat għall-problemi kollha li kienu tqajmu. Huwa indika barra minn hekk li għal din il-laqgħa ma kinux assistew biss membri tal-persunal tal-Parlament, iżda wkoll membri tal-persunal ta’ istituzzjonijiet oħra, inkluż tal-Kunsill.

11      Fil-25 ta’ April 2013, il-Kunsill informa lill-OSP tal-istituzzjonijiet kollha bir-risposta tal-Parlament tal-4 ta’ Marzu 2013 kif ukoll bid-diskussjonijiet dwar abbozz ta’ dikjarazzjoni interpretattiva tad-deċiżjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 1981.

12      Fis-6 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta dikjarazzjoni interpretattiva tad-deċiżjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 1981, bl-għan tal-applikazzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja relatata mal-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal.

13      Fl-istess ġurnata, fuq talba ta’ żewġ OSP, saret laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni. Ma ġewx stabbiliti minuti ta’ din il-laqgħa, iżda s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill informa lill-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill permezz ta’ posta elettronika tas-6 ta’ Mejju 2013 b’din il-laqgħa u bl-iskambju ta’ fehmiet li kien seħħ. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta wkoll rendikont orali tal-imsemmija laqgħa lill-Coreper fit-8 ta’ Mejju 2013.

14      Fit-13 ta’ Mejju 2013, sar l-ewwel negozjar bejn tliet partijiet bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Fl-istess ġurnata, il-President tal-Coreper iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-OSP tal-Kunsill. Huwa informahom bir-riżultati tal-laqgħa tal-Coreper tat-8 ta’ Mejju 2013 u sar jaf bil-pożizzjonijiet tagħhom.

15      Fis-27 ta’ Mejju 2013, l-assemblea ġenerali tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill talbet lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill isejjaħ il-kumitat ta’ konsultazzjoni. Din it-talba ġiet ikkonfermata mill-Union syndicale fédérale fis-7 ta’ Ġunju 2013.

16      Saru diversi laqgħat oħra ta’ negozjar bejn tliet partijiet fuq il-pjan politiku fit-28 ta’ Mejju, fit-3, fil-11 u fid-19 ta’ Ġunju 2013. Matul dan il-perijodu, saru laqgħat tekniċi ta’ esperti u laqgħat informali bejn il-President tal-Coreper, il-Viċi President tal-Kummissjoni u r-rapporteur tal-Parlament. Matul il-laqgħa tad-19 ta’ Ġunju 2013, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni waslu għal kompromess provviżorju dwar l-elementi prinċipali tar-riforma.

17      Fl-20 ta’ Ġunju 2013, b’risposta għat-talba tal-Union syndicale fédérale, saret laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni. Il-President tal-Coreper spjega l-elementi prinċipali tal-kompromess, inkluża l-limitazzjoni tal-karrieri fil-grupp ta’ funzjonijiet AD fil-gradi AD 12/13, u wieġeb għall-mistoqsijiet dwar il-pakkett, b’mod partikolari fir-rigward tat-tneħħija tal-objettiv tal-ekwivalenza tal-karrieri qabel u wara r-riforma tal-2004. Fl-istess ġurnata, huwa informa lill-Coreper bir-riżultati tan-negozjati bejn tliet partijiet tad-19 ta’ Ġunju 2013.

18      Fil-21 ta’ Ġunju 2013, matul assemblea ġenerali tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Amministrazzjoni” tal-Kunsill spjega l-elementi prinċipali tal-kompromess.

19      Fil-25 ta’ Ġunju 2013, it-test provviżorju tal-kompromess bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ntbagħat fl-istess ħin lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri u lill-membri tal-kumitat ta’ konsultazzjoni kif ukoll lill-persunal kollu tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Fl-istess ġurnata, saret laqgħa oħra ta’ negozjar bejn tliet partijiet biex jiġi eżaminat dan it-test.

20      Fis-26 ta’ Ġunju 2013, il-Coreper eżamina r-riżultat tan-negozjati bejn tliet partijiet u sema’ r-rapport orali tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill dwar il-laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni tal-20 ta’ Ġunju 2013.

21      Fis-27 ta’ Ġunju 2013, ittieħed vot dwar it-test tal-kompromess mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament.

22      Fit-28 ta’ Ġunju 2013, filgħodu, OSP, l-Union syndicale-Bruxelles, talbet laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li rrifjuta din it-talba minħabba li, minn naħa, b’konformità mad-dikjarazzjoni annessa għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, il-kumitat ta’ konsultazzjoni kien sospiż minħabba disturbi sostanzjali tal-ħidma normali tal-Kunsill ikkawżati minn tlett ijiem konsekuttivi ta’ azzjoni industrijali u, min-naħa l-oħra, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament kien diġà approva t-test tal-kompromess finali.

23      Fl-istess ġurnata, il-Coreper ipproċeda għall-eżami finali tal-kompromess dwar l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u approvah, u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill informa b’dan lill-persunal kollu tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

24      Permezz ta’ ittra bid-data tat-28 ta’ Ġunju 2013, il-President tal-Coreper informa lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament bl-approvazzjoni mill-Coreper tat-test tal-kompromess provviżorju. F’din l-istess posta, huwa kien jindika li “[kien] f’pożizzjoni li jikkonferma li, jekk il-[Parlament kellu] jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, f’konformità mal-Artikolu 294(3) TFUE fil-forma stabbilita fil-kompromess provviżorju li jinsab fl-anness għal din l-ittra (suġġett għal reviżjoni mill-ġuristi lingwisti taż-żewġ istituzzjonijiet), il-Kunsill [kien] se japprova, f’konformità mal-Artikolu 294(4) TFUE, il-pożizzjoni tal-[Parlament] u l-att ikun adottat fir-redazzjoni li tikkorrispondi għall-pożizzjoni tal-Parlament, suġġett, jekk meħtieġ, għall-esperti legali u lingwistiċi taż-żewġ istituzzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

25      Fit-2 ta’ Lulju 2013, f’seduta plenarja, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tikkorrispondi mat-test tal-kompromess maqbul mal-Kunsill u l-Kummissjoni matul il-kuntatti informali tagħhom.

26      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni bagħtet il-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament tat-2 ta’ Lulju 2013 lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn ippreċiżat li, fil-fehma tagħha, il-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija kienet adixxiet lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal biha fil-21 ta’ Novembru 2011, ma kinitx ġiet emendata b’mod sostanzjali fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Hija kienet tippreċiża wkoll f’din il-posta li, f’dan l-istadju tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal ma setax japplika, iżda li hija kienet tixtieq madankollu tkun taf dwar l-osservazzjonijiet eventwali tal-kopresidenti tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Għal dan l-għan, hija talbet li tirċievi l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, f’terminu ta’ ħmistax‑il ġurnata ta’ xogħol, jiġifieri sa mhux iktar tard mis-26 ta’ Lulju 2013.

27      Fis-17 ta’ Lulju 2013, ir-rappreżentanti tal-kumitat tal-persunal fi ħdan il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal wieġbu lill-Kummissjoni permezz ta’ dikjarazzjoni li fiha kkonstataw l-impossibbiltà li jintlaħaq ftehim mar-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-bidla fl-aġenda tal-laqgħa tiegħu bl-għan tal-adozzjoni ta’ osservazzjonijiet minflok opinjoni. Huma fil-fatt ikkontestaw it-tardività tat-talba mressqa lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal u l-utilità, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ta’ opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament u ddenunzjaw il-ksur tal-prinċipji tad-djalogu soċjali.

28      Fl-10 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill approva l-pożizzjoni tal-Parlament u, f’konformità mal-Artikolu 294(4) TFUE, adotta r-Regolament Nru 1023/2013 b’formulazzjoni li tikkorrispondi mal-pożizzjoni tal-Parlament.

29      Wara l-firma tal-att leġiżlattiv mill-President tal-Parlament u mill-President tal-Kunsill fit-22 ta’ Ottubru 2013, ir-Regolament Nru 1023/2013 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Ottubru 2013.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ rikors ippreżentat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti, l-Union syndicale fédérale des services publics européens et internationaux (USFSPEI), ippreżentat din l-azzjoni.

31      Permezz ta’ atti ppreżentati lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fis-6 u fl-10 ta’ Ġunju 2014, il-Parlament u l-Kunsill, separatament, qajmu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

32      Permezz ta’ att ippreżentat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.

33      Fl-1 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill.

34      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Diċembru 2014, il-President tat-Tmien Awla (kulleġġ ġudikanti preċedenti) għaqqad l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mal-mertu.

35      Fid-9 ta’ Diċembru 2014, il-Qorti Ġenerali għamlet domanda lill-partijiet. Il-Kunsill, il-Parlament u r-rikorrenti taw risposta għal din id-domanda, fit-18 ta’ Diċembru 2014, fis-6 ta’ Jannar u fis-7 ta’ Jannar 2015, rispettivament.

36      Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Jannar 2015, il-President tat-Tmien Awla awtorizza l-intervent tal-Kummissjoni.

37      Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent fit-12 ta’ Marzu 2015. Ir-rikorrenti u l-Kunsill ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent fl-1 u fl-10 ta’ Ġunju 2015, rispettivament.

38      Fl-14 ta’ Jannar 2016, il-President tat-Tmien Awla ddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jissospendi din il-kawża sad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-kawża li minn dak iż-żmien wasslet għas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489).

39      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, l-imħallef relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla (kompożizzjoni ġdida), u, konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla fis-6 ta’ Ottubru 2016.

40      Fl-24 ta’ Ottubru 2016, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni dwar il-konsegwenzi li kienu jisiltu f’din il-kawża mill-punti 144 sa 171 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489). Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni taw risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Novembru 2016. Ir-rikorrenti tat risposta għal din id-domanda fit-18 ta’ Novembru 2016.

41      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(27), (32), (46), (61), (64)(b), (65)(b) u (67)(d) tar-Regolament Nru 1023/2013;

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill iħallsuha euro simboliku b’kumpens għad-dannu morali subit;

–        tikkundanna lill-Parlament u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

42      Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

43      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti, li hija federazzjoni ta’ organizzazzjonijiet sindakali tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni, tifformula kemm talbiet għal annullament tar-Regolament Nru 1023/2013 kif ukoll talbiet għad-danni.

44      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talbiet għal annullament, dawn huma intiżi biex jinkiseb l-annullament tal-Artikolu 1(27), (32), (46), (61), (64)(b), (65)(b) u 67(d) tar-Regolament Nru 1023/2013 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jemendaw l-Artikoli 45, 52 u 66a tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-Artikolu 7 tal-Anness V u l-Artikolu 8 tal-Anness VII ta’ dawn l-istess Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-imposta ta’ solidarjetà stabbilita mill-Artikolu 1(46) tar-Regolament Nru 1023/2013 għas-sena 2014, minħabba li din kienet marbuta mal-applikazzjoni tal-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet u li dan tal-aħħar ma jistax jiġi applikat fl-2014.

45      Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, erba’ motivi bbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 21 tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961, kif riveduta, tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-ftehim dwar ir-riforma tal-2004 u tal-prinċipju ta’ drittijiet kweżiti, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

46      Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talbiet għad-danni, dawn huma intiżi biex jinkiseb mill-Qorti Ġenerali l-kumpens għad-danni morali li allegatament ġarrbet ir-rikorrenti minħabba n-nuqqasijiet amministrattivi mwettqa mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013. Matul is-seduta, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-Qorti Ġenerali biex tippreċiża jekk hija kinitx qiegħda tirriproduċi insostenn tat-talbiet tagħha għad-danni, minbarra l-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-kapi kollha ta’ illegalità li kienet affermat insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament. B’risposta għal din id-domanda, ir-rikorrenti indikat li hija kienet qiegħda tirriproduċi insostenn tat-talbiet tagħha għad-danni l-kapi ta’ illegalità misluta mill-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013, minħabba li r-rappreżentanti tal-persunal ma setgħux jiġi informati u ma setgħux jinformaw lill-Istati Membri huma stess b’ċerti elementi fil-kuntest tal-laqgħa ta’ konsultazzjoni u bil-ksur tal-ftehim tal-2004.

A.      Fuq it-talbiet għal annullament

47      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaffermaw li, peress li r-rikors ġie ppreżentat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Jannar 2014, it-talba intiża għall-kisba tal-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li t-terminu previst mill-Artikolu 263 TFUE skada fit-22 ta’ Jannar 2014. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu, barra minn hekk, li r-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ inċidenza diretta u individwali li r-raba’ paragafu tal-Artikolu 263 TFUE jissuġġetta għalihom l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-konfront ta’ atti ta’ portata ġenerali adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini għall-preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE huma ta’ natura pubblika u ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u tal-qorti (ara d-digriet tad-19 ta’ April 2016, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑556/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:239, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’konformità mas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors previst minn din id-dispożizzjoni għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, skont il-każ.

50      F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 1023/2013 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Ottubru 2013.

51      Fir-rigward tar-regoli ta’ komputazzjoni tat-termini, hemm lok li jitfakkar li, f’konformità mal-Artikolu 101(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, terminu espress f’xhur għandu jispiċċa mal-iskadenza ta’ dak il-jum li fl-aħħar xahar iġib l-istess numru tal-jum li fih ġara l-avveniment jew twettaq l-att li minnu għandu jiġi kkalkolat it-terminu.

52      L-Artikolu 101(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 jipprevedi li, jekk il-jum li fih jiskadi terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta’ vaganza legali, l-iskadenza għandha tiġi pprorogata għal tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss, bil-lista tal-jiem ta’ vaganza legali stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja u ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tkun applikabbli għall-Qorti Ġenerali.

53      Madankollu, skont l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ dak l-att, dan it-terminu għandu jiġi kkalkolat li jibda, skont l-Artikolu 101(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, minn tmiem l-erbatax‑il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dak l-att f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

54      Barra minn hekk, l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 jipprevedi li t-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

55      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 ma jippreċiżax jekk din id-dispożizzjoni tirreferix għal jiem ta’ xogħol jew għal jiem kalendarji u li, konsegwentement, hemm lok li tinżamm l-interpretazzjoni l-iktar favorevoli għar-rikorrenti b’kunsiderazzjoni li t-terminu għall-preżentata tar-rikors beda mit-tmiem tal-erbatax‑il jum ta’ xogħol wara d-data tal-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013, jiġifieri t-18 ta’ Novembru 2013. Skont ir-rikorrenti, it-terminu għall-preżentata tar-rikors previst mill-Artikolu 263 TFUE jiskadi għalhekk fit-18 ta’ Jannar 2014. Madankollu, peress li t-18 ta’ Jannar 2014 huwa Sibt, l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors timxi għat-Tnejn 20 ta’ Jannar 2014, data li magħha hemm lok li jiżdied it-terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ 10 jiem. Skont ir-rikorrenti, minn dan jirriżulta li t-terminu għall-preżentata tar-rikors skada fit-30 ta’ Jannar 2014 u li r-rikors fil-fatt ġie ppreżentat qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu.

56      Ir-rikorrenti ssostni barra minn hekk li, anki fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 kellu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu għall-preżentata tar-rikors kien jibda mit-tmiem tal-erbatax‑il jum kalendarju wara d-data tal-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013, jiġifieri t-12 ta’ Novembru 2013, ir-rikors ġie tabilħaqq ippreżentat fi ħdan l-imsemmi terminu. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, f’din l-ipoteżi, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 263 TFUE kien jiskadi fit-12 ta’ Jannar 2014. Madankollu, peress li t-12 ta’ Jannar 2014 huwa Ħadd, l-iskadenza tat-terminu timxi għal tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol li jkun imiss, jiġifieri t-13 ta’ Jannar 2013, data li magħha għandu jiżdied it-terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxar jiem. It-terminu għall-preżentata tar-rikors għalhekk finalment skada fit-23 ta’ Jannar 2014.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 101(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, it-termini tal-proċedura previsti mit-Trattati, mill-Istatut u mill-imsemmija Regoli tal-Proċedura “jinkludu l-jiem ta’ vakanza legali, il-Ħdud u s-Sibtijiet”. Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, it-terminu ta’ erbatax‑il jum “wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dak l-att fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea” li jirreferi għalih l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, jinkludi, bla dubju possibbli, il-jiem ta’ vaganza legali, il-Ħdud u s-Sibtijiet. Għandu jitfakkar ukoll li, f’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita sew, l-Artikolu 101(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li jirreferi esklużivament għall-każ fejn il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta’ vaganza legali, japplika biss fil-każ fejn il-jum li fih jiskadi t-terminu sħiħ, inkluż it-terminu għal raġuni ta’ distanza, ikun Sibt, Ħadd jew jum ta’ vaganza legali (ara d-digriet tal-20 ta’ Novembru 1997, Horeca‑Wallonie vs Il-Kummissjoni, T‑85/97, EU:T:1997:180, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 1023/2013 ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Ottubru 2013, it-terminu għall-preżentata tar-rikors previst mill-Artikolu 263 TFUE beda jiddekorri fit-12 ta’ Novembru 2013 u dan skada fit-22 ta’ Jannar 2014. Peress li r-rikors ġie ppreżentat fit-23 ta’ Jannar 2014, dan għalhekk ġie ppreżentat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

59      Madankollu, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni stretta tar-regoli proċedurali tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Għalhekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tista’ ssir eċċezzjoni għat-termini proċedurali fil-każ biss ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, każijiet fortuwiti jew forza maġġuri (ara s-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, EU:C:2011:612, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata; id-digrieti tat-30 ta’ Settembru 2014, Faktor B. i W. Gęsina vs Il-Kummissjoni, C‑138/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2256, punt 17, u tat-28 ta’ Novembru 2014, Quanzhou Wouxun Electronics vs UASI – Locura Digital (WOUXUN), T‑345/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:1048, punt 17).

60      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma allegatx fir-rikors, u lanqas fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, dwar l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq.

61      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn dan huwa intiż għall-kisba tal-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, mingħajr lanqas biss il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kapi ta’ inammissibbiltà misluta min-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti mqajma mill-Parlament u mill-Kunsill fl-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tagħhom.

B.      Fuq it-talbiet għad-danni

1.      Fuq l-ammissibbiltà

62      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaffermaw li, f’konformità mal-ġurisprudenza, peress li, minn naħa, it-talbiet għad-danni tar-rikorrenti jippreżentaw rabta mill-qrib mat-talbiet tagħha għal annullament u jibbażaw ruħhom fuq ilmenti identiċi għal dawn u, min-naħa l-oħra, it-talbiet għal annullament tar-rikorrenti huma inammissibbli, hemm lok li t-talbiet għad-danni jiġu miċħuda wkoll bħala inammissibbli.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2002, Arne Mathisen vs Il-Kunsill (T‑340/99, EU:T:2002:174), li huma jirreferu għaliha, il-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx li t-talbiet għad-danni huma inammissibbli minħabba r-rabta mill-qrib li kienet teżisti mat-talbiet għal annullament li preċedentement kienet ġiet ikkonstatata l-inammissibbiltà tagħhom.

64      Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet għad-danni minħabba r-rabta mill-qrib tagħhom mat-talbiet għal annullament peress li l-eżami tal-motivi ppreżentati insostenn ta’ dawn it-talbiet għal annullament ma kien żvela l-ebda illegalità mwettqa mill-istituzzjoni awtriċi tal-att u, għalhekk, l-ebda nuqqas ta’ natura li tiskatta r-responsabbiltà (sentenza tal-4 ta’ Lulju 2002, Arne Mathisen vs Il-Kunsill, T‑340/99, EU:T:2002:174, punt 135).

65      Mis-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2002, Arne Mathisen vs Il-Kunsill, T‑340/99, EU:T:2002:174), jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, jiġifieri meta t-talbiet għad-danni jkunu bbażati biss fuq l-adozzjoni tal-att li jintalab l-annullament tiegħu u meta r-rikorrent, insostenn tat-talbiet għad-danni, ma jippreżentax ilmenti ġodda meta mqabbla ma’ dawk ippreżentati insostenn tat-talbiet għal annullament, il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ illegalità li toriġina mill-eżami tal-motivi mqajma insostenn tat-talbiet għal annullament tippermetti li qabelxejn tiġi eskluża waħda mill-kundizzjonijiet tal-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ nuqqas tal-istituzzjoni awtriċi tal-att.

66      Madankollu, f’dan il-każ, għalkemm it-talbiet għad-danni joriġinaw mill-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1023/2013 li barra minn hekk intalab l-annullament tagħhom mir-rikorrenti, minn naħa, iċ-ċaħda tat-talbiet għal annullament ma tirriżultax mill-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ illegalità iżda mill-inammissibbiltà tagħhom u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha għad-danni tippreżenta lment ġdid meta mqabbel ma’ dawk li hija ppreżentat insostenn tat-talbiet għal annullament, jiġifieri l-ksur tal-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

67      Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipju ta’ awtonomija tar-rimedji ġudizzjarji, il-konstatazzjoni tal-inammissibbiltà tat-talbiet għal annullament, kemm jekk minħabba d-dekadenza tagħhom jew minħabba n-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti, fil-prinċipju ma hijiex ta’ natura li jkollha konsegwenzi fuq l-inammissibbiltà tat-talbiet għad-danni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Mejju 2005, Holcim (France) vs Il-Kummissjoni, T‑86/03, EU:T:2005:157, punti 48 u 50).

68      Fil-fatt hemm lok li jitfakkar li l-kundizzjonijiet previsti mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma japplikawx fir-rikorsi għad-danni ppreżentati fuq il-bażi tal-Artikolu 340 TFUE u li, f’konformità mal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-azzjonijiet għad-danni kontra l-Unjoni huma suġġetti għal preskrizzjoni ta’ ħames snin.

69      Fir-rigward tal-argument mislut mill-ġurisprudenza relatata mal-qasam tas-servizz pubbliku Ewropew invokata mill-Parlament u l-Kunsill, għandu jitfakkar li din il-ġurisprudenza hija limitata għat-tilwim pekunjarju bejn l-uffiċjali kif ukoll il-membri tal-persunal tal-Unjoni u l-istituzzjoni li timpjegahom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-29 ta’ Novembru 1994, Bernardi vs Il-Kummissjoni,T‑479/93 u T‑559/93, EU:T:1994:277, punt 39). Madankollu, din il-kawża hija bejn federazzjoni ta’ organizzazzjonijiet sindakali li l-membri tagħha huma organizzazzjonijiet sindakali li jiddefendu l-interessi tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni, u l-Parlament u l-Kunsill bħala koleġiżlaturi.

70      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talbiet għad-danni huma ammissibbli. Hemm lok għalhekk li jiġu miċħuda l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma fir-rigward tagħhom mill-Parlament u mill-Kunsill.

2.      Fuq il-mertu

71      Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

72      Skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jirriżulta li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu subit jiddependu mill-fatt illi jiġi ssodisfatt sett ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li hija akkużata bih l-istituzzjoni, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu allegat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, EU:C:1982:318, punt 16, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106).

73      Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 81). Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni partikolari (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 42; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 13).

74      F’dan il-każ, huwa importanti li jiġi nnotat li r-rikorrenti tibbaża t-talba tagħha għad-danni fuq l-eżistenza ta’ nuqqasijiet amministrattivi. Għalkemm ma teżistix definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ nuqqas amministrattiv, huwa ġeneralment aċċettat li dan jikkorrispondi għal azzjoni jew ommissjoni minn membru tal-persunal wieħed jew iktar tal-amministrazzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom li jiġu tradotti f’nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tas-servizz. Dan in-nuqqas, għall-kuntrarju tan-nuqqas personali, ma jistax ma jiġix attribwit lill-membri tal-persunal tas-servizz iżda lis-servizz innifsu u, għaldaqstant, lill-amministrazzjoni.

75      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqasijiet li tirreferi għalihom ir-rikorrenti huma relatati mal-attività leġiżlattiva tal-Unjoni. L-istess jgħodd għalhekk għall-allegat ksur tal-ftehim dwar ir-riforma tal-2004. Ir-rikorrenti fil-fatt tafferma li dan jirriżulta mill-adozzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 1023/2013.

76      L-istess jgħodd għall-allegat ksur tal-proċedura ta’ konsultazzjoni. Fil-fatt mis-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 96), jirriżulta li r-regoli li joħorġu mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, li jipprevedu l-proċedura ta’ konsultazzjoni, jaqgħu taħt ir-regoli proċedurali relatati mal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013, fejn il-ksur eventwali jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali tal-imsemmi regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din hija r-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba l-attività leġiżlattiva tagħha li hija mfittxa mir-rikorrenti iktar milli r-responsabbiltà tagħha minħabba nuqqasijiet amministrattivi li setgħu twettqu mill-Kunsill u mill-Parlament fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013.

77      Barra minn hekk, ma hemmx lok li tiġi eżaminata n-natura tan-nuqqas li jirriżulta mill-allegat ksur tal-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistabbilixxi l-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda, peress li r-rikorrenti ma ressqitx l-iċken argument biex turi l-eżistenza ta’ tali ksur.

78      Madankollu, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tar-responsabbiltà minħabba l-attività leġiżlattiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà nnotat li, għalkemm il-prinċipji li, fis-sistemi legali tal-Istati Membri, jirregolaw ir-responsabbiltà tas-setgħat pubbliċi għad-danni kkawżati lill-individwi mill-atti leġiżlattivi jvarjaw b’mod kunsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor, madankollu kien possibbli li jiġi osservat li l-atti leġiżlattivi li fihom hemm għażliet ta’ politika ekonomika jiskattaw ir-responsabbiltà tas-setgħat pubbliċi b’mod eċċezzjonali u f’ċirkustanzi partikolari biss (sentenza tal-25 ta’ Mejju 1978, Bayerische HNL Vermehrungsbetriebe et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 83/76, 94/76, 4/77, 15/77 u 40/77, EU:C:1978:113, punt 5).

79      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, b’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ir-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba att leġiżlattiv li jimplika għażliet ta’ politika ekonomika tista’ tiskatta biss fil-każ ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali superjuri li tagħti protezzjoni lill-individwi (sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 1972, Compagnie d’approvisionnement, de transport et de crédit u Grands Moulins de Paris vs Il-Kummissjoni, 9/71 u 11/71, EU:C:1972:52, punt 13; tal-25 ta’ Mejju 1978, Bayerische HNL Vermehrungsbetriebe et vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, 83/76, 94/76, 4/77, 15/77 u 40/77, EU:C:1978:113, punt 4; u tat-8 ta’ Diċembru 1987, Les Grands Moulins de Paris vs KEE, 50/86, EU:C:1987:527, punt 8).

80      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, f’dan ir-rigward, li dispożizzjoni legali li l-ksur tagħha kellu jiġi kkonstatat kellu jkollha l-iskop li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punti 41 u 42, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 47).

81      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-approċċ ristrett adottat fil-konfront tar-responsabbiltà tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-attivitajiet leġiżlattivi tagħha huwa dovut għall-kunsiderazzjoni li skontha, minn naħa, l-eżerċizzju tal-funzjoni leġiżlattiva, anki fejn jeżisti stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti, ma għandux jiġi ostakolat mill-prospett ta’ kawżi għad-danni kull meta l-interess ġenerali tal-Unjoni jitlob li jittieħdu miżuri leġiżlattivi li jistgħu jippreġudikaw l-interessi ta’ individwi, u li, min-naħa l-oħra, f’kuntest leġiżlattiv ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ marġni diskrezzjonali wiesa’, li huwa indispensabbli għall-implementazzjoni ta’ politika tal-Unjoni, ir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar tista’ tiġi stabbilita biss meta l-istituzzjoni kkonċernata tkun marret lil hinn b’mod manifest u gravi mil-limiti imposti fuq l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 45).

82      Huwa għalhekk fid-dawl tal-prinċipji ġurisprudenzjali msemmija iktar ’il fuq li għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni humiex issodisfatti f’dan il-każ.

a)      Fuq il-ksur tal-ftehim dwar ir-riforma tal-2004

83      Ir-rikorrenti tafferma li hija pparteċipat bħala rappreżentant tal-persunal kollu flimkien mal-OSP l-oħra fil-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 fil-kuntest tar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130). Huwa fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ konsultazzjoni li ġie konkluż ftehim mal-Kunsill dwar ir-riforma inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, dan il-ftehim kien jirrigwarda l-aċċettazzjoni, mill-OSP, ta’ diversi miżuri ta’ modernizzazzjoni tal-karriera tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni kif ukoll ta’ imposta speċjali biex tirrifletti l-ispejjeż tal-politika soċjali, tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-iskejjel Ewropej u tal-garanzija taż-żamma tal-paċi soċjali mingħajr ma jkunu mistennija aġġustamenti ta’ remunerazzjoni u ta’ pensjoni ogħla minn dawk li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament pluriannwali. Filwaqt li tiċċita, b’mod partikolari, il-premessi 11 u 12 tar-Regolament Nru 723/2004, ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri ta’ modernizzazzjoni kienu jikkonsistu fil-fatt li l-persunal jiġi kklassifikat mill-ġdid f’żewġ gruppi ta’ funzjonijiet, l-amministraturi (AD) u l-assistenti (AST), li tiġi stabbilita karriera lineari u li jiġi applikat prinċipju ta’ ekwivalenza tal-karrieri u li tiġi ffaċilitata l-mogħdija mill-ewwel grupp ta’ funzjonijiet għat-tieni grupp ta’ funzjonijiet permezz ta’ mekkaniżmu ġdid ta’ ċertifikazzjoni. Skont ir-rikorrenti, dawn il-miżuri kienu jikkonsistu wkoll fl-introduzzjoni ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli u kienu jinkludu, partikolarment, u suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, id-dritt għall-ħidma part-time kif ukoll il-possibbiltà li wieħed jagħmel użu minn arranġamenti ta’ kondiviżjoni ta’ xogħol jew il-ksib ta’ leave estiż għal raġunijiet personali, il-previżjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda dwar leave relatat ma’ affarijiet tal-familja u, b’mod iktar partikolari, id-dritt għal leave tal-maternità iktar flessibbli, dritt għal leave tal-paternità, leave għall-adozzjoni u leave parentali kif ukoll leave għal mard serju ta’ membru tal-familja. L-aċċettazzjoni tal-miżuri ta’ modernizzazzjoni mill-OSP, fosthom ir-rikorrenti, li tissemma fil-premessa 38 tar-Regolament Nru 723/2004, ikkostitwixxiet il-kontroparti tal-kodifikazzjoni fir-Regolamenti tal-Persunal u fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-metodu ta’ aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-garanzija tal-applikazzjoni tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2012.

84      Minn dan jirriżulta li l-ftehim espress mir-rikorrenti dwar ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg introdotta mir-Regolament Nru 723/2004 jistabbilixxi l-kredibbiltà tagħha kemm fil-konfront tal-persunal kollu kif ukoll fil-konfront tal-leġiżlatur u tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni. Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-fatt li r-Regolament Nru 1023/2013 imur lura mit-termini tal-ftehim inkwistjoni, b’mod partikolari bl-emenda tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u bl-introduzzjoni ta’ grupp ta’ funzjonijiet ġdid, kif ukoll mill-prinċipji ta’ karriera lineari u ta’ ekwivalenza ta’ karriera, jippreġudika l-kredibbiltà tiegħu.

85      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, fin-nuqqas ta’ miżuri tranżitorji, l-emendi magħmula għall-Artikolu 45(1) u l-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll għall-Artikolu 4 tal-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal permezz tal-Artikolu 1(27), (32) u (64) tar-Regolament Nru 1023/2013 kisru l-prinċipju ta’ drittijiet kweżiti tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ftehim dwar ir-riforma tal-2004.

86      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-argument tar-rikorrenti jibbaża fuq il-premessa żbaljata li skontha l-ftehim dwar ir-riforma tal-2004 konkluż bejn il-Kunsill u l-OSP fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 723/2004 jista’ jiġi assimilat ma’ dispożizzjoni legali superjuri li l-osservanza tagħha kienet imposta fuq il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013.

87      Fil-fatt, mingħajr il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-ftehim li sar bejn l-OSP u l-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni kienx jorbot legalment lil dan tal-aħħar meta dan adotta r-Regolament Nru 723/2004, għandu jiġi kkonstatat li dan il-ftehim kien jikkonċerna biss ir-riforma tal-2004. L-effetti ta’ tali ftehim għalhekk ma jistgħux jiġu estiżi għall-emendi ulterjuri kollha tar-Regolamenti tal-Persunal mil-leġiżlatur tal-Unjoni, sakemm dan ma jċaħħadx lil dan tal-aħħar mill-possibbiltà li jeżerċita l-kompetenza mogħtija lilu mill-Artikolu 336 TFUE.

88      Barra minn hekk huwa importanti li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li r-rabta ġuridika bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal, id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali jistgħu jiġu emendati fi kwalunkwe mument mil-leġiżlatur (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 60).

89      Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-għan tal-ftehim tal-2004, l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013 ma kinitx ta’ natura li tippreġudikah.

90      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ drittijiet kweżiti, minn naħa, għandu jiġi osservat li, sa fejn tingħata prova ta’ illegalità, din effettivament ma tikkostitwixxix ksur tal-ftehim tal-2004, kif dan ġie ddefinit mir-rikorrenti. L-allegat ksur tal-ftehim tal-2004 li jirriżulta mill-emenda ta’ ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal mir-Regolament Nru 1023/2013 għandu fil-fatt jiġi distint mill-ksur tal-prinċipju ta’ drittijiet kweżiti rrikonoxxut lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni.

91      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma jirrigwardawx ksur f’dan il-każ tal-prinċipju ta’ drittijiet kweżiti. Fil-fatt huwa prinċipju stabbilit li l-liġijiet emendatorji ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, bħalma huma r-regolamenti emendatorji tar-Regolamenti tal-Persunal, japplikaw, jekk ma jkunx hemm deroga, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nibtu taħt il-liġi l-qadima. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li nibtu u kienu definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, u li joħolqu drittijiet kweżiti. B’hekk, dritt huwa kkunsidrat bħala kweżit meta l-fatt li jagħti lok għalih ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ dritt li l-fatt li ta lok għalih ma twettaqx taħt il-leġiżlazzjoni li ġiet emendata (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punti 61 sa 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Madankollu, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu l-uffiċjali ta’ grad AD 12 u AD 13 li kienu akkumulaw biżżejjed merti biex jiġu promossi għall-grad ogħla fl-2011 jew fl-2012, iżda li ma ġewx promossi għal raġunijiet baġitarji, minn issa ’l quddiem huma miċħuda minn din il-possibbiltà mill-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ġie emendat mill-Artikolu 1(27) tar-Regolament Nru 1023/2013, għas-sempliċi fatt li dawn ma jokkupawx wieħed mill-impjiegi msemmija fit-Taqsima A tal-Anness I tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi nnotat li hija tfisser li għandu jitqies li l-uffiċjali inkwistjoni ma tilfux id-dritt li jiġu promossi, iżda d-dritt li jkunu jistgħu jiġu promossi. Madankollu, bħalma jinnota ġustament il-Parlament, l-uffiċjali inkwistjoni ma għandhomx dritt kweżit għaż-żamma tas-sistema ta’ promozzjoni eżistenti qabel ir-riforma ppreżentata mir-Regolament Nru 1023/2013.

93      It-tieni nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li skontu, minn naħa, l-Artikolu 1(32) tar-Regolament Nru 1023/2013 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(64)(b) tal-istess regolament, li emendaw, rispettivament, l-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom uffiċjal jista’ jirtira, u l-Artikolu 4 tal-Anness IVa tar-Regolamenti tal-Persunal, relatat mal-kalkolu tas-salarju tal-uffiċjal li jkollu iktar minn 55 sena awtorizzat biex jaħdem nofs il-ħin bi preparament għall-irtirar tiegħu, ċaħħdu lill-uffiċjali li għandhom 55 sena jew iktar, li setgħu jitolbu l-benefiċċju minn dawn il-miżuri qabel l-1 ta’ Jannar 2014, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, minn dawn id-drittijiet minn din id-data sal-ġurnata tat-58 sena tagħhom.

94      Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li huwa l-Artikolu 1(34) tar-Regolament Nru 1023/2013, li jemenda l-Artikolu 55a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirreferi għalih l-Artikolu 4 tal-Anness IVa tal-istess Regolamenti tal-Persunal, li żied l-età li minnha uffiċjal jista’ jitlob biex jaħdem nofs il-ħin bi preparament għall-irtirar tiegħu għall-età ta’ 58 sena. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi nnotat li, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tagħhom applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2014, id-dritt ta’ uffiċjal biex jibbenefika minn irtirar antiċipat kif ukoll id-dritt biex jaħdem nofs il-ħin bi preparament għall-irtirar tiegħu kienu jeħtieġu li jiġi ssodisfatt sett ta’ kundizzjonijiet, li l-osservanza tiegħu kellha tiġi evalwata mill-Awtorità tal-Ħatra, kif ukoll talba f’dan is-sens min-naħa tal-uffiċjal. Id-deċiżjoni favorevoli ta’ din l-awtorità biss setgħet toħloq dritt kweżit għall-uffiċjali. L-emenda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk, fiha nnifisha, ma ppreġudikatx id-drittijiet kweżiti tal-uffiċjali inkwistjoni.

95      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni ma jistax joriġina mill-allegat ksur tal-ftehim dwar ir-riforma tal-2004.

b)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981

96      Ir-rikorrenti tafferma li r-Regolament Nru 1023/2013 ġie adottat bi ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistabbilixxi d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni. Dan il-ksur jirriżulta mill-ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mill-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981.

1)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal

97      Ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li, fid-dawl tan-natura sostanzjali tal-emendi magħmula mill-Parlament u l-Kunsill għall-proposta għal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ippreżentata inizjalment lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, matul id-diskussjonijiet bejn tliet partijiet, il-Kummissjoni kienet marbuta, skont l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, tippreżenta għal darba oħra l-proposta kif emendata lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal f’kundizzjonijiet li jippermettu lil dan tal-aħħar jagħti l-opinjoni tiegħu bil-mod xieraq u fi żmien xieraq. Madankollu, kulma għamlet il-Kummissjoni kien li adixxiet lill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal bil-verżjoni emendata tal-proposta inizjali tagħha għal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal għal informazzjoni mingħajr ma tatu l-possibbiltà li jieħu pożizzjoni fi żmien xieraq.

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jkun ikkonsultat mill-Kummissjoni fuq il-proposti kollha għar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

99      L-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi fuq il-Kummissjoni obbligu ta’ konsultazzjoni li jestendi ruħu, minbarra għall-proposti formali, għall-emendi sostanzjali ta’ proposti diġà eżaminati li għalihom hija tipproċedi, sakemm, f’dan l-aħħar każ, l-emendi ma jikkorrispondux fil-parti l-kbira għal dawk proposti mill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T‑58/05, EU:T:2007:218, punt 35, u tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 129).

100    Tali interpretazzjoni hija meħtieġa kemm mill-kliem tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mir-rwol assunt mill-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, minn naħa, billi tipprevedi l-konsultazzjoni mingħajr riżerva u lanqas eċċezzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal fuq kull proposta għal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-dispożizzjoni tagħti portata wiesgħa lill-obbligu li hija tiddefinixxi. It-termini tagħha huma għaldaqstant manifestament inkonċiljabbli ma’ interpretazzjoni restrittiva tal-portata tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala organu konġunt li jiġbor flimkien lir-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet u dawk tal-persunal, b’dawn tal-aħħar huma demokratikament eletti, tal-istituzzjonijiet kollha, huwa obbligat sabiex jieħu inkunsiderazzjoni u jesprimi l-interessi tas-servizz pubbliku tal-Unjoni kollu (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, T‑58/05, EU:T:2007:218, punt 36, u tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 130).

101    Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tipproċedi għal emenda tal-proposta tagħha għal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal matul il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, hija jkollha l-obbligu li tikkonsulta mill-ġdid mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal qabel l-adozzjoni mill-Kunsill tad-dispożizzjonijiet regolamentari kkonċernati, meta din l-emenda taffettwa b’mod sostanzjali l-istruttura tal-proposta (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 135).

102    Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni użat is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tagħha billi ppreżentat il-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal lill-Parlament u lill-Kunsill fit-13 ta’ Diċembru 2011, hija ma użatx din is-setgħa biex temenda l-imsemmija proposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 136).

103    Ċertament, il-Kummissjoni pparteċipat fin-negozjati bejn tliet partijiet li saru matul il-proċedura leġiżlattiva ordinarja inkwistjoni. Madankollu, skont id-dikjarazzjoni konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni (Artikolu 251 tat-Trattat KE) (ĠU 2007, C 145, p. 5), magħmula mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Ġunju 2007 u li tirregola dawn il-laqgħat informali, fl-istadju tal-ewwel qari fil-Parlament Ewropew, ir-rwol tal-Kummissjoni huwa ristrett biex tiffaċilita l-kuntatti stabbiliti “sabiex jiffaċilitaw it-tmexxija tal- proċedimenti fl-ewwel qari” u biex teżerċita “d-dritt ta’ inizjattiva tagħha b’mod kostruttiv bil-ħsieb li tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament […] u tal-Kunsill, filwaqt li tqis kif dovut il-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet u r-rwol mogħti lilha mit-Trattat” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 137).

104    Għalhekk, il-fatt li n-negozjati bejn tliet partijiet li saru, f’dan il-każ, fl-istadju tal-ewwel qari mill-Parlament wasslu, bil-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni li r-rwol tagħha huwa mfakkar fil-punt 103 iktar ’il fuq, għal kompromess bejn il-Parlament u l-Kunsill intiż biex tiġi emendata l-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi emenda tal-imsemmija proposta mill-Kummissjoni nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 138).

105    Barra minn hekk, l-adozzjoni fl-ewwel qari, mill-Parlament, ta’ test li jkun emenda l-proposta għal emenda tar-Regolamenti tal-Persunal lanqas ma tista’ tiġi assimilata ma’ emenda mill-Kummissjoni nnifisha tal-proposta inizjali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 139).

106    Minn dak preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikkonsulta mill-ġdid mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal skont l-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal, la wara l-ikkompletar tan-negozjati bejn tliet partijiet li saru fl-istadju tal-ewwel qari fil-Parlament u lanqas wara l-adozzjoni, minn dan tal-aħħar, tal-proposta tiegħu fl-ewwel qari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 140).

107    Konsegwentement, irrispettivament min-natura sostanzjali tal-emendi adottati mill-Parlament fl-ewwel qari, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti misluta mill-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal.

2)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-proċedura ta’ konsultazzjoni

108    Ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, il-proċedura ta’ konsultazzjoni kienet milquta minn illegalità sa fejn din ma kinitx ġiet adattata, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, biex tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-Parlament, li sar koleġiżlatur, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni.

109    Ir-rikorrenti tafferma wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mill-punt 170 tas-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489), OSP, l-Union syndicale-Bruxelles, kienet talbet, fit-28 ta’ Ġunju 2013, qabel il-bidu tal-eżami finali tat-test tal-kompromess definittiv mill-Coreper, laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni, iżda li din it-talba kienet ġiet miċħuda mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill minħabba li, minn naħa, f’konformità mad-dikjarazzjoni annessa għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, il-kumitat ta’ konsultazzjoni kien sospiż minħabba disturbi sostanzjali tal-ħidma normali tal-Kunsill ikkawżati minn tlett ijiem konsekuttivi ta’ azzjoni industrijali u, min-naħa l-oħra, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament kien diġà approva t-test. Ir-rikorrenti żżid li l-President tal-Union syndicale-Bruxelles ikkontesta quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li ma jlaqqax il-kumitat ta’ konsultazzjoni filwaqt li affermat li l-punt 4 tal-“ftehim tal-24 ta’ Mejju 2004 bejn id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u l-OSP dwar id-dispożizzjonijiet li għandhom japplikaw f’każ ta’ waqfien miftiehem tal-ħidma tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jipprevedi li l-preavviż ta’ azzjoni industrijali jintuża miż-żewġ partijiet għan-negozjar ta’ soluzzjoni tat-tilwima, possibbilment bil-ħatra ta’ medjatur, qatt ma ġie implementat f’dan il-każ u għalhekk ma setgħetx tiġi evitata l-azzjoni industrijali. Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li, f’konformità mal-ftehim inkwistjoni, “l-azzjoni industrijali ma tistax tostakola ż-żamma ta’ sessjonijiet tal-Kunsill” u “d-Deputat Segretarju Ġenerali għandu jistabbilixxi l-lista ta’ membri tal-persunal marbuta jkomplu bil-funzjonijiet tagħhom fuq il-bażi ta’ lista ta’ impjiegi indispensabbli għall-proċessi deċiżjonali tal-istituzzjoni” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali]. Skont ir-rikorrenti, minn dan jirriżulta li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill wettaq żball meta rrifjuta li jorganizza l-laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni minħabba li l-ħidma normali tal-Kunsill kienet disturbata.

110    Ir-rikorrenti tafferma wkoll li d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 kienet ġiet adottata fuq il-bażi ta’ ftehim mal-OSP, u dan jintwera mill-fatt li l-Kunsill fil-passat kien ippreżenta emendi tal-imsemmija deċiżjoni lill-OSP, u li huwa għalhekk ma setax jemendaha b’mod unilaterali, bħalma għamel bid-deċiżjoni interpretattiva tas-6 ta’ Mejju 2013. Ir-rikorrenti barra minn hekk tenfasizza li t-test tad-dikjarazzjoni interpretattiva ġie kkomunikat lill-OSP biss fis-26 ta’ Mejju 2013, jiġifieri tliet ġimgħat wara l-laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni tas-6 ta’ Mejju 2013.

111    Ir-rikorrenti ssostni barra minn hekk li, minkejja l-assenza ta’ test disponibbli matul iż-żewġ laqgħat tal-kumitat ta’ konsultazzjoni fis-6 ta’ Mejju u fl-20 ta’ Ġunju 2013, dawn xorta waħda setgħu jkunu utli sakemm l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, li jipprevedi li, “[m]atul il-ħidma tagħhom, il-membri tal-kumitat ta’ konsultazzjoni jistinkaw biex jikkonverġu, sa fejn huwa possibbli, il-pożizzjonijiet tagħhom u jippermettu għalhekk il-preżentazzjoni lill-Kunsill ta’ rapport li jistabbilixxi l-pożizzjonijiet komuni” u li, “jekk dan jisfa’ impossibbli, ir-rapport jistabbilixxi l-pożizzjonijiet differenti” [traduzzjonijiet mhux uffiċjali], ikun ġiet osservat. Madankollu, skont ir-rikorrenti, matul dawn iż-żewġ laqgħat, il-president tal-kumitat ta’ konsultazzjoni llimita ruħu li jippermetti lill-president tal-Coreper jesponi fil-qosor l-intenzjonijiet tal-Kunsill, fis-6 ta’ Mejju 2013, jew tal-Parlament, fl-20 ta’ Ġunju 2013, imbagħad li jippermetti lir-rappreżentanti tal-OSP jesponu l-pożizzjonijiet tagħhom. Għalhekk, ma kien sar l-ebda tentattiv ta’ konverġenza tal-pożizzjonijiet u ma jeżisti l-ebda rapport bil-miktub ta’ dawn il-laqgħat.

112    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, għandu jiġi nnotat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, din ma tikkostitwixxix ksur tad-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni intiż mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

113    Fil-fatt il-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 għandha titqiegħed fil-kuntest ġuridiku li kienet ġiet stabbilita fih. Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata mill-Kunsill fi żmien fejn dan kien l-unika istituzzjoni kompetenti biex tiddeċiedi dwar ir-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni. Tali proċedura għalhekk, fin-natura tagħha, ma kinitx adattata fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Din hija r-raġuni għaliex il-Kunsill, bħalma ġie spjegat fil-punt 12 iktar ’il fuq, adotta dikjarazzjoni interpretattiva tad-Deċiżjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 1981, wara r-rifjut mill-Parlament li jipparteċipa fil-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mill-imsemmija deċiżjoni bħala koleġiżlatur (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punti 145 u 146).

114    Ir-rifjut tal-Parlament milli jipparteċipa fil-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 ikun ta’ natura li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali biss fl-ipoteżi fejn, minn naħa, din id-dispożizzjoni timponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-obbligu li jikkonsultaw mal-OSP fuq il-proposti għal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, il-Parlament, f’dan il-każ, ma jkun ipproċeda għal ebda tali konsultazzjoni (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 147).

115    Madankollu, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 27 stess tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-eżerċizzju tad-drittijiet li dan jistabbilixxi huwa limitat għall-każijiet u għall-kundizzjonijiet iddefiniti mid-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, mill-Artikolu 10b tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-proposti għal reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jistgħu jkunu suġġetti għal konsultazzjoni mal-OSP rappreżentattivi. L-istituzzjonijiet li ma jkunux involvew ruħhom b’mod unilaterali għalhekk ma humiex marbuta jipproċedu għal tali konsultazzjoni (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 148).

116    Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li, għall-kuntrarju ta’ dak li setgħet tagħti x’tifhem l-ittra tal-4 ta’ Marzu 2013 indirizzata mill-President tal-Parlament lill-Kunsill b’risposta għall-istedina magħmula minn dan tal-aħħar lill-Parlament biex jipparteċipa fil-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, l-OSP ma ġewx ikkonsultati mill-Parlament dwar l-emendi tar-Regolamenti tal-Persunal magħmula mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, din iċ-ċirkustanza ma tikkostitwixxix ksur tad-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni intiż mill-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, U4U et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑17/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:489, punt 149).

117    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-emenda tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, minn naħa, għandu jiġi nnotat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kunsill kien intitolat jemenda b’mod unilaterali l-imsemmija deċiżjoni permezz tad-dikjarazzjoni interpretattiva tas-6 ta’ Mejju 2013. Fil-fatt, mill-klawżola ta’ reviżjoni tad-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981 jirriżulta li “[l]-Kunsill jista’ jeżamina fi kwalunkwe mument, kemm fuq inizjattiva proprja, jew fuq talba tal-membri tal-kumitat ta’ konsultazzjoni li jirrappreżentaw lill-persunal jew lill-kapijiet tal-amministrazzjoni intiżi fit-tielet inċiż tal-paragrafu 2(a) tat-Taqsima I, ir-riżultati tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet bl-għan li tittieħed deċiżjoni dwar jekk hemmx lok li jsiru emendi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-affermazzjoni tar-rikorrenti li skontha l-Kunsill ippreżenta preċedentement abbozzi ta’ emenda tad-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981 lill-OSP bl-għan li jikseb il-qbil tagħhom. Fil-fatt, mid-dokument prodott mir-rikorrenti insostenn ta’ din l-affermazzjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kunsill kien qiegħed jitlob lill-OSP il-qbil tagħhom dwar l-emendi li kien beħsiebu jagħmel għad-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981, iżda sempliċement xtaq jikseb l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Minn dan jirriżulta li dan id-dokument ma jixhidx li l-Kunsill kien iqis ruħu marbut minn tali osservazzjonijiet, iżda li huwa kien jixtieq isir jaf dwar il-pożizzjoni tal-OSP dwar l-emendi previsti.

118    Min-naħa l-oħra, mill-provi prodotti mill-Kunsill jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-amministrazzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tat il-possibbiltà lill-OSP biex jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-emenda prevista mid-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981, matul laqgħa tat-23 ta’ April 2013, u li t-test tal-abbozz ta’ dikjarazzjoni interpretattiva ġie trażmess lill-OSP li pparteċipaw fil-kumitat ta’ konsultazzjoni fit-30 ta’ April 2013, qabel ma ġie sottomess lill-Coreper fit-2 ta’ Mejju 2013 u adottat mill-Kunsill fis-6 ta’ Mejju 2013.

119    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill wettaq żball meta rrifjuta li jagħti risposta favorevoli għat-talba tal-Union syndicale-Bruxelles tat-28 ta’ Ġunju 2013 biex jorganizza laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni, l-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li, f’konformità mal-gwida 7 tad-dikjarazzjoni interpretattiva tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, id-dikjarazzjoni annessa għall-imsemmija deċiżjoni li skontha, “fil-każijiet fejn il-ħidma normali tal-Kunsill tkun disorganizzata, il-proċedura ta’ konsultazzjoni tiġi awtomatikament sospiża” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienet għadha applikabbli bis-sħiħ. Madankollu, minn diversi provi prodotti mill-Kunsill jirriżulta li, wara preavviż ta’ azzjoni industrijali ppreżentat mit-tliet OSP tal-Kunsill fl-20 ta’ Ġunju 2013, għas-26, is-27 u t-28 ta’ Ġunju 2013, effettivament seħħew azzjonijiet industrijali matul dawn it-tlett ijiem. Dawn l-azzjonijiet, li għalihom ipparteċipa numru kunsiderevoli ta’ uffiċjali li jikkorrispondi għal terz tal-persunal, kellhom bħala konsegwenza l-annullament ta’ 19‑il laqgħa ta’ grupp ta’ ħidma tal-Kunsill. Għandu jiġi nnotat ukoll li, bħalma osserva l-Kunsill, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fis-27 u t-28 ta’ Ġunju 2013 kellu jiżgura wkoll l-organizzazzjoni tal-Kunsill Ewropew. Madankollu, mill-provi prodotti mill-Kunsill jirriżulta li, fil-25 ta’ Ġunju 2013, it-tliet OSP tal-Kunsill kienu ppreżentaw preavviż ta’ azzjoni industrijali soda dwar ix-xogħol ta’ tmiem il-ġimgħa, tal-vaganzi kif ukoll tas-sigħat supplimentari għall-perijodu tal-25 ta’ Ġunju sal-11 ta’ Lulju 2013.

120    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li, fid-data li fiha l-Union syndicale-Bruxelles talbet l-organizzazzjoni ta’ laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni, il-ħidma normali tal-Kunsill kienet disorganizzata minħabba l-azzjonijiet industrijali u li l-proċedura ta’ konsultazzjoni kienet, konsegwentement, awtomatikament sospiża. Din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-argument tar-rikorrenti li skontu l-Kunsill ma użax il-possibbiltajiet previsti mill-ftehim tal-24 ta’ Mejju 2004 bejn id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u l-OSP dwar id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ waqfien miftiehem tal-ħidma tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, biex jiġu evitati l-azzjonijiet industrijali jew jiġu limitati l-effetti tagħhom. Dan il-ftehim fil-fatt ma huwiex marbut mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom tiġi organizzata l-proċedura ta’ konsultazzjoni.

121    It-tieni nett, għandu jiġi nnotat li, skont il-punt (d) tad-dikjarazzjoni interpretattiva tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981, l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar “hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, b’mod partikolari fir-rigward tat-termini u l-iżvolġiment tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja intiża fl-Artikolu 294 TFUE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, għandu jitfakkar li, għalkemm it-test tal-kompromess provviżorju ġie kkomunikat lill-OSP li pparteċipaw fil-kumitat ta’ konsultazzjoni fl-24 ta’ Ġunju 2013 filgħaxija, l-Union syndicale-Bruxelles stenniet sat-28 ta’ Ġunju f’12.39 biex titlob il-laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni, filwaqt li l-eżami finali tat-test tal-kompromess mill-Coreper kellu jibda fl-istess ġurnata fit-15.00. L-organizzazzjoni ta’ laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni qabel l-eżami tat-test tal-kompromess mill-Coreper kienet teħtieġ il-posponiment ta’ dan l-eżami. Madankollu, bħalma nnota l-Kunsill, il-Presidenza Irlandiża kien irnexxielha twassal għal kompromess politiku mal-Parlament f’ċirkustanzi politiċi partikolarment diffiċli u f’dinamika mħaffa fil-perspettiva ta’ ftehim politiku qabel tmiem il-presidenza tagħha fl-aħħar ta’ Ġunju 2013. Il-laqgħa tal-Coreper ta’ wara nofsinhar tal-Ġimgħa 28 ta’ Ġunju 2013 seħħet fl-aħħar sigħat tal-Presidenza Irlandiża u għalhekk kienet l-aħħar possibbiltà għaliha biex tikkonvinċi lill-Coreper jaċċetta l-kompromess li hija kienet innegozjat. Barra minn hekk, bħalma josserva wkoll il-Kunsill, l-iżvolġiment tal-proċedura leġiżlattiva kien immarkat minn rabta politika bejn, minn naħa, il-ftehim politiku bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, il-ftehim politiku mal-Parlament dwar il-qafas finanzjarju pluriannwali, fajl ieħor politikament partikolarment diffiċli li kien innegozjat fil-kuntest tal-Presidenza Irlandiża. Din ir-rabta politika kienet tippermetti lill-Coreper jaċċetta, eżatt wara l-ftehim politiku dwar il-qafas finanzjarju pluriannwali, il-kompromess dwar ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal. Dewmien fid-deliberazzjonijiet tal-Coreper kien jirriskja li jwassal għaċ-ċaħda tal-kompromess dwar ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal.

122    Hemm lok li jitqies li tali ċirkustanzi huma wkoll ta’ natura li tiġġustifika r-rifjut mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill biex jorganizza laqgħa tal-kumitat ta’ konsultazzjoni fit-28 ta’ Ġunju 2013.

123    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu l-laqgħat tal-kumitat ta’ konsultazzjoni tas-6 ta’ Mejju u tal-20 ta’ Ġunju 2013 ma kinux konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981 minħabba li, filwaqt li l-partijiet ma kinux stinkaw biex jikkonverġu l-pożizzjonijiet tagħhom, ma kien twettaq l-ebda sunt bil-miktub dwar il-pożizzjonijiet diverġenti tagħhom, għandu jiġi nnotat li l-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li ma wettaqx sunt bil-miktub tal-pożizzjonijiet diverġenti tal-partijiet, b’mod partikolari ta’ dawk tal-OSP, minkejja li dawn, inkluża r-rikorrenti, jaffermaw li ma setgħux jagħtu l-perspettiva tagħhom b’mod effettiv matul dawn il-laqgħat minħabba l-preżentazzjoni ġenerali wisq li kienet saret tar-riforma.

124    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni lanqas ma jista’ joriġina mill-allegat ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal jew tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981.

c)      Fuq il-ksur tal-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

125    Ir-rikorrenti ssostni fil-parti tar-rikors tagħha ddedikata għat-talba għad-danni li r-responsabbiltà tal-Unjoni tal-fatt tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1023/2013 tirriżulta, b’mod partikolari, mill-ksur tal-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistabbilixxi l-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni. Madankollu, bħalma ġie nnotat diġà fil-punt 77 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tqajjem l-ebda argument speċifiku f’dan ir-rigward, b’tali mod li, f’konformità mal-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors, tali argument jista’ biss jiġi miċħud bħala inammissibbli (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma (Felin jaqbeż), T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 34).

126    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, f’dan il-każ, wettqu ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq.

127    Peress li l-ewwel kundizzjoni ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni b’hekk ma ġietx issodisfatta f’dan il-każ, hemm lok li t-talbiet għad-danni jiġu miċħuda, mingħajr il-ħtieġa li jiġi vverifikat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra ta’ stabbiliment tal-imsemmija responsabbiltà humiex issodisfatti.

128    Għaldaqstant, hemm lok li dan ir-rikors jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli, sa fejn huwa intiż biex jikseb l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u, parzjalment, infondat, sa fejn huwa intiż biex jikseb il-kumpens għal dannu kkawżat lir-rikorrenti.

IV.    Fuq l-ispejjeż

129    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Parlament u mill-Kunsill, f’konformità mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Union syndicale fédérale des services publics européens et internationaux (USFSPEI) hija kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Collins

Kancheva

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Novembru 2017.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq it-talbiet għal annullament

B. Fuq it-talbiet għad-danni

1. Fuq l-ammissibbiltà

2. Fuq il-mertu

a) Fuq il-ksur tal-ftehim dwar ir-riforma tal-2004

b) Fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 1981

1) Fuq il-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolamenti tal-Persunal

2) Fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-proċedura ta’ konsultazzjoni

c) Fuq il-ksur tal-Artikolu 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

IV. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.