Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ April 2023 minn UPL Europe Ltd u Indofil Industries (Netherlands) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-15 ta’ Frar 2023 fil-Kawża T-742/20, UPL Europe Ltd u Indofil Industries (Netherlands) vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-262/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: UPL Europe Ltd u Indofil Industries (Netherlands) BV (rappreżentant: C. Mereu, avocat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2087 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva mancozeb, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 1 u tordna li l-appellanti jiġu rrimborsati għall-ispejjeż fil-kuntest ta’ dan l-appell u fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali; jew

tordna li l-appellanti jiġu rrimborsati għall-ispejjeż fil-kuntest ta’ dan l-appell u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali:

żnaturat il-provi prodotti, u sussegwentement ċaħdet id-dritt effettiv tad-difiża tal-appellanti, meta ddeċidiet li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data dwar it-tfixkil endokrinali kien infondat;

naqset milli tindirizza t-talba tal-appellanti dwar in-nuqqas ta’ evalwazzjoni ta’ data dwar ir-riskju għall-għasafar u għall-mammiferi, għall-artropodi mhux fil-mira u għall-organiżmi tal-ħamrija u l-valuri ta’ referenza tossikoloġiċi;

żnaturat il-provi, wettqet żball ta’ liġi, interpretat u/jew applikat b’mod żbaljat ir-Regolament 844/2012 1 u/jew il-ġurisprudenza dwar l-amplifikazzjoni tal-motivi;

naqset milli tipprovdi motivazzjoni fir-rigward tal-motiv tal-appellanti dwar il-miżuri provviżorji u dwar il-kriterji l-ġodda ta’ tfixkil endokrinali u/jew li tqajjem dan ex officio;

wettqet żball ta’ liġi, interpretat u/jew applika b’mod żbaljat il-proċedura skont ir-Regolament 844/2012 dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi;

interpretat u/jew applikat b’mod żbaljat il-proċedura skont ir-Regolament 844/2012 dwar is-sottomissjoni mill-konvenuta tal-abbozz ta’ rapport ta’ tiġdid qabel it‑tmiem tal‑evalwazzjoni mill-Greċja, l-Istat Membru relatur il-ġdid (iktar’ il quddiem l‑“iSMR”).

It-tieni aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali pprovdietx motivazzjoni ċara għaċ-ċaħda tat-tieni motiv.

It-tielet aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi u wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li ma kienx bi preġudizzju li l-konvenuta pproponiet in-nuqqas ta’ tiġdid tas-sustanza attiva mankożeb mingħajr ma stenniet il-konklużjonijiet xjentifiċi finali mill-Greċja, l-iSMR.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar (i) il-piż tal-opinjoni tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi huwa żbaljat, illoġiku, inkonsistenti u jmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, (ii) in-nuqqas tal-konvenuta li tqis elementi ġodda dwar il-klassifikazzjoni tal-mankożeb huwa żbaljat, illoġiku u kontradittorja, u (iii) l-influwenza indebita fuq il-metabolita etilen tijourea huwa illoġiku, kontradittorju u mhux sostnut mill-provi disponibbli.

Il-ħames aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, żnaturat il-provi u interpretat il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi b’mod żbaljat.

____________

1     ĠU 2020, L 423, p. 50.

1     Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2012, L 252, p. 26).