Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2022 – Mazepin vs Il-Kunsill

(Kawża T-743/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Nikita Dmitrievich Mazepin (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: D. Rovetta, M. Campa, M. Moretto, V. Villante, T. Marembert u A. Bass, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal-14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna 1 ;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna1 ;

tannulla d-deċiżjoni li r-rikorrenti tinżamm fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina 1 , kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530, u skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, kif implimentat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2022/1529, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna;

kollettivament imsejħa l-“atti kkontestati”, sa fejn l-atti kkontestati jinkludu lir-rikorrenti fil-lista ta’ persuni u entitajiet li jkunu suġġetti għall-miżuri restrittivi.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.    L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni; tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

2.    It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni.

3.    It-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni; nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-oneru tal-prova; il-ksur tal-kriterji tal-elenkar fil-lista stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(e) u fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014, it-tnejn jirrigwardaw miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

4.    Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti; il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti għall-proprjetà u għal-libertà ta’ impriża u l-ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

5.    Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju fundamentali ta' nondiskriminazzjoni.

6.    Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali; il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu tal-Kunsill li jirrevedi perjodikament is-sanzjonijiet.

____________

1 ĠU 2022, L 239, p. 149.

1 ĠU 2022, L 239, p. 1.

1 ĠU 2014, L 78, p. 16.