Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2021 – Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-489/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: S. Centeno Huerta, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ġunju 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28599 [(C 23/2010) (ex NN 36/2010, ex CP 163/2009)] mogħtija mir-Renju ta’ Spanja għall-estensjoni tat-Televiżjoni Diġitali Terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati (minbarra f’Castilla La Mancha);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tmien motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smiegħ tar-Renju ta’ Spanja, previst fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) 1 u fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) moqri flimkien mal-Artikolu 6 tar-Regolament 2015/1589 2 , peress li l-oneru tal-prova dwar is-selettività għadda fuq ir-Renju ta’ Spanja.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 266 TFUE sa fejn il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi tagħha fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, C-70/16 P, kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ “reformatio in peius”, u l-Artikolu 47 tal-Karta.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta, minħabba dewmien mhux ġustifikat ta’ tliet snin u sitt xhur sabiex jiġi sodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-selettività imposta mis-sentenza.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba analiżi mhux xierqa tas-selettività li invertiet l-oneru ta’ prova.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589, sa fejn il-miżura ġiet ikkwalifikata bħala “skema ta’ għajnuna”.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba l-introduzzjoni ta’ kriterji ta’ kwantifikazzjoni konfużi u kontradittorji f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni ta’ vantaġġ tad-deċiżjoni stess.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba l-assenza ta’ vantaġġ għall-benefiċjarji identifikati u l-iżball ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-benefiċjarju.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107 TFUE minħabba żball ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà.

____________

1 ĠU 2016, C 202, p. 389

1 Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).