Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Awwissu 2021 – Haswani vs Il-Kunsill

(Kawża T-479/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: George Haswani (Yabroud, is-Sirja) (rappreżentant: G. Karouni, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent:

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/855 tas-27 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/848 tas-27 ta’ Mejju 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

konsegwentement,

tordna t-tneħħija tal-isem ta’ George Haswani mill-annessi tal-atti hawn fuq imsemmija;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 100 000 bħala danni morali;

skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, G. Haswani jitlob li l-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u kif ukoll dawk sostnuti minnu u li huwa jirriżerva d-dritt li jiġġustifika matul il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq. Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill li kiser id-drittijiet tad-difiża tiegħu u b’mod partikolari dak li huwa jiġi mismugħ qabel ma tingħata d-deċiżjoni taż-żamma ta’ ismu fil-listi ta’ sanzjonijiet.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-Kunsill huwa kkritikat li għamel biss kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali mingħajr ma semma’, b’mod speċifiku u konkret, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li r-rikorrent għandu jkun suġġett għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet fundamentali. Ir-rikorrent iqis f’dan ir-rigward li l-miżura meħuda kontra tiegħu hija sproporzjonata fid-dawl tal-għan indikat u tikkostitwixxi indħil sproporzjonat fil-libertà ta’ intrapriża u fid-dritt għall-proprjetà, minħabba li l-imsemmija miżura tipprevedi kull attività ekonomika effettiva mingħajr ebda kriterju ieħor.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq l-assenza ta’ provi. Ir-rikorrent isostni li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju teżiġi b’mod partikolari li fl-istħarriġ tal-legalità tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jitniżżel jew li jinżamm l-isem ta’ persuna partikolari fil-listi tal-persuni milquta mis-sanzjonijiet, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura li din id-deċiżjoni jkollha bażi fattwali suffiċjentement solida. Issa, kemm l-allegazzjonijiet tal-Kunsill marbuta ma’ “rabtiet mill-qrib mar-reġim” kif ukoll dawk marbuta ma’ allegat rwol bħala intermedjarju fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ żejt bejn ir-reġim u l-Istat Iżlamiku huma nieqsa minn kull bażi u għandhom għalhekk jiġu definittivament miċħuda.

Il-ħames motiv relatat mat-talba għad-danni bħala kumpens għad-danni sostnuti.

____________