Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Awwissu 2021 – Saure vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-524/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Hans-Wilhelm Saure (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Partsch, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2021 li tirrifjuta it-talba tar-rikorrent għal aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni, billi tipproduċi kopji tal-komunikazzjoni kollha tal-Kummissjoni mal-kumpannija AstraZeneca plc jew mas-sussidjarji tagħha, mal-Kanċellerija Federali tal-Ġermanja jew mal-Ministeru Federali għas-Saħħa rigward il-kumpannija Astra Zeneca plc jew is-sussidjarji tagħha mill-1 ta’ April 2020 u b’mod partikolari fir-rigward tal-kwantità ta’ vaċċini Covid-19 offruti minn AstraZeneca plc u d-data tal-kunsinna tagħhom,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1 . Ir-rifjut tal-Kummissjoni jikser dik id-dispożizzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-dritt ta’ aċċess tar-rikorrenti ma huwa prekluż minn ebda raġuni għal esklużjoni skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Din ir-raġuni għal esklużjoni hija limitata ratione temporis u tapplika biss għal proċeduri legali u konsultazzjonijiet pendenti. Il-proċeduri pendenti fil-Belġju kontra AstraZeneca bin-numru 2021/48/C jikkonċernaw fatti li huma kompletament differenti u li kienu diġà ġew deċiżi permezz tas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2021. Il-kundizzjonijiet għal interferenza mal-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja wkoll ma humiex issodisfatti, peress li l-proċeduri kollha li jistgħu jiġu affettwati diġà ntemmu.

____________

1     Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).