Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Awwissu 2021 – Girardi vs EUIPO

(Kawża T-497/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Giovanna Paola Girardi (Madrid, Spanja) (rappreżentant: G. Macías Bonilla, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla n-notifika maħruġa fl-14 ta’ Ġunju 2021 mid-Dipartiment tal-Operazzjonijiet fil-proċedura 50057C u fil-fajls l-oħra kollha fejn ir-rikorrenti/detentriċi għandha l-indirizz irreġistrat tagħha barra l-Unjoni Ewropea, li permezz tagħha r-rikorrenti ma tistax tirrappreżenta klijenti li d-domiċilju rreġistrat tagħhom huwa barra minn l-Unjoni

tiddikjara l-bidla fil-prattika introdotta fil-Linji Gwida tal-EUIPO fir-rigward tar-rappreżentanza professjonali ta’ avukati Spanjoli quddiem l-EUIPO (Anness 1, Taqsima 5, Parti A) illegali;

tikkundanna lill-Uffiċċju tal-Propjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq fuq ksur tat-Trattati, peress li l-EUIPO kisret il-prinċipji taċ-ċertezza legali, tal-aspettattivi leġittimi, tal-proporzjonalità u tan-nondiskriminazzjoni billi nnotifikat lir-rikorrenti b’irregolarità fis-setgħa li taġixxi bħala rappreżentant quddiem l-EUIPO għar-raġuni li fi Spanja, “abogados” jistgħu jirrappreżentaw biss klijenti li l-post ta’ residenza permanenti tagħhom huwa fl-Unjoni u klijenti li r-residenza permanenti tagħhom hija barra l-Unjoni għandhom ikunu rappreżentati minn rappreżentant professjonali li jkollu t-titlu “Agente Oficial de la Propiedad Industrial”.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 120 tar-Regolament (UE) 2017/1001 1 .

It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-EUIPO sabiex iċaħħad lill-avukati Spanjoli minn dritt li jeżisti mill-1996 li jipprattikaw b’mod sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet quddiem l-EUIPO.

____________

1 Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).