Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Awissu 2021 – Foz vs Il-Kunsill

(Kawża T-481/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Samer Foz (Dubai, l-Emirati Għarab Magħquda) (rappreżentant: L. Cloquet, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/855 tas-27 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja 1 sa fejn tapplika għar-rikorrent ;

–    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/848 tas-27 ta’ Mejju 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja 1 sa fejn tapplika għar-rikorrent ; u

–    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha tal-proċedura, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, skont liema l‑Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal‑fatti meta qies, minn naħa, li r-rikorrent appoġġja lir-reġim Sirjan u ħa vantaġġ minnu, u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrent huwa negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja.

____________

1  –    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/855 tas-27 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2021, L 188, p. 90).

1  –    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/848 tas-27 ta’ Mejju 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2021, L 188, p. 18).