Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Awwissu 2021 – Saure vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-506/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Hans-Wilhelm Saure (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Partsch, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li jingħata aċċess, kif mitlub mir-rikorrent, għad-dokumenti tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ġunju 2021, billi tipproduċi kopji tal-minuti kollha, sommarji, memoranda, noti, fajls tal-laqgħat, negozjati, deċiżjonijiet, proposti, traskrizzjonijiet, korrispondenza bil-posta elettronika, korrispondenza bil-posta, rekords telefoniċi (b’mod partikolari ta’ Advance Purchase Agreements) u kuntratti speċifiċi ma’ kumpanniji farmaċewtiċi għall-kunsinna ta’ vaċċini Covid19 għall-ġlieda kontra l-epidemija tal-Coronavirus tal-hekk imsejħa “Steering Committees” kif ukoll tal-“Joint Negotiations Teams”. Permezz ta’ Advance Purchase Agreements nifhmu kull kuntratt għax-xiri, kunsinna, sikurezza, riżervazzjoni jew żvilupp ta’ vaċċini Covid19 għall-Istati Membri tal-UE, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent għandu d-dritt li jaċċessa d-dokumenti inkwistjoni tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1 . Ir-rifjut tal-Kummissjoni jikser dik id-dispożizzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-dritt ta’ aċċess tar-rikorrent ma huwiex prekluż minn raġuni għal esklużjoni. B’mod partikolari, it-talba tar-rikorrent ma hijiex prekluża mir-raġuni għall-esklużjoni fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. It-trażmissjoni tal-informazzjoni mitluba hija meħtieġa għal numru ta’ skopijiet ta’ interess pubbliku. Għalhekk, interferenza possibbli mal-privatezza u mal-integrità tal-individwu hija permissibbli. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ interferenza għandu jintwera b’mod konkret u reali. Madankollu, il-konvenuta ma kkonformatx ma’ dan l-oneru tal-prova.

____________

1     Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).