Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2021 – Nomura International u Nomura Holdings vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-455/21)

Lingwa tal-kawża: l-Inġliż

Partijiet

Rikorrenti: Nomura International plc (Londra, ir-Renju Unit), Nomura Holdings, Inc. (Tokjo, il-Ġappun) (rappreżentanti: W. Howard, avukat, M. Demetriou u C. Thomas, Barristers-at-law, u N. Seay u S. Whitfield, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-raba’ inċiż tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2021 fil-Każ AT.40324 (Bonds tal-Gvernijiet Ewropej) dwar proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (id- “Deċiżjoni”), fl-intier tiegħu jew parzjalment, u b’hekk tannulla l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni tar-responsabbiltà kontra r-rikorrenti fl-intier jew parzjalment;

sussidjarjament, tannulla it-tieni inċiż tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, fl-intier jew parzjalment, u b’hekk tannulla l-multa kontra r-rikorrenti fl-intier jew parzjalment;

b’mod iktar sussidjarju, tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuq ir-rikorrenti skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni sa tali ammont kif il-Qorti Ġenerali jidhrilha xieraq; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispjjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fil-konstatazzjoni li r-rikorrenti wettqu ksur ‘minħabba l-għan’ tal-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni ta’ fatt u/jew ta’ dritt fil-klassifikazzjoni tal-Kummissjoni tal-kuntatti inkwistjoni u konsegwentement il-konklużjoni tagħha li huma antikompetittivi.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni ta’ fatt u/jew ta’ dritt fir-rigward tat-tul tal-perijodu allegat ta’ ksur tar-rikorrenti.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni ta’ fatt u/jew ta’ dritt fil-konklużjoni li hemm ksur wieħed u kontinwu bejn it-18 ta’ Jannar 2011 u t-28 ta’ Novembru 2011.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur allegat ta’ ħtiġijiet proċedurali essenzjali u ta’ Trattati fir-rigward tar-responsibbiltà, inkluż fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-Kummissjoni tal-konstatazzjonijiet tagħha, il-mod li bih ikklassifikat il-kuntatti rilevanti u ksur ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-determinazzjoni tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti.

Is-sitt motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni ta’ fatt bl-adozzjoni ta’ valur ta’ prokura tal-bejgħ li hija bbażata fuq suppożizzjonijiet li huma żbaljati materjalment bħala kwistjoni ta’ fatt, u l-użu tiegħu ma ġiex ġustifikat mill-Kummissjoni; barra minn hekk, anki fuq it-termini tagħha stess, il-metodoloġija proposta hija difettuża.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt ta’ ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ proporzjonalità, ugwaljanza fit-trattament u li l-multa għandha tkun speċifika għal min wettaq il-ksur fir-rigward tal-kalkolu tal-multa tar-rikorrenti bbażata fuq il-valur ta’ prokura tal-bejgħ tal-Kummissjoni.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur allegat tad-dritt tad-difiża u d-dmir li jingħataw ir-raġunijiet fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-Kummissjoni tal-valur ta’ prokura tal-bejgħ.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni ta’ fatt u l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-karatterizzazzjoni tal-gravità tal-involviment tar-rikorrenti fil-ksur allegat.

L-għaxar motiv ibbażat fuq nuqqas allegat li jiġi rikonoxxut ir-rwol limitat tar-rikorrenti bħala ċirkustanza mitiganti meta tiġi kkalkulata l-multa tar-rikorrenti.

____________