Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2021 – Polskie sieci elektroenergetyczne vs ACER

(Kawża T-484/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Polskie sieci elektroenergetyczne S.A. (Konstancin-Jeziorna, il-Polonja) (rappreżentanti: S. Goldberg, A. Galos u E. White, avukati)

Konvenut: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fil-Każ A-001-2021 (konsolidata) tal-ACER tat-28 ta’ Mejju 2021 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ikkontestata”) li tiċħad it-talbiet għall-annullament u għar-ritrattazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 30/2020 tat-30 ta’ Novembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Aġenzija”) fuq il-proposta tat-TSO tar-reġjun prinċipali bil-kapaċità “Core” ikkalkolata dwar il-metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tat-tpartit (iktar ’il quddiem il-“Metodoloġija RDCTCS”);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-iżbalji ta’ liġi segwenti: żball ta’ liġi mill-Bord tal-Appell meta ddeċieda li l-kompetenza tal-ACER ma kinitx limitata mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku 1 , u li l-ACER kienet effettivament kompetenti biex tadotta miżuri li jippenalizzaw tranżazzjonijiet bejn iż-żoni b’mod mhux kompatibbli mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament dwar is-suq intern tal-elettriku; żball ta’ liġi mill-Bord tal-Appell meta injora l-limiti tal-kompetenza tal-ACER li jirriżultaw mill-Artikolu 9(11) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni 2 , u żball ta’ liġi meta ddeċieda li l-kompetenza tal-ACER hija “kkonferita” mill-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija 3 .

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas mill-Bord tal-Appell li jipprovdi motivazzjoni xierqa għad-deċiżjoni tiegħu bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Bord tal-Appell iddeċieda li d-dekompożizzjoni tal-flussi ma tikkontradixxix id-definizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-Metodoloġija RDCTCS tal-ACER.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Bord tal-Appell iddeċieda li d-dekompożizzjoni tal-flussi fil-Metodoloġija RDCTCS tal-ACER (stima żejda fil-flussi ċirkolari (Loop Flow (LF)) ta’ żoni tal-offerta li jimportaw) ma tiksirx l-Artikolu 74(6)(c) u (i) tar-Regolament tal-Kummissjoni 2015/1222.

Il-ħames motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Bord tal-Appell iddeċieda li l-valur ta’ 10 % limitu għall-flussi ċirkolari (Loop Flow (LF)) stabbilit mill-ACER ma huwiex għoli wisq, liema deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, kif stabbilit fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943.

____________

1 ĠU 2019, L 158, p. 54.

1 ĠU 2015, L 197, p. 24.

1 ĠU 2019 L 158, p. 22.