Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ April 2024 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Mercantil de Palma de Mallorca - Spanja) – Eventmedia Soluciones SL vs Air Europa Líneas Aéreas SAU

(Kawża C-173/23 1 , Air Europa Líneas Aéreas)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montreal – Artikolu 19 – Kumpens għad-danni kkawżati minħabba dewmien fit-trasport tal-bagalji – Ċessjoni lil kumpannija kummerċjali tal-kreditu tal-passiġġier fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru – Klawżola kuntrattwali li tipprojbixxi tali ċessjoni – Direttiva 93/13/KE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikoli 6(1) u 7(1) – Stħarriġ ex officio tan-natura inġusta tal-klawżola li tipprojbixxi ċ-ċessjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri – Modalitajiet ta’ dan l-istħarriġ fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija ċessjonarja u t-trasportatur tal-ajru – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prinċipju ta’ kontradittorju)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Mercantil n.o 1 de Palma de Mallorca

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Eventmedia Soluciones SL

Konvenuta: Air Europa Líneas Aéreas SAU

Dispożittiv

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività,

għandhom jiġi interpretat fis-sens li:

il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola, inkluża fil-kuntratt ta’ trasport konkluż bejn passiġġier tal-ajru u trasportatur tal-ajru, li tipprojbixxi ċ-ċessjoni tad-drittijiet li dan il-passiġġier kien igawdi fir-rigward ta’ dan it-trasportatur, meta dik il-qorti tkun adita b’azzjoni għal kumpens imressqa, kontra l-imsemmi trasportatur, minn kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu għad-danni tal-imsemmi passiġġier, sakemm din il-kumpannija jkollha jew kellha l-possibbiltà effettiva li tinvoka, quddiem l-imsemmija qorti, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżola inkwistjoni.

il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jekk, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, l-istess qorti jkollha l-possibbiltà jew l-obbligu li tevalwa ex officio jekk klawżola tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija għandu jkollha wkoll il-possibbiltà jew l-obbligu li tevalwa ex officio jekk tali klawżola tmurx kontra l-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan l-għan.

Il-prinċipju ta’ kontradittorju għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-qorti nazzjonali tikkonstata ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ trasport konkluż bejn passiġġier tal-ajru u trasportatur tal-ajru fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens imressqa, kontra dan it-trasportatur, minn kumpannija kummerċjali ċessjonarja tal-kreditu għad-danni ta’ dan il-passiġġier fir-rigward tal-imsemmi trasportatur, dik il-qorti la għandha l-obbligu li tinforma b’dan lill-imsemmi passiġġier u lanqas ma għandha l-obbligu li tistaqsih jekk għandux l-intenzjoni li jinvoka n-natura inġusta ta’ din il-klawżola jew jekk jagħtix il-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti għandha tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża pendenti quddiemha, sabiex tagħtihom il-possibbiltà li jsostnu l-argumenti rispettivi tagħhom fil-kuntest ta’ dibattitu kontradittorju, u tiżgura ruħha mill-fatt li l-kumpannija kummerċjali ċessjonarja tixtieq li l-imsemmija klawżola tiġi ddikjarata inapplikabbli.

____________

1     ĠU C 223, 26.06.2023.