Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Jannar 2010 - Munch vs UASI

(Kawża F-6/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Yannick Munch (Barcelona, Spanja) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Suġġett

Minn naħa, annullament tal-klawżola fil-kuntratt tar-rikorrent li tipprevedi x-xoljiment awtomatiku tal-kuntratt ta' impjieg fil-każ li r-rikorrent ma jintgħażilx bħala riżultat ta' kompetizzjoni esterna organizzata mill-UASI u, min-naħa l-oħra, dikjarazzjoni li l-kompetizzjonijiet OHMI/AD/01/07, OHMI/AD/02/07, OHMI/AST/01/07 u OHMI/AST/02/02 ma għandhom ebda impatt fuq il-kuntratt tar-rikorrent. Fl-aħħar nett, talba għad-danni.

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku:

jannulla d-deċiżjonijiet tal-UASI li jinsabu fl-ittra tat-12 ta' Marzu 2009 u li permezz tagħhom ġie stabbilit it-tmiem tar-relazzjoni ta' impjieg tar-rikorrent b'applikazzjoni ta' perijodu ta' 7 xhur, li jiddekorri mis-16 ta' Marzu 2009, bħala perijodu ta' avviż preliminari għax-xoljiment, u jikkonferma l-kontinwazzjoni tar-relazzjoni ta' impjieg, li ma ġietx xolta, bejn ir-rikorrent u l-UASI. Fil-każ li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jidhirlu neċessarju, ir-rikorrent jitlob l-annullament tal-att sussegwenti tal-UASI, li fil-fehma tar-rikorrent mhuwiex att awtonomu, tad-9 ta' Ottubru 2009 (ċaħda tal-ilment).

jannulla jew jiddikjara n-nullità tal-klawżola ta' xoljiment li tinsab fl-Artikolu 5 tal-kuntratt ta' impjieg tar-rikorrent mal-UASI; sussidjarjament,

jiddikjara li lanqas fil-futur ix-xoljiment tal-kuntratt ta' impjieg tar-rikorrent ma jista' jiġi bbażat fuq il-klawżola ta' xoljiment li tinsab f'dan il-kuntratt;

jikkonferma, b'mod iktar sussidjarju, li, fi kwalunkwe każ, il-kompetizzjonijiet indikati fl-ittra tal-UASI tat-12 ta' Marzu 2009 ma setgħtux idaħħlu fis-seħħ l-effetti negattivi tal-klawżola ta' xoljiment.

jikkundanna lill-UASI jikkumpensa lir-rikorrent, f'ammont adegwat stabbilit mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b'mod ekwu, għad-danni morali u immaterjali mġarrba minnu b'konsegwenza tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-ewwel punt ta' dawn it-talbiet.

jikkundanna lill-UASI - wara li jkun ikkonferma l-obbligu ta' dan tal-aħħar li jżomm lir-rikorrent bħala impjegat tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet u li jerġa' jdaħħlu fis-servizz tiegħu - jikkumpensa kompletament lir-rikorrent għad-danni materjali mġarrba minnu, b'mod partikolari billi jħallaslu d-dħul eventwali bl-arretrati kollha u l-ispejjeż addizzjonali kollha li huwa ġarrab minħabba l-aġir illegali tal-UASI (filwaqt li jnaqqas il-benefiċċji ta' qgħad li huwa rċieva).

Sussidjarjament, fil-każ li minħabba motivi ta' dritt jew ta' fatt ir-rikorrent ma jiġix integrat mill-ġdid fis-servizz tal-UASI u/jew ma titkompliex ir-relazzjoni ta' impjieg taħt l-istess kundizzjonijiet, jikkundanna lill-UASI jikkumpensa lir-rikorrent għad-dannu materjali mġarrab minnu minħabba l-waqfien illegali tal-impjieg tar-rikorrent, u dan f'ammont ugwali għad-differenza bejn id-dħul li huwa mistenni jikseb matul ħajtu u d-dħul li r-rikorrent kien jirċievi li kieku l-kuntratt ma ġiex xolt, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet għall-pensjoni u benefiċċji oħra.

Minn tal-inqas, fi kwalunkwe każ, jirrikonoxxi li r-rikorrent huwa intitolat, minħabba d-dannu materjali mġarrab minnu b'konsegwenza tal-waqfien illegali tal-impjieg tiegħu, għal kumpens f'ammont ugwali għad-differenza bejn id-dħul riċevut sal-15 ta' Ottubru 2009 u d-dħul li r-rikorrent kien jirċievi li kieku l-kuntratt ma ġiex xolt qabel il-15 ta' Novembru 2009, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet għall-pensjoni u benefiċċji oħra.

jikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

____________