Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' April 2007 - Siemens Transmission & Distribution u Nuova Magrini Galileo vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-124/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Siemens Transmission & Distribution (Grenoble, Franza) u Nuova Magrini Galileo (Bergamo, l-Italja) (rappreżentanti: H. Wollmann u F. Urlsberger, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn jgħid li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81 KE u /jew l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE waqt il-perijodu bejn il-15 ta' April 1988 sat-13 ta' Diċembru 2000, bejn l-1 ta' April 2002 sad-9 ta' Ottubru 2002, u bejn l-21 ta' Jannar 2004 sal-11 ta' Mejju 2004;

tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta mill-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata għal ammont ta' mhux iktar minn EUR 2,750,000 għall-ewwel rikorrenti u ta' EUR 1,000,000 għat-tieni rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Jannar 2007, C (2006) 6762 finali, fil-każ COMP/F/38.899 - switchgear insulat bil-gass. Fid-deċiżjoni kkontestata ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u impriżi oħra għall-ksur ta' l-Artikolu 81 KE kif ukoll l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Skond il-Kummissjoni r-rikorrenti ħadu sehem f'sensiela ta' ftehim u prattiċi miftiehma fir-rigward tas-settur tas-"switchgear insulat bil-gass".

In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu qabel kollox il-ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE, ta' l-Artikolu 23(2) u (3), tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1/20031, tas-16 ta' Diċembru 2002, kif ukoll ta' l-Artikolu 25 ta' dan ir-Regolament. F'tali kuntest, ir-rikorrenti jilmentaw li l-multa imposta fuqhom hija iktar minn 10% tal-qliegħ għas-sena ta' negozju preċedenti għad-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kkunsidratx iċ-ċirkustanzi individwali ta' l-impriżi li huma responsabbli in solidum magħhom u l-ammonti tal-multi imposti fuq id-debituri rispettivi huma inġusti u inkomprensibbli. Barra minn hekk, il-konvenuta tat wisq rilevanza lid-dewmien tal-ksur allegat u ma kkunsidratx, b'mod żbaljat, li parti kbira minnu kien diġà preskritt. Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta' l-ewwel motiv qed jiġi sostnut li l-Kummissjoni ddeċidiet mingħajr provi konklużivi li l-ksur allegat kellu bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-Komunità sal-31 ta' Diċembru 2000.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jaffermaw li l-Kummissjoni kienet kisret il-forom sostanzjali. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jilmentaw il-ksur tad-dritt li jinstemgħu.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1)