Language of document : ECLI:EU:T:2012:292

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

13 ta’ Ġunju 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali HELLIM — Trade mark Komunitarja kollettiva verbali preċedenti HALLOUMI — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 — Dritt għal smigħ — Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑534/10,

Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias, stabbilit f’Nikosija (Ċipru), inizjalment irrappreżentat minn C. Milbradt u H. Van Volxem, sussegwentement minn C. Milbradt u A. Schwarz, avukati,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Garmo AG, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tal-20 ta’ Settembru 2010 (Kawża R 794/2010-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn l-Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias u Garmo AG,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro (Relatur) u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Novembru 2010,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Marzu 2011,

wara li rat id-deċiżjoni tal-15 ta’ April 2011 li tirrifjuta li tawtorizza l-preżentata ta’ replika,

wara s-seduta tas-16 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-24 ta’ Ottubru 2005, Garmo AG ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali HELLIM.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu b’mod partikolari mad-deskrizzjoni segwenti: “Ħalib u prodotti tal-ħalib”.

4        L-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 14/2006, fit-3 ta’ April 2006.

5        Fis-26 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrent, l-Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias, ressaq oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja kollettiva verbali preċedenti HALLOUMI, li saret l-applikazzjoni għaliha fit-22 ta’ Frar 1999 u ġiet irreġistrata fl-14 ta’ Lulju 2000 bin-numru 1082965, li tkopri l-prodotti tal-klassi 25 u li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti: “Ġobon”.

7        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

8        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni minħabba li, minkejja l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni, ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali HELLIM u HALLOUMI. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonstatat li s-sinjali kunfliġġenti ma kinux viżivament u fonetikament simili. Kunċettwalment, is-sinjali kunfliġġenti jippreżentaw ċertu xebh għall-konsumaturi, peress li ż-żewġ termini jintużaw biex jirreferu għal ġobon speċjali. Barra minn hekk, il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti kien dgħajjef f’Ċipru, peress li l-kelma “halloumi” tirreferi għal ġobon speċjali Ċiprijott. Minħabba dan il-karattru deskrittiv tat-trade mark preċedenti, ix-xebh kunċettwali ma jistax jikkumpensa għad-differenzi viżivi u fonetiċi bejn is-sinjali kunfliġġenti, b’tali mod li ma kien hemm ebda probabbiltà ta’ konfużjoni.

9        Fis-7 ta’ Frar 2010, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell ċaħad l-appell. L-ewwel nett, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa qabel mal-konklużjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li ma ġewx ikkontestati mill-partijiet, li jgħidu li l-prodotti inkwistjoni kienu identiċi jew jixxiebhu. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 21 u 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li x-xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali kien dgħajjef. Fuq livell kunċettwali, huwa kkonstata, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-Tork ma kinitx lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li t-tifsira possibbli ta’ “hellim” fit-Tork ma kinitx deċiżiva għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li l-pubbliku ser jirrikonoxxi l-isem ta’ ġobon speċjali Ċiprijott, dan ma jkollu ebda impatt, peress li dan huwa isem purament deskrittiv li ma jistax jintuża bħala bażi biex jitqabblu s-sinjali. Il-paragun kunċettwali għalhekk ikun newtrali. It-tielet nett, fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li t-trade mark preċedenti kienet kollettiva ma kellhiex bħala konsegwenza li l-imsemmija trade mark kellha karattru distintiv medju. Il-Bord tal-Appell osserva li t-trade mark kollettiva tiddistingwi ruħha mit-trade mark individwali permezz tal-fatt li r-raġuni għar-rifjut tal-indikazzjoni ġeografika deskrittiva ma tapplikax għaliha, peress li t-trade mark kollettiva tiddistingwi l-prodotti li tipproteġi skont l-oriġini tagħhom ta’ kollettività ta’ manifatturi reġjonali. Fid-dawl tal-karattru distintiv dgħajjef tat-trade mark preċedenti u d-dgħufija tax-xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, anki fil-preżenza ta’ prodotti identiċi jew li jixxiebhu.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti matul il-proċedura tal-appell.

12      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

13      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi, ibbażati fuq ksur, minn naħa, tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li hemm probabbiltà ta’ tali konfużjoni, u min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 63(2) tal-imsemmi regolament, peress li d-dritt tiegħu li jinstema’ ma ġiex irrispettat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

14      Essenzjalment, ir-rikorrent jilmenta li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, minn naħa, li s-sinjali kunfliġġenti kellhom grad dgħajjef ta’ xebh viżiv u fonetiku u, min-naħa l-oħra, li l-paragun kunċettwali kien newtrali.

15      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, fuq oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tiġi milqugħa meta “minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

16      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni [ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Boston Scientific vs UASI — Terumo (CAPIO), T‑325/06, Ġabra p.II‑0174, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata, ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 29, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 17].

17      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku għandha tiġi evalwata b’mod globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza CAPIO, punt 16 iktar ’il fuq, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 22; Canon, punt 16 iktar ’il fuq, punt 16, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata fil-punt 16 iktar ’il fuq, punt 18).

18      Din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, livell dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u vice versa [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C-234/06 P, Ġabra p. I-7333, punt 48; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI — Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 25; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Canon, punt 16 iktar ’il fuq, punt 17]. L-interdipendenza bejn dawn il-fatturi hija espressa fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 207/2009, li tistipula li l-kunċett ta’ xebh għandu jiġi interpretat fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-evalwazzjoni tiegħu tiddependi fuq numru ta’ fatturi, b’mod partikolari, kemm it-trade mark hija magħrufa fis-suq, l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bejn it-trade mark u s-sinjal użat jew irreġistrat, il-livell ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti (ara s-sentenza CAPIO, punt 16 iktar ’il fuq, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Barra minn hekk, billi l-probabbiltà ta’ konfużjoni hija saħansitra ogħla iktar mal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jkun qawwi, it-trade marks li għandhom karattru distintiv qawwi, jew intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin fis-suq, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar baxx (ara s-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Għaldaqstant, għall-finijiet tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jista’ jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, minkejja li jkun hemm livell dgħajjef ta’ xebh bejn it-trade marks, meta x-xebh ta’ prodotti jew servizzi koperti minnhom ikun kbir u l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jkun qawwi (ara s-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 16 iktar ’il fuq, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fl-aħħar għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa preżunt li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumatur medju rarament ikollu l-possibbiltà jagħmel paragun dirett tad-diversi trade marks, iżda jkollu joqgħod fuq l-immaġni imperfetta tagħhom li huwa jiftakar. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI — Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punt 28, u tat-30 ta’ Ġunju 2004, BMI Bertollo vs UASI — Diesel (DIESELIT), T-186/02, Ġabra p. II-1887, punt 38; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 16 iktar ’il fuq, punt 26].

22      F’dan il-każ, kif ġustament ikkunsidra l-Bord tal-Appell fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma huwa kkontestat mir-rikorrent, il-pubbliku rilevanti jikkonsisti fil-pubbliku ġenerali tal-Unjoni, peress li, minn naħa waħda, il-prodotti inkwistjoni kienu ikel għal użu ta’ kuljum u, min-naħa l-oħra, it-trade mark preċedenti kienet trade mark Komunitarja.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

23      L-ewwel nett, fir-rigward tax-xebh viżiv, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali kunfliġġenti t-tnejn li huma jibdew bl-istess ittra, jiġifieri l-ittra “h”, kif ukoll li fihom l-ittri “ll” u li għandhom, fl-aħħar tal-kelma, l-ittri “i” u “m”, iżda f’ordni differenti, jiġifieri “mi” u “im”. Madankollu, viżivament, id-differenzi li jirriżultaw mill-istruttura rispettiva tal-kliem, l-użu ta’ vokali differenti, l-arranġament tal-ittri u t-tul tagħhom, jagħtu l-impressjonili, globalment, is-sinjali kunfliġġenti ma humiex, kif kienet diġà kkonstatat id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, viżivament simili [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs UASI — Kolene (NU-TRIDE), T‑224/01, Ġabra p. II‑1589, punt 46].

24      F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrent, li jeżisti grad medju ta’ xebh viżiv peress li ħamsa mis-sitt ittri tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jinsabu fit-trade mark preċedenti, jiġifieri l-ittri “h”, “i”, u “m” kif ukoll iż-żewġ “l”, ma jistax jiġi aċċettat, minħabba l-ħtieġa ta’ evalwazzjoni globali tad-diversi elementi li jikkostitwixxu s-sinjali kunfliġġenti, b’mod partikolari l-kompożizzjoni tagħhom u t-tul u l-arranġament tal-ittri li jifformaw l-imsemmija sinjali.

25      It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna x-xebh fonetiku, huwa veru, kif ġie rrilevat mill-Bord tal-Appell fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fiha żewġ sillabi, filwaqt li t-trade mark preċedenti fiha tlieta. Barra minn hekk, il-ħsejjes tas-sillabi rispettivi tas-sinjali huma differenti. Fil-fatt, ħlief għall-ewwel sillabi tas-sinjali kunfliġġenti, jiġifieri “he” u “ha”, li jista’ jkollhom ċertu xebh, il-kumplament tal-imsemmija sinjali huma, minħabba l-użu ta’ vokali differenti, tal-arranġament u n-numru ta’ ittri li jikkomponuhom, differenti ħafna, b’mod li, globalment, is-sinjali kunfliġġenti ma humiex, kif kien diġà ġie kkonstatat mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fonetikament simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza NU-TRIDE, punt 23 iktar ’il fuq, punt 47).

26      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ippreċiża, waqt is-seduta, li l-eżami tal-Bord tal-Appell twettaq b’mod żbaljat, peress li fir-raġunament tiegħu l-kelma “hellim” hija ppronunzjata minn xi wħud mill-pubbliku rilevanti bħala “hellimi”. Fil-fatt, il-pubbliku Ċiprijott għandu tendenza jżid vokali fl-aħħar tal-kliem li ma jkollhomx din il-vokali fl-aħħar. Minn dan isegwi li hemm grad medju ta’ xebh fonetiku.

27      L-UASI jsostni li dan il-punt ta’ fatt ma tqajjimx fil-proċedura amministrattiva u li dan huwa punt ġdid.

28      Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, fi proċedimenti li jikkonċernaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-eżami għandu jkun limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet. B’hekk, fir-rigward ta’ raġuni relattiva għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, punti ta’ liġi u ta’ fatt li jitressqu quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma kienu tressqu qabel quddiem il-Bord tal-Appell ma jistgħux jaffettwaw il-legalità ta’ deċiżjoni tal-imsemmi bord [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punt 54, sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Frar 2005, Cervecería Modelo vs UASI — Modelo Continente Hipermercados (NEGRA MODELO), T‑169/02, Ġabra p. II‑505, punt 22, u tas-17 ta’ Marzu 2010, Mäurer + Wirtz vs UASI — Exportaciones Aceiteras Fedeoliva (tosca de FEDEOLIVA), T-63/07, Ġabra p. II-957, punt 22].

29      Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, mogħtija lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009, punti ta’ liġi u ta’ fatt li jiġu invokati quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma jkunu tressqu qabel quddiem id-dipartimenti tal-UASI ma jistgħux jiġu eżaminati sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u għalhekk għandu jiġi ddikjarat inammissibbli (sentenza NEGRA MODELO, punt 28 iktar ’il fuq, punti 22 u 23, u tosca de FEDEOLIVA, punt 28 iktar ’il fuq, punt 23).

30      Issa ma jirriżultax mill-fajl tal-UASI li r-rikorrent invoka, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li l-pubbliku Ċiprijott jippronunzja l-kelma “hellim” billi jżid “i” fi tmiem ta’ din il-kelma. Barra dan, għalkemm id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonstatat, kuntrarjament għall-Bord tal-Appell, li ma kienx hemm xebh fonetiku bejn is-sinjali kunfliġġenti, kien ir-rikorrent li kellu jsostni, fil-kuntest tal-appell tiegħu quddiem il-Bord tal-Appell, li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għaliha tista’ tiġi ppronunzjata “hellimi”, ħaġa li huwa ma wettaqx.

31      Minn dan isegwi li skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, l-argument imqajjem mir-rikorrent fl-istadju tal-proċedura orali għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

32      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma sostniex, permezz ta’ provi tanġibbli, l-allegazzjoni li l-kelma “hellim” tiġi ppronunzjata mill-pubbliku Ċiprijott bħala “hellimi”.

33      Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jassumi li r-rikorrent huwa intitolat li jinvoka dan l-argument fl-istadju tar-rikors kif hu jallega li għamel, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar, fuq dan il-punt speċifiku, huwa fformulat hekk: “Barra minn hekk, wieħed jistaqsi fuq liema lingwa l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu sabiex ikkonkluda li s-serje ta’ vokali ta’ ‘Hellim’ għandha sonorità iktar ċara minn ‘Halloumi’. Bl-Ingliż, il-pronunzja tal-ittra ‘a’ tixbah lill-ittra ‘e’, li ssaħħaħ ħafna x-xebh tal-ħoss.”

34      Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrent waqt is-seduta, bl-ebda mod ma jirriżulta minn din id-dikjarazzjoni li dan invoka ruħu mill-allegata pronunzja mill-pubbliku Ċiprijott tal-kelma “hellimi”.

35      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, jekk ir-rikorrent kellu l-intenzjoni li jinvoka quddiem il-Qorti Ġenerali l-allegata pronunzja mill-pubbliku Ċiprijott, huwa neċessarjament kien jikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li huwa ddedikat għall-eżami tax-xebh fonetiku, li t-trade mark preċedenti kellha tliet sillabi u-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha kellha żewġ sillabi, peress li, kuntrarjament għall-kelma “hellim”, il-kelma “hellimi” tikkonsisti fi tliet sillabi, jiġifieri “hel”, “li” u “mi”.’ Issa huwa lanqas ma kkontesta din il-konstatazzjoni fil-kuntest tar-rikors tiegħu.

36      It-tielet nett, fir-rigward tax-xebh kunċettwali, il-Bord tal-Appell, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidra, li l-paragun kunċettwali kien newtrali. F’dan ir-rigward, huwa kkonstata, mill-bidu, li t-Tork ma kienx inkluż fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, b’tali mod li tifsira possibbli tal-kelma Torka “hellim” ma kinitx deċiżiva għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, anki jekk il-pubbliku jirrikonoxxi l-isem ta’ ġobon speċjali Ċiprijott, dan ma għandux iktar influwenza fuq l-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-sinjali, peress li dan huwa isem purament deskrittiv li ma jistax jintuża bħala bażi għat-tqabbil tas-sinjali.

37      Din l-analiżi ma tistax tiġi kkonfermata.

38      Fil-fatt, kif jirrikonoxxi wkoll l-UASI fir-risposta tiegħu, jekk it-Tork mhux elenkat fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, huwa madankollu stabbilit li huwa jidher bħala waħda mil-lingwi uffiċjali tar-Repubblika ta’ Ċipru. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li t-Tork jista’ jinftiehem u jiġi mitkellem minn parti mill-popolazzjoni ta’ Ċipru.

39      Fil-kuntest tax-xebh kunċettwali, hija l-opinjoni tal-konsumatur ta’ territorju tal-Unjoni li għalih iż-żewġ kelmiet għandhom tifsira li jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni.

40      Madankollu, fir-rigward tal-analiżi li tikkonċerna t-tifsira preċiża tal-kliem li qegħdin fis-sinjali kunfliġġenti, għandu jiġi kkonstatat li l-paragun kunċettwali ma jistax ikun newtrali meta jkun hemm tifsira speċifika tas-sinjali fil-lingwa tal-pubbliku rilevanti [ara, b’kuntrast, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI — Educational Services (ELS), T‑388/00, Ġabra p. II‑4301, punt 74].

41      F’dan il-każ, huwa stabbilit li, kunċettwalment, il-kelma Griega “halloumi” hija tradotta fit-Tork bil-kelma “hellim”. F’din il-perspettiva, ma jistax jiġi kkontestat li l-konsumatur medju ta’ Ċipru, fejn il-Grieg u t-Tork huma l-lingwi uffiċjali, jifhem li l-kliem “halloumi” jew “hellim” jirreferu, it-tnejn li huma, għall-istess ġobon speċjali Ċiprijott [ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2005, Osotspa vs UASI — Distribution & Marketing (Hai), T-33/03, Ġabra p. II-763, punt 51, u li tikkonċerna t-trade mark kollettiva Rioja u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Riojavina, sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ġunju 2010, Muñoz Arraiza vs UASI — Consejo Regulador de la Denominación de Origen Califícada Rioja (RIOJAVINA), T-138/09, Ġabra p. II-2317, punt 52].

42      Minn dan isegwi li jeżisti ċertu xebh kunċettwali, li jeħtieġ traduzzjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hai, punt 41 iktar ’il fuq, punt 53).

43      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, kif kien ikkunsidrat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

44      Minn naħa waħda, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li iktar mal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jkun qawwi, iktar tiżdied il-probabbiltà ta’ konfużjoni tat-trade marks li għandhom karattru distintiv qawwi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li x-xebh kunċettwali li jirriżulta mill-fatt li żewġ trade marks jużaw sinjali li jaqblu bejniethom fil-kontenut semantiku tagħhom jista’ joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ fejn it-trade mark preċedenti jkollha karattru distintiv partikolari, jew intrinsiku, jew minħabba l-fama li hija jkollha fis-suq (ara s-sentenza Hai, punt 41, iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza SABEL, punt 17 iktar ’il fuq, punt 24, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali Koubi vs UASI — Flabesa (CONFORFLEX), T-10/03, Ġabra p. II-719, punt 50).

45      Barra minn hekk, skont din l-istess ġurisprudenza, is-sempliċi xebh kunċettwali bejn it-trade marks ma huwiex biżżejjed biex joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni f’ċirkustanzi fejn it-trade mark preċedenti ma hijiex partikolarment magħrufa u tikkonsisti f’sinjal bi ftit elementi immaġinarji (sentenzi SABEL, punt 17 iktar ’il fuq, punt 25, u Hai, punt 41 iktar ’il fuq, punt 55).

46      Fil-punti 25 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, ikkunsidra li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti kienet imdgħajfa mit-tifsira deskrittiva tal-kelma “halloumi”, b’tali mod li t-trade mark preċedenti kienet deskrittiva tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri l-ġobon. Dan is-sinjal jiddeskrivi, skont il-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, “in-natura u tip ta’ ġobon, hekk ikklassifikat, u mhux l-oriġini ġeografika jew karatteristiċi oħra indikati minn partikolaritajiet reġjonali.”

47      Għall-kuntrarju, ir-rikorrent isostni, li l-karatteristiċi partikolari li jirriżultaw mill-fatt li t-trade mark preċedenti hija trade mark kollettiva, li tindika mhux biss li l-ġobon joriġina minn xi impriżi, jiġifieri l-membri tiegħu, iżda wkoll u neċessarjament li l-imsemmi ġobon għandu oriġini ġeografika (post ta’ produzzjoni speċifika, riċetta speċjali magħmula minn ħalib minn Ċipru), ma ttieħdux biżżejjed inkunsiderazzjoni. Għalhekk, il-karatteristiċi speċifiċi tat-trade mark kollettiva, li r-reġistrazzjoni tagħha hija prevista mill-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jippreġudikaw lir-rikorrent jew jissuġġerixxu indebboliment tal-karattru distintiv tal-imsemmija trade mark, iżda għandhom pjuttost iwasslu għal preżunzjoni tal-eżistenza ta’ karattru distintiv minn tal-inqas medju.

48      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

49      Fil-fatt, preliminarjament, għandu jiġi osservat li peress li l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi għal eżenzjoni għar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament, huwa għandu jiġi interpretat b’mod strett [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2011, Consejo Regulador de la Denominación de Origen Txakoli de Álava et vs UASI (TXAKOLI), T-341/09, Ġabra p. II‑2373, punt 35].

50      Kif ġustament indika l-UASI, għalkemm huwa veru li l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade marks kollettivi, minkejja l-fatt li jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1)(c) tal-imsemmi regolament, jirriżulta espressament mit-tieni sentenza tal-Artikolu 66(2) ta’ dan l-istess regolament li trade mark kollettiva ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprekludi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet, sakemm huwa jużahom skont il-prattika onesta fl-oqsma tal-industrija u tal-kummerċ; b’mod partikolari, din it-trade mark ma tistax tiġi invokata kontra terza persuna li hija intitolata li tuża isem ġeografiku.

51      Minn dan isegwi li, minħabba l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa biss fl-istadju ta’ reġistrazzjoni li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ trade mark saru inqas restrittivi, sa fejn it-trade marks deskrittivi jistgħu, b’deroga mill-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, jibbenefikaw minn reġistrazzjoni.

52      Ir-reġistrazzjoni bħala trade mark kollettiva ma tistax għalhekk, fiha nnifisha, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, tikkostitwixxi preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ karattru distintiv, b’tali mod li l-Bord tal-Appell kien korrett meta kkunsidra li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti kellu jitqies li huwa dgħajjef.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, anki fir-rigward ta’ trade mark preċedenti b’karattru distintiv dgħajjef, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, speċjalment meta l-prodotti inkwistjoni jkunu identiċi u s-sinjali kunfliġġenti jixxiebhu [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2011, Sociedad Agricola Requingua vs UASI — Consejo Regulador de la Denominación de Origen Toro (TORO DE PIEDRA), T-358/09, Ġabra p.II‑0105, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata].

54      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba n-nuqqas ta’ xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali kunfliġġenti, minkejja l-identiċità jew xebh tal-prodotti kkonċernati, ma jistax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fl-imħuħ tal-pubbliku kkonċernat meta l-eżistenza tax-xebh kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti ma tkunx, fil-każ ta’ trade mark preċedenti deskrittiva, biżżejjed sabiex jiġi konkluż li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni.

55      F’dan il-każ, minkejja l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti inkwistjoni, fin-nuqqas ta’ karattru distintiv partikolari tat-trade mark preċedenti u minħabba l-karattru deskrittiv ta’ din tal-aħħar, is-sempliċi xebh kunċettwali ma huwiex biżżejjed biex joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni.

56      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien korrett meta kkonkluda li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u trade mark preċedenti skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, b’tali mod li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009

57      Ir-rikorrent isostni li, billi ma ħax inkunsiderazzjoni r-replika tiegħu tal-20 ta’ Settembru 2010, ippreżentata fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba li d-dritt tiegħu li jinstema’ ma ġiex irrispettat.

58      Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma indikax, fir-rikors tiegħu, l-argument li huwa sostna fir-replika ppreżentata quddiem il-Bord tal-Appell kontra l-argumenti ta’ Garmo fuq ix-xebh kunċettwali, u li għalihom il-Bord tal-Appell ma rrispondiex kif kellu d-dmir li jagħmel.

59      Kien biss bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta li r-rikorrent enfasizza li ma kienx instema’ fuq ix-xebh kunċettwali, billi rrefera wkoll għall-kwistjoni tal-karattru newtrali ta’ dan ix-xebh. Kif ġie uffiċjalment ivverbalizzat fil-verbal tas-seduta, ir-rikorrent speċifika li l-Bord tal-Appell ma rrispondiex għall-punt 3 tar-replika ppreżentata quddiemu, intitolata “Fuq ix-xebh fuq livell kunċettwali”, u li kien fiha l-kunsiderazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ xebh kunċettwali.

60      Għandu jiġi rrilevat li fil-punt 3 tar-replika ppreżentata quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrent indika li huwa jikkontesta d-deskrizzjoni mogħtija minn Garmo dwar is-sitwazzjoni politika f’Ċipru. Huwa fakkar li, għalkemm iż-żona ta’ fuq ta’ Ċipru kienet okkupata mit-Turkija, it-territorju kollu kien parti mill-Unjoni u l-komunitajiet li jitkellmu bil-Grieg u bit-Tork kienu saħansitra inqas iżolati minn xulxin peress li mill-konfini jgħaddu miljuni ta’ Ċiprijotti Griegi jew Torok. Minn dawn huwa ddeduċa li ċ-Ċiprijotti kienu jafu li “halloumi” u “hellim” jirreferu għall-istess prodott, jiġifieri l-ġobon nazzjonali ta’ Ċipru.

61      F’dan ir-rigward, għandu mill-bidu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 36 sa 42 iktar ’il fuq, iddeċidiet li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball meta qies li x-xebh kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti kienu newtrali.

62      Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, jirriżulta mill-punt 60 iktar ’il fuq li l-punt 3 tal-imsemmija replika ma fih l-ebda argument dwar in-newtralità tal-paragun kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti.

63      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li kemm it-tieni motiv, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Truchot

Martins Ribeiro

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Ġunju 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.