Language of document : ECLI:EU:T:2012:634

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

29 ta’ Novembru 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade marks Komunitarji verbali Fagumit u figurattiva FAGUMIT – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti FAGUMIT – Raġuni relattiva ta’ invalidità – Artikolu 8(3) u Artikolu 165(4)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawżi T‑537/10 u T‑538/10,

Ursula Adamowski, residenti f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn D. von Schultz, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Fabryka Węży Gumowych i Tworzyw Sztucznych Fagumit sp. z o.o., stabbilita f’Wolbrom (il-Polonja), irrappreżentata minn M. Krekora, T. Targosz u P. Podrecki, avukati,

li għandha bħala suġġett żewġ rikorsi ppreżentati, rispettivament, kontra żewġ deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-3 ta’ Settembru 2010 (Każijiet R 1002/2009‑1 u R 1003/2009‑1) dwar żewġ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Fabryka Węży Gumowych i Tworzyw Sztucznych Fagumit sp. z o.o. u Ursula Adamowski,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Novembru 2010,

wara li rat ir-risposti tal-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ April 2011,

wara li rat ir-risposti tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2011,

wara li rat ir-repliki ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Lulju 2011,

wara li rat il-kontrorepliki tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Settembru 2011,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-partijiet fuq l-għaqda ta’ dawn iż-żewġ kawżi għall-finijiet tas-sentenza,

wara li rat l-assenza ta’ talba sabiex tiġi ffissata seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Fit-18 ta’ Frar u t-12 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti, Ursula Adamowski, ippreżentat, rispettivament, żewġ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir‑Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fit-18 ta’ Frar 2003 hija s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni fit-12 ta’ Marzu 2003 hija s-sinjal verbali Fagumit.

4        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 12 u 17 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 12: Lastiku u gomma bħala prodotti lesti għall-industrija tal-karozzi, jiġifieri tajers ġodda, inklużi tajers mimlija u strixxi li jaqbdu;

–        klassi 17: Pajpijiet; lastiku u gomma bħala prodotti nofshom lesti fil-forma ta’ folji, pannelli, profili, blokki, kurduni, strixxi, tubi u pajpijiet, lastku u gomma bħala prodotti lesti għall-pajpijiet industrijali, jiġifieri pajpijiet tal-PVC, pajpijiet tal-ilma, pajpijiet tal-arja, pajpijiet għall-protezzjoni tal-kejbil, pajpijiet reżistenti għall-brix, pajpijiet għaż-żejt u għall-fjuwil, pajpijiet kimiċi, pajpijiet għal prodotti awtoġeniċi, pajpijiet għall-aċitilena, pajpijiet għall-propan u pajpijiet doppji; lastiku u gomma bħala prodotti lesti għall-industrija tal-karozzi, jiġifieri tajers riġenerati, inklużi tajers mimlija u strixxi li jaqbdu; pajipijiet; ċrieket ta’ distanza u siġilli.

5        It-trade marks imsemmija fil-punti 2 u 3 iktar ’il fuq ġew irreġistrati fit-28 ta’ Ġunju 2004.

6        Fis-7 u t-8 ta’ April 2008, l-intervenjenti, Fabryka Węży Gumowych i Tworzyw Sztucznych Fagumit sp. z o.o., ippreżentat żewġ talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade marks inkwistjoni skont:

–        l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], peress li r-rikorrenti kienet in mala fide fil-preżentata tal-applikazzjonijiet għal trade mark;

–        l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], peress li r-rikorrenti kienet aġixxiet f’isimha proprja meta ppreżentat l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati mingħajr il-kunsens tal-intervenjenti, li hija stess il-proprjetarja tat-trade mark Pollakka riprodotta hawn taħt, irreġistrata fil-15 ta’ Jannar 1997 għal “pajpijiet tal-lastiku, pajpijiet tal-PVC ”, fil-klassi 17 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice:

Image not found

–        l-Artikolu 52(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, [li sar l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009], motiv ibbażat fuq l-isem kummerċjali tal-intervenjent, irreġistrata fil-Polonja fl-1993 u użata fil-ħajja kummerċjali, minħabba l-esportazzjoni ta’ prodotti ddestinati għal diversi Stati Membri, fosthom, b’mod partikolari, il-Ġermanja, minn din l-istess sena .

7        Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet mogħtija fil-25 ta’ Ġunju 2009, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet l-applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

8        Fis-27 ta’ Awwissu 2009, l-intervenjenti ppreżentat żewġ appelli quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

9        Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet mogħtija fit-3 ta’ Settembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), l-Ewwel Bord tal-Appell laqa’ l-appelli, annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ddikjara t-trade marks ikkontestati invalidi, wara li kkunsidrat li t-tliet motivi ta’ invalidità invokati mill-intervenjenti kienu fondati.

10      B’mod partikolari, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara t-tielet inċiż tal-punt 6, hawn fuq), il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-intervenjenti kienet ipproduċiet il-prova tal-użu tat-terminu “fagumit” fil-ħajja kummerċjali fuq livell internazzjonali mill-1 ta’ Ġunju 1997, permezz ta’ esportazzjonijiet ddestinati lejn, b’mod partikolari, il-Ġermanja skont ftehim ta’ distribuzzjoni konkluż mal-kumpannija Adamex Handels- u. Transportgesellschaft mbH, ġestiti mir-rikorrenti. Dan is-sinjal huwa protett fil-Ġermanja taħt l-Artikolu 5(2) tal-Markengesetz (Liġi Ġermaniża dwar it-trade marks). Rigward il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara t-tieni inċiż tal-punt 6, hawn fuq), il-Bord tal-Appell ikkunsidra, qabel kollox, li t-trade mark ikkontestata, riprodotta fil-punt 3 hawn fuq, tikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark Pollakka bbażata fuq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, filwaqt li t-trade mark ikkontestata, riprodotta fil-punt 2 hawn fuq, kienet essenzjalment riproduzzjoni ta’ din tal-aħħar. Sussegwentement, peress li t-termini “aġent jew rappreżentant” użati fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ikopru wkoll il-maniġer tal-aġent, ir-rappreżentant jew id-distributur u li dokument datat tal-10 ta’ April 1998 jista’ jiġi interpretat biss bħala li jagħti lir-rikorrenti d-dritt li tirreġistra t-trade marks ikkontestati, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dan il-motiv kien ukoll fondat. Dwar il-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell enfasizza li, skont il-ftehim ta’ distribuzzjoni msemmi hawn fuq, ir-rikorrenti kienet obbligata li tiżgura l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-intervenjenti, għan kompromess mill-applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade marks Komunitarji, filwaqt li d-dokument tal-10 ta’ April 1998 msemmi hawn fuq seta’ jistabbilixxi biss li r-rikorrenti aġixxiet in bona fide meta ppreżentat l-applikazzjonijiet inkwistjoni. Peress li l-ebda ċirkustanza oħra ma turi, barra minn hekk, li l-intervenjenti kienet abbandunat id-drittijiet tagħha li jirriżultaw mis-sinjal Fagumit jew li r-rikorrenti aġixxiet in bona fide, dan il-motiv ukoll ġie ddikjarat fondat.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tiċħad it-talbiet għal annullament;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali.

12      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

13      Wara li l-partijiet instemgħu fuq dan il-punt, hemm lok li l-kawżi preżenti jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

14      F’kull wieħed minn dawn il-kawżi, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(c), moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(b), moqri flimkien mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009 u, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(b) tal-imsemmi regolament.

15      Kif isostni l-UASI, kull waħda mir-raġunijiet ta’ invalidità adottati mill-Bord tal-Appell hija biżżejjed sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade marks ikkontestati. F’dan il-kuntest, qabel kollox ser jiġi eżaminat it-tieni motiv, li jirrigwarda r-raġuni ta’ invalidità prevista fl-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

16      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li l-Artikolu 165(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprekludi lill-intervenjenti milli tinvoka favur tagħha l-Artikolu 53(1)(b) tal-istess regolament.

17      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’ Fil-fatt, skont l-Artikolu 165(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, trade mark Komunitarja ma tistax tiġi ddikjarata invalida taħt l-Artikolu 53(1) u (2) tal-istess regolamenti jekk id-dritt preċedenti kien ġie rreġistrat, saret applikazzjoni għalih jew akkwistat qabel l-1 ta’ Mejju 2004 fi Stat li aċċeda għall-Unjoni Ewropea f’din id-data.

18      Din id-dispożizzjoni hija maħsuba sabiex teskludi l-possibbiltà li trade mark Komunitarja rreġistrata jew li għaliha saret applikazzjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004 tista’ tiġi kkontestata biss minħabba l-adeżjoni ta’ ċerti Stati għall-Unjoni, għalkemm din il-possibbiltà ma kinitx teżisti qabel l-imsemmija adeżjoni. Id-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex għaldaqstant intiża sabiex tipprekludi lill-proprjetarju ta’ trade mark milli jippreżenta, wara l-1 ta’ Mejju 2004, applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li seta’ diġà jippreżenta qabel din id-data.

19      F’dan ir-rigward, ir-raġuni ta’ invalidità prevista mir-Regolament Nru 207/2009 tista’ tiġi nvokata mill-proprjetarju tat-trade mark imsemmija fl-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, anki jekk l-imsemmija trade mark kienet irreġistrata biss f’pajjiż mhux membru tal-Unjoni. Fil-fatt, kuntrarjament għall-paragrafi 1, 2, 4 u 5 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 207/2009, il-paragrafu 3 tiegħu ma jirreferix għal trade marks irreġistrati fi Stat Membru jew li jipproduċi effetti f’tali Stat. Barra minn hekk, jekk ir-reġistrazzjoni tat-trade mark fi Stat Membru kienet kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 7/2009, din id-dispożizzjoni hija sovraposta mal-paragrafi 1 u 5 tal-istess artikolu. B’hekk, għandu jiġi kkonstatat, kif sar mill-UASI, li l-intervenjenti setgħet tippreżenta l-applikazzjonijiet għal invalidità msemmija fil-punt 6 hawn fuq qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja għall-Unjoni, b’tali mod li l-Artikolu 165(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jaffettwax il-fondatezza ta’ dawn l-applikazzjonijiet u lanqas jaffettwa l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

20      F’din il-kawża, ir-rikorrenti tiffoka l-argument tagħha fuq l-eżistenza ta’ kunsens mill-proprjetarju tat-trade mark riprodotta fit-tieni inċiż tal-punt 6, hawn fuq, mingħajr ma tikkontesta l-kwalità tagħha ta’ aġent jew ta’ rappreżentant tal-intervenjenti. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet kisbet il-kunsens tal-intervenjenti qabel ma ppreżentat l-applikazzjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 3 ta’ hawn fuq, skont dokument datat l-10 ta’ April 1998.

21      L-UASU u l-intervenjenti jikkontestaw din l-evalwazzjoni

22      L-applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolkament Nru 207/2009 tirrikjedi li min jagħmel applikazzjoni għal trade mark ikun jew kien l-aġent jew ir-rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark, li l-applikazzjoni ġiet ippreżentata f’isem l-aġent jew ir-rappreżentant mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju u mingħajr ma kien hemm raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw l-aġir tal-aġent jew tar-rappreżentant. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat l-abbuż ta’ trade mark mill-aġent tal-proprjetarju tagħha, peress illi l-aġent jista’ juża’ l-għarfien u l-esperjenza miksuba matul ir-relazzjoni kummerċjali li torbtu mal-imsemmi proprjetarju u, għaldaqstant, illegalment jieħu vantaġġ mix-xogħol u l-investiment li l-proprjetarju tat-trade mark stess ikun għamel [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2006, DEF-TEC Defense Technology vs UASI – Defense Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR), T‑6/05, Ġabra p. II‑2671, punt 38].

23      Riward kunsens possibbli għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade mark f’isem ir-rappreżentant jew l-aġent, dan għandu jkun ċar, preċiż u mingħajr kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). Issa, f’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell, id-dokument tal-10 ta’ April 1998 invokat mir-rikorrenti ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet.

24      B’mod partikolari, skont it-termini ta’ dan id-dokument indirizzat lil Adamex Industrie GmbH, ir-rappreżentant tal-intervenjenti qabel li s-“simbolu oriġinali” u l-“isem” (“Or[i] ginal-Symbol” u “Bezeichnung”) tal-kumpannija Fagumit jiġu “użati” u “riżervati” (“Benutzung” u “Vorbehalt”) fl-Ewropa kollha u ppreċiża li, skont hu, din il-possibbiltà tikkonċerna l-kumpanniji Fagumit GmbH Deutschland, Fagumit SARL Frankreich u Fagumit Schweiz.

25      F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-dokument inkwistjoni ma jirriferix għall-possibbiltà għar-rikorrenti li tippreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal riprodott fil-punt 2 hawn fuq bħala trade mark Komunitarja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ssemmietx f’dan id-dokument u li dan id-dokument ma jirreferix għall-possibbiltà tar-reġistrazzjoni tal-imsemmi sinjal bħala trade mark Komunitarja.

26      It-tieni nett, għalkemm, kif sostniet r-rikorrenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u l-Bord tal-Appell, il-kumpanniji Fagumit Deutschland, Fagumit Frankreich u Fagumit Schweiz ma kinux jeżistu fil-mument meta ntbagħat id-dokument inkwistjoni, dan id-dokument jista’ faċilment ikun ipperċepit bħala li jfisser li l-intervenjenti ma oppponietx li l-kumpanniji inkwistjoni jkollhom l-isem kummerċjali Fagumit u jużaw, l-iktar b’mod esklużiv, it-trade mark li hija relatata magħhom fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom.

27      Ir-rikorrenti ma tistax tistrieħ fuq il-fatt li l-intervenjenti ma opponietx l-użu tas-sinjal kontenzjuż minn kumpanniji oħra barra minn dawk imsemmija fid-dokument tal-10 ta’ April 1998. F’dan ir-rigward, kif irrilevat ir-rikorrenti fil-punt 33 tar-rikorsi, u kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti minnha quddiem l-UASI, l-użu inkwistjoni sar fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tal-oġġetti li ġew prodotti mill-intervenjenti. Issa, tali użu jaqa’ taħt il-loġika tal-kooperazzjoni bejn l-intervenjenti u d-distributuri tal-prodotti tagħha, mingħajr ma juri kwalunkwe abbandun tas-sinjal riprodott fit-tieni inċiż tal-punt 6, hawn fuq, li jippermetti lil kull persuna li tapplika għar-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal jew tal-element dominanti tiegħu bħala trade mark Komunitarja.

28      Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball meta kkunsidra li d-dokument tal-10 ta’ April 1998 ma jistax jiġi pperċepit bħala li jagħti xi kunsens, fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati.

29      F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza, invokata mir-rikorrenti, li r-relazzjonijiet tagħha mal-intervenjenti ma humiex skont ir-rekwiżiti formali, u b’hekk il-lista ta’ impriżi kkonċernati mid-dokument tal-10 ta’ April 1998 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala eżawrjenti, hija irrilevanti. Fil-fatt, peress li d-dokument inkwistjoni ma jikkostitwixxix kunsens fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 207/2009, din iċ-ċirkustanza, kieku kellha tiġi stabbilita, ma tinvalidax il-konklużjoni milħuqa mill-Bord tal-Appell.

30      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni motiv u, għall-motivi spjegati fil-punt 15 iktar ’il fuq, ir-rikorsi kollha kemm huma.

 Fuq l-ispejjeż

31      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilef, hemm lok li tiġi kkundananta għall-ispejjeż tal-UASI u tal-intervenjenti, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑537/10 u T‑538/10 huma magħquda għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Ursula Adamowski għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u ta’ Fabryka Węży Gumowych i Tworzyw Sztucznych Fagumit sp. z o.o. fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Novembru 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.