Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (il-Litwanja) fis-26 ta’ Marzu 2024 – “Nordcurrent group” UAB vs Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

(Kawża C-228/24, Nordcurrent group)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos prie Lietuvos Respublikos vyriausybės

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “Nordcurrent group” UAB

Konvenut: Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

Domandi preliminari

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża ineżami, prassi nazzjonali li twassal sabiex kumpannija omm ma tingħatax, fl-Istat Membru tagħha, eżenzjoni fir-rigward tad-dividendi li tirċievi kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li din is-sussidjarja tikkostitwixxi arranġament, f’sitwazzjoni fejn is-sussidjarja ma tkunx kumpannija intermedjarja u fejn il-profitti ddistribwiti fil-forma ta’ dividendi jkunu ġew iġġenerati fil-kuntest tal-attività eżerċitata f’isem is-sussidjarja, b’tali mod li, jekk wieħed jeskludi s-sussidjarja, la kien ikun hemm profitti u lanqas ħlas ta’ dividendi, hija konformi mal-għanijiet tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta’ Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti 1 ?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, prassi nazzjonali fejn, sabiex is-sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor tiġi kklassifikata bħala arranġament tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni eżistenti fiż-żmien tal-ħlas tad-dividendi, f’sitwazzjoni fejn il-ħolqien tas-sussidjarja kien ibbażat fuq raġunijiet kummerċjali validi, hija konformi mal-għanijiet tad-dispożizzjoni kontra l-abbuż prevista fid-Direttiva 2011/96?

Id-dispożizzjoni kontra l-abbuż prevista fid-Direttiva 2011/96 tista’ tiġi interpretata fis-sens li, meta kumpannija omm tkun irċeviet dividendi minn sussidjarja, stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tkun ikklassifikata bħala arranġament, din il-klassifikazzjoni tkun biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi kkonstatat li, meta bbenefikat minn eżenzjoni fir-rigward tad-dividendi, il-kumpannija omm kisbet vantaġġ fiskali li jmur kontra l-għan u l-iskop tad-Direttiva 2011/96? Barra minn hekk, il-fatt li t-taxxa fuq il-kumpanniji tkun tħallset fl-Istat ta’ stabbiliment tas-sussidjarja, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’dan l-Istat, fuq il-profitti ġġenerati mis-sussidjarja kklassifikata bħala arranġament, huwa rilevanti għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali jew ta’ arranġament?

____________

1     ĠU 2011, L 345, p. 8.