Language of document : ECLI:EU:C:2023:885

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fis‑16 ta’ Novembru 2023 (1)

Kawża C316/22

Gabel Industria Tessile SpA,

Canavesi SpA

vs

A2A Energia SpA,

Energit SpA,

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,

partijiet magħquda:

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Como (il-Qorti Distrettwali ta’ Como, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 288 TFUE – Effett dirett tad-direttivi – Effett dirett orizzontali – Effett dirett vertikali – It-test ‘Foster’ – Entitajiet li huma kkunsidrati bħala emanazzjoni tal-Istat – Direttiva 2008/118/KE – Fornitur tal-elettriku – Ħlas lura ta’ taxxi mħallsa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni – Awtonomija proċedurali – Prinċipju ta’ effettività”






I.      Introduzzjoni

1.        Ftit suġġetti affaxxinaw ġenerazzjonijiet ta’ avukati tal-Unjoni Ewropea daqs dak tal-effett dirett tad-direttivi. Dan is-suġġett kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet twal (u, sa ċertu punt, kontroversji kbar), kemm fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll f’fora akkademiċi, sa mis-sittinijiet (2) sal-lum (3).

2.        Fil-passat, għadd ta’ Avukati Ġenerali mgħallma taw parir lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrikonoxxi mhux biss l-effett dirett vertikali, iżda wkoll dak orizzontali tad-direttivi li ma ġewx trasposti (4), li għandu jkollu l-effett li “jfejjaq” (tal-inqas parzjalment) l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni minn dak li ġie deskritt b’mod famuż bħala “marda infantili” tad-dritt tal-Unjoni (5). Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja baqgħet pjuttost stabbli fuq dan il-punt. Sa mis-sentenzi Marshall u Faccini Dori, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront ta’ individwu (6).

3.        Madankollu, fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja ppruvat tnaqqas il-konsegwenzi negattivi li n-nuqqas ta’ effett dirett orizzontali tad-direttivi jista’ jkollu fuq l-individwi, f’diversi aspetti. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja: (i) introduċiet obbligu wiesa’ għall-qrati nazzjonali, kif ukoll għal awtoritajiet nazzjonali oħra, sabiex jinterpretaw id-dritt nazzjonali sa fejn hu possibbli f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-direttivi mhux implimentati (7); (ii) tat interpretazzjoni wiesgħa għall-kunċett ta’ “Stat Membru” u l-emanazzjonijiet tiegħu f’dan il-qasam, sabiex ikopri varjetà ta’ organizzazzjonijiet u korpi li għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati (8); (iii) aċċettat l-effett dirett f’ċerti sitwazzjonijiet partikolari triangulari li jinvolvu żewġ partijiet privati u parti pubblika waħda (9); (iv) aċċettat l-effett dirett ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt, li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu jkunu manifestazzjoni tagħhom (10); u, (v) għamlitha iktar faċli sabiex talba għar-responsabbiltà kontra l-Istati Membri li ma jittrasponux direttivi tkun ta’ suċċess (11).

4.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tirrifletti b’mod ġenerali fuq l-istat tad-dritt f’dan il-qasam u li tagħmel iktar kjarifiki dwar ċerti aspetti tal-ġurisprudenza tagħha.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

5.        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (12), applikabbli fiż-żmien rilevanti (13), kien jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn [apparti d-dazju tas-sisa] fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.”

B.      Iddritt nazzjonali

6.        L-Artikolu 5 tad-Decreto Legislativo 2 febbraio 2007, n. 26, Attuazione della direttiva 2003/96/KE che ristruttura il quadro comunitario per la tassazione dei prodotti energetici e dell’elettricità (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 26/2007, tat‑2 ta’ Frar 2007, li Jimplimenta d-Direttiva 2003/96/KE li Tirriforma l-Qafas tal-Komunità dwar it-Tassazzjoni tal-Prodotti ta’ Enerġija u tal-Elettriku) (14), emenda l-Artikolu 6 tad-Decreto Legge 28 novembre 1988, n. 511, Disposizioni urgenti in materia di finanza regionale e locale (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 511/1988, tat‑28 ta’ Novembru 1988, li Jadotta Dispożizzjonijiet Urġenti dwar il-Finanzi Reġjonali u Lokali) (15), li jistabbilixxi taxxa provinċjali addizzjonali fuq id-dazji tas-sisa fuq l-elettriku (iktar ’il quddiem it-“taxxa addizzjonali”).

7.        L-Artikolu 2 tad-Decreto Legislativo 14 marzo 2011, n. 23, Disposizioni in materia di federalismo fiscale  municipale (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/2011, tal‑14 ta’ Marzu 2011, li Jadotta Dispożizzjonijiet dwar il-Federaliżmu Fiskali Muniċipali) (16) kien jipprovdi li, mill‑2012, it-taxxa addizzjonali ma kellhiex tibqa’ tiġi applikata fir-reġjuni tad-dritt ordinarju. Sussegwentement, l-Artikolu 4 tad-Decreto Legge 2 marzo 2012, n. 16, Disposizioni urgenti in materia di semplificazioni tributarie, di efficientamento e potenziamento delle procedure di accertamento (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 16/2012, tat‑2 ta’ Marzu 2012, li Jadotta Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam tas-Semplifikazzjoni Fiskali, tar-Razzjonalizzazzjoni u tat-Tisħiħ tal-Proċeduri ta’ Evalwazzjoni) (17) neħħa kompletament it-taxxa addizzjonali b’effett mill‑1 ta’ April 2012.

8.        L-Artikolu 14 tad-Decreto Legislativo 26 ottobre 1995, n. 504, Testo Unico Accise (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995, tas‑26 ta’ Ottubru 1995, li Jadotta Test Konsolidat dwar is-Sisa) (18) jippreċiża, fil-paragrafu 1, li “id-dazji tas-sisa għandhom jiġu rrimborsati meta jkunu tħallsu indebitament”, fil-paragrafu 2, li “ir-rimbors għandu jintalab fi żmien sentejn mid-data tal-ħlas jew mid-data li fiha d-dritt għar-rimbors jista’ jiġi eżerċitat, jew id-dritt għal rimbors jiġi rrevokat”, u fil-paragrafu 4, li, “meta, fi tmiem proċedura ġudizzjarja, il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa tiġi kkundannata tħallas lura lil terzi s-somom miġbura indebitament bħala rkupru tad-dazju tas-sisa, ir-rimbors għandu jintalab minn din il-persuna f’terminu ta’ 90 jum mid-data li fiha d-deċiżjoni li tordna l-ħlas tas-somom tkun saret res judicata, jew jintilef id-dritt li jintalab ir-rimbors.”

III. Ilfatti, ilproċedura u ddomandi preliminari

9.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (Gabel Industria Tessile S.p.A u Canavesi S.p.A) huma t-tnejn li huma kumpanniji li kkonkludew individwalment ma’ waħda mill-konvenuti (rispettivament A2A Energia S.p.A. u Energit S.p.A.) kuntratt għall-provvista ta’ elettriku fis-siti ta’ produzzjoni tagħhom u ħallsuhom il-ħlas dovut, inklużi l-ammonti ffatturati bħala taxxa addizzjonali għall-perijodu 2010–2011.

10.      Fl‑2020, ir-rikorrenti ressqu kawża kontra l-konvenuti quddiem it-Tribunale di Como (il-Qorti Distrettwali ta’ Como, l-Italja), sabiex jiksbu l-ħlas lura tas-somom imħallsa bħala taxxa addizzjonali minħabba li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu din it-taxxa kienu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

11.      It-Tribunale di Como (il-Qorti Distrettwali ta’ Como) tesponi li, wara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Undis Servizi u f’Messer France (19), il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) ikkonstatat li t-taxxa addizzjonali kienet tmur kontra l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

12.      It-Tribunale di Como (il-Qorti Distrettwali ta’ Como) iżżid li l-kawża prinċipali tifforma parti minn diversi kawżi pendenti li jirrigwardaw it-trattament tas-somom imħallsa indebitament matul il-perijodu bejn it-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva 2008/118 u l-mument li fih il-leġiżlatur Taljan iddeċieda li t-taxxa addizzjonali ma tibqax tapplika. F’dan ir-rigward, il-qrati inferjuri Taljani adottaw żewġ approċċi differenti.

13.      Skont l-ewwel approċċ, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda sa fejn, peress li l-konvenuti huma kumpanniji privati, il-fatt li ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti jwassal sabiex jingħata effett dirett orizzontali lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/118. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-fatt li ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali jkollu l-effett li joħloq obbligu ġdid għal partijiet privati: sabiex tħallas lura s-somom miġbura bħala taxxi illegali lill-utent finali. Min-naħa l-oħra, skont it-tieni approċċ, ir-rikorsi għandhom jintlaqgħu, peress li – jekk nifhem korrettament – il-prinċipju ta’ effettività jista’ jobbliga lill-qrati nazzjonali japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva mhux trasposta anki fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi.

14.      Għaldaqstant, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipji u tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, it-Tribunale di Como (il-Qorti Distrettwali ta’ Como) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)       B’mod ġenerali, is-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod iktar partikolari, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jipprekludu li qorti nazzjonali teskludi, f’tilwima bejn individwi, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt intern li tmur kontra dispożizzjoni ċara, preċiża u inkondizzjonata ta’ direttiva mhux trasposta jew trasposta b’mod ħażin, bil-konsegwenza li timponi obbligu addizzjonali għal individwu, meta dan jikkorrispondi, fis-sistema ta’ dritt nazzjonali […], bil-kundizzjoni minn qabel sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jasserixxi kontra l-Istat id-drittijiet mogħtija lilu minn din id-direttiva?

(2)       Il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali […] li ma tippermettix il-konsumatur finali jitlob direttament lill-Istat ir-rimbors tat-taxxa mhux dovuta, iżda li tirrikonoxxilu biss id-dritt li jibda azzjoni ċivili għal irkupru ta’ pagamenti mhux dovuti kontra l-persuna taxxabbli, l-unika persuna awtorizzata li tikseb ir-rimbors min-naħa tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa, meta l-uniku motiv ta’ illegalità tat-taxxa – jiġifieri il-kuntrarjetà għal direttiva [tal-Unjoni] – jista’ biss jiġi invokat fil-kuntest tar-relazzjoni bejn il-persuna taxxabbli u Amministrazzjoni tat-Taxxa iżda mhux fil-kuntest tar-relazzjoni bejn il-persuna taxxabbli u l-konsumatur finali, u b’hekk jostakola, fil-prattika, għall-effettività tar-rimbors, jew għandu jirrikonoxxi, biex jiżgura l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, f’tali każ, id-dritt ta’ azzjoni diretta tal-konsumatur finali kontra t-Teżor, bħala każ ta’ impossibbiltà jew ta’ diffikultà eċċessiva li jinkiseb mill-fornitur ir-rimbors tat-taxxa mħallsa indebitament?”

15.      Fis‑17 ta’ Mejju 2023, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lill-qorti tar-rinviju talba għal kjarifiki dwar il-proċeduri nazzjonali ta’ rkupru ta’ taxxi indebiti, li għaliha wieġbet permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Mejju 2023.

16.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Spanjol u mill-Kummissjoni Ewropea, li ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta li nżammet fit‑13 ta’ Settembru 2023.

IV.    Analiżi

A.      Lewwel domanda: effett orizzontali u vertikali tad-direttivi

17.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix in-nuqqas ta’ applikazzjoni minn qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ tilwima bejn żewġ individwi, ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva mhux trasposta, anki jekk dan ikun neċessarju sabiex l-applikant ikun jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmija direttiva.

18.      Li kieku kellha tittieħed bil-valur fuq il-wiċċ tagħha, ir-risposta għal tali domanda tkun – għar-raġunijiet spjegati iktar ’il quddiem – pjuttost sempliċi. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju riedet tqajjem ċertu numru ta’ kwistjonijiet dwar l-effett dirett tad-direttivi li jmorru lil hinn mit-test għeri tad-domanda. Għalhekk, fit-taqsimiet li ġejjin, ser nipprova nindirizza dawn il-kwistjonijiet kollha.

1.      Leffett dirett orizzontali tad-direttivi fid-dritt tal-Unjoni u fid-dritt nazzjonali

19.      L-ewwel, ser nindirizza l-kwistjoni li tqajjem espressament l-ewwel domanda: qorti nazzjonali hija permessa li tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva mhux trasposta f’tilwima bejn individwi privati?

20.      F’sentenza reċenti dwar id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva mhux trasposta, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel ikkonfermat li “qorti nazzjonali ma hijiex obbligata, abbażi biss tad-dritt tal‑Unjoni, li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jekk din l-aħħar dispożizzjoni ma jkollhiex effett dirett”. Sussegwentement, hija ppreċiżat li tali prinċipju huwa “mingħajr preġudizzju madankollu għall-possibbiltà, għal dik il-qorti, kif ukoll għal kull awtorità amministrattiva nazzjonali kompetenti, li teskludi, abbażi tad-dritt intern, kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun nieqsa minn tali effett” (20).

21.      Dan ifisser sempliċement li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li ma japplikawx dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma jkollhomx effett dirett f’tilwim bejn individwi privati, iżda lanqas ma jipprekludi li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jagħmlu dan, jekk id-dritt nazzjonali jipprovdi dan. Fi kliem ieħor, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħtu lid-direttivi effett dirett orizzontali, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali.

22.      Waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol oppona din it-teżi, minħabba li dan jintroduċi ċerta forma ta’ inugwaljanza bejn l-individwi.

23.      Madankollu, naħseb li l-kuntrarju huwa minnu. Fi kwalunkwe każ, huwa n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-direttivi li joħloq sitwazzjonijiet ta’ inugwaljanza: (i) fil-livell tal-Unjoni, minħabba li l-individwi jistgħu jew ma jistgħux igawdu d-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni skont, pereżempju, l-Istat Membru fejn jirrisjedu jew jaħdmu, u (ii) fuq il-livell nazzjonali, bejn l-individwi li jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom minħabba li jaġixxu kontra entitajiet pubbliċi, u individwi li, għalkemm jinvokaw l-istess regoli tal-Unjoni, ma jistgħux jasserixxu d-drittijiet tagħhom minħabba li jaġixxu kontra entitajiet privati. Għalhekk, l-applikazzjoni orizzontali tad-direttivi mhux trasposti – jekk id-dritt nazzjonali jippermetti dan – telimina sors inġust ta’ differenzjazzjoni (21). B’mod iktar ġenerali, dan isaħħaħ ukoll l-effettività (“effet utile”) tad-direttivi inkwistjoni.

24.      Fil-fatt, ma nara ebda raġuni plawżibbli li d-dritt tal-Unjoni jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-ordinament ġuridiku intern ta’ Stat Membru milli jwettaq applikazzjoni iktar kompleta u iktar effettiva tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li, fl-assenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tal-Istat Membru stess, kien ikollhom portata ġenerali (22).

25.      B’dan premess, jekk qorti nazzjonali ma tkunx f’pożizzjoni li tagħti effett dirett orizzontali lid-direttivi fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, allura – kif diġà indikajt – id-dritt tal-Unjoni ma jobbligahiex tagħmel dan. Dan jagħti lok għall-mistoqsija li jmiss: il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha f’dan ir-rigward?

2.      Irregola prinċipali: assenza ta’ effett dirett orizzontali mandatorju taddirettivi

26.      Fil-fehma tiegħi, ma tantx ikun utli li tiġi diskussa l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam.

27.      Ma hemm l-ebda dubju li jistgħu jinstabu argumenti tajbin (u kontroargumenti) kemm favur kif ukoll kontra r-rikonoxximent tal-effett dirett orizzontali tad-direttivi. Madankollu, minkejja l-kumplessità tal-kwistjoni – li teħtieġ analiżi legali twila biex tiġi indirizzata b’mod adegwat – wieħed jista’ faċilment jifhem li dak kollu li għandu jingħad diġà ngħad (23).

28.      Min-naħa tiegħi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minn naħa, nirrikonoxxi s-saħħa tal-argumenti mressqa mill-Avukati Ġenerali preċedenti kontra l-“eċċezzjonijiet” tad-direttivi. Huma qiesu li kien hemm raġunijiet tajbin ta’ prinċipju sabiex jingħata effett dirett lid-direttivi, mingħajr ebda distinzjoni fir-rigward tal-kwalità tal-konvenut. Fl-opinjoni ta’ dawn l-Avukati Ġenerali, dan iwassal, inter alia, għal: (i) tneħħija tad-diversi inkonsistenzi li jirriżultaw mill-evoluzzjoni inkrementali tal-ġurisprudenza f’dan il-qasam; (ii) twaqqif tal-qrati nazzjonali milli jirrikorru għal interpretazzjonijiet dubjużi tad-dritt nazzjonali sabiex jiżguraw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni; (iii) tisħiħ tad-dritt tal-individwu għal rimedju effettiv u, b’mod iktar ġenerali, titjib tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni; u (iv) prevenzjoni tad-diskriminazzjoni bejn individwi differenti u l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni bejn l-impriżi pubbliċi u dawk privati (24).  

29.      Min-naħa l-oħra, għandi madankollu nammetti li jeżistu diversi argumenti li jimmilitaw kontra r-rikonoxximent tal-effett dirett orizzontali tad-direttivi. L-Artikolu 288 TFUE jistabbilixxi distinzjoni innegabbli bejn id-diversi strumenti legali elenkati fih. B’differenza minn regolament, deskritt bħala li “jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha”, direttiva “għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali”. Għalhekk inqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija intiża prinċipalment sabiex tħares il-karatteristiċi speċjali (25) u s-sinjifikat kostituzzjonali (26) ta’ din il-forma ta’ leġiżlazzjoni, li tirrifletti l-element “federali” tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (27).

30.      Huwa minnu li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fl‑2023 huwa pjuttost differenti minn dak li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenzi tagħha f’Marshall u Faccini Dori (28). Fil-fatt, it-Trattati ta’ Amsterdam, ta’ Nice u, l-iktar, ta’ Lisbona bidlu kunsiderevolment ix-xenarju istituzzjonali u kostituzzjonali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, jidhirli li l-emendi li saru għal (dak li issa huwa) l-Artikolu 288 TFUE – fid-dawl tad-diskussjonijiet speċifiċi li seħħew matul il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa tal‑2002‑2003 (29) u l-konferenzi intergovernattivi sussegwenti (30) – ma jsostnux l-idea li l-awturi tat-Trattati riedu jemendaw id-differenza fundamentali bejn ir-regolamenti u d-direttivi.

31.      Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti ħafna dwar dan il-punt, inkluża tal-Awla Manja (31), niddubita kemm il-Qorti tal-Ġustizzja hija inklinata li teżamina mill-ġdid, u wisq inqas tibdel, il-ġurisprudenza stabbilita tagħha f’dan il-qasam. Jidhirli li, għallinqas għalissa, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu: il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni hija ċara u magħrufa minnhom u, jekk iqisu li s-sitwazzjoni ma hijiex sodisfaċenti, huma jistgħu jirrimedjawha billi jemendaw it-Trattati (32).

32.      B’dan premess, il-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-qrati nazzjonali jirrikonoxxu l-effett dirett orizzontali tad-direttivi ma jaffettwax il-proċedura fil-kawża prinċipali, jekk it-tilwim jitqies li jinvolvi parti privata (il-konsumatur) u entità li aġixxiet bħala emanazzjoni tal-Istat (il-fornitur ta’ servizzi). Għalkemm ma tqajmitx espressament mill-qorti tar-rinviju, din il-kwistjoni ġiet diskussa matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

3.      Effett dirett vertikali u l-kunċett ta’ “Stat Membru”

33.      Bħal fis-sentenzi Van Duyn u Ratti (33), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li jkun inkompatibbli mal-effett vinkolanti li (dak li issa huwa) l-Artikolu 288 TFUE jagħti lid-direttivi jekk tiġi eskluża l-possibbiltà li individwi jinvokaw l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri permezz ta’ tali strumenti. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Istati Membri ma jistgħux jitħallew jieħdu vantaġġ min-nuqqas tagħhom li jittrasponu direttiva (34). Konsegwentement, l-individwi jistgħu validament jinvokaw – insostenn tal-pretensjonijiet jew tad-difiża tagħhom – dispożizzjonijiet ċari, preċiżi u inkundizzjonati tad-direttivi mhux trasposti, fil-kuntest ta’ tilwim mal-awtoritajiet tal-Istat Membru fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni (effett dirett vertikali).

34.      Matul is-snin, il-Qorti tal-Ġustizzja għamiltha ċara li dan ta’ hawn fuq huwa minnu indipendentement mill-kwalità preċiża li fiha l-awtorità pubblika taġixxi (bħala persuna li timpjega jew bħala awtorità pubblika) u minn jekk din l-awtorità hijiex effettivament responsabbli għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-direttiva inkwistjoni mill-Istat Membru (35).

35.      Iktar importanti għal din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat kunċett wiesa’ ta’ “Stat Membru” f’dan il-kuntest. Skont ġurisprudenza stabbilita sew, dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati kontra organizzazzjonijiet jew korpi li għandhom jiġu assimilati mal-Istat, “jew għaliex ikunu persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku li jagħmlu parti mill-Istat f’sens wiesa’”, jew, meta jkunu rregolati mid-dritt privat, għaliex “ikunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll ta’ awtorità pubblika”, jew alternattivament, “ikunu ngħataw ir-responsabbiltà, minn tali awtorità, li jeżerċitaw missjoni ta’ interess pubbliku u jkunu ngħataw, għal dan il-għan, l-imsemmija setgħat eżorbitanti” (iktar ’il quddiem it-“test Foster”)(36).

36.      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma humiex korpi rregolati mid-dritt pubbliku. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk huma jinsabux f’waħda miż-żewġ sitwazzjonijiet alternattivi l-oħra li jikkonċernaw entitajiet irregolati mid-dritt privat hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju (37). Dan huwa l-każ mhux biss għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi kollha neċessarji sabiex twettaq tali evalwazzjoni, iżda wkoll, b’mod iktar fundamentali, għaliex, sabiex din l-evalwazzjoni tkun eżatta, jista’ jkun neċessarju li jiġu interpretati dispożizzjonijiet jew prinċipji tad-dritt nazzjonali.

37.      Bl-għan li tingħata assistenza lill-qorti tar-rinviju, inżid xi kunsiderazzjonijiet qosra dwar it-tip ta’ evalwazzjoni li l-qorti tar-rinviju hija mitluba twettaq.

38.      Bħala prinċipju, naqbel mal-Gvern Spanjol li d-determinazzjoni ta’ jekk entità partikolari tissodisfax it-“test Foster” normalment teħtieġ evalwazzjoni każ b’każ li fiha jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha relatati mal-organizzazzjoni u mal-attività ta’ din l-entità.

39.      Pereżempju, biex jiġi ddeterminat jekk entità privata hijiex “suġġetta għall-awtorità jew għall-kontroll ta’ awtorità pubblika”, qorti għandha teżamina l-kapaċità tal-Istat li jeżerċita, direttament jew indirettament, influwenza dominanti fuq il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ din l-entità – jekk mhux fuq l-attivitajiet tagħha ta’ kuljum, tal-inqas fuq l-għażliet u d-deċiżjonijiet strateġiċi l-iktar importanti.

40.      Għal dan l-għan, jidher li huwa importanti li, abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli u tar-regoli interni tal-entità, jitqiesu elementi bħalma huma: (i) l-istruttura ta’ sjieda; (ii) l-eżistenza ta’ drittijiet speċjali għall-vot jew għall-veto favur entità oħra; (iii) il-kompożizzjoni tal-korpi ta’ tmexxija u l-proċeduri għall-ħatra tagħhom; (iv) it-tip ta’ attivitajiet imwettqa; (v) l-għanijiet statutorji mfittxija mill-entità; u (vi) il-metodu ta’ finanzjament tal-entità (38). Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-Istat (jew awtorità pubblika oħra) għandu sehem f’kumpannija – kif nifhem li dan huwa l-każ tal-konvenuti fil-kawża prinċipali – ma huwiex, fih innifsu, determinanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istat jeżerċitax kontroll fuq din il-kumpannija.

41.      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk entità privata kinitx obbligata, minn awtorità pubblika, “li [teżerċita] missjoni ta’ interess pubbliku” u ngħatat għal dan l-għan “setgħat eżorbitanti”, nippreċiża dan li ġej.

42.      L-ewwel, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk entità privata għandhiex tiġi ttrattata bħala paragunabbli mal-Istat ma għandhiex, fil-fehma tiegħi, issir billi jiġu eżaminati (esklużivament) in-natura u l-attivitajiet ġenerali tal-entità inkwistjoni. Fil-fatt, dak li huwa partikolarment importanti huwa jekk it-“test Foster” huwiex issodisfatt fir-rigward tar-relazzjoni stess li wasslet għat-tilwima inkwistjoni. Fil-fatt, huwa possibbli li entità privata teżerċita attività waħda jew iktar ta’ interess pubbliku, li fir-rigward tagħhom hija għandha setgħat eżorbitanti, filwaqt li fl-istess ħin teżerċita attivitajiet oħra purament kummerċjali u f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali ma’ impriżi oħra (39).

43.      Barra minn hekk, iż-żewġ elementi ta’ “interess pubbliku” u ta’ “setgħat eżorbitanti” huma kumulattivi b’mod ċar: it-tnejn li huma għandhom ikunu preżenti sabiex entità titqies bħala emanazzjoni tal-Istat. Dawn l-elementi għandhom ukoll ikunu marbuta, fis-sens li s-setgħat eżorbitanti għandhom ikunu ngħataw lill-entità inkwistjoni bl-“għan” li tippermettilha ssegwi b’mod effettiv l-interess pubbliku (40).

44.      Barra minn hekk, l-għanijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala segwiti fl-“interess ġenerali” ivarjaw naturalment minn Stat Membru għal ieħor. Madankollu, dan il-kunċett jirrifletti neċessarjament l-idea li l-attività tal-entità ma għandhiex tiġi eżerċitata għall-benefiċċju esklużiv (jew predominanti) tal-proprjetarji jew tal-partijiet interessati tagħha, iżda għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha kemm hi. Huwa wkoll raġonevoli li wieħed jemmen li l-għoti ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku għandu jirriżulta minn att leġiżlattiv jew amministrattiv (41).

45.      Fl-aħħar, l-eżistenza ta’ “setgħat eżorbitanti” għandha tiġi identifikata billi jitqabblu r-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni li wasslet għat-tilwima inkwistjoni ma’ dawk li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn individwi privati. L-entità inkwistjoni u l-kontroparti tagħha huma fuq l-istess livell, jew tal-inqas f’sitwazzjoni komparabbli, fir-relazzjoni tagħhom? L-entità inkwistjoni tista’ unilateralment timponi ċerti obbligi jew tillimita d-drittijiet tal-kontroparti tagħha?

46.      Bħala konklużjoni dwar dan il-punt fuq nota iktar ġenerali, nixtieq inżid li, fil-fehma tiegħi, it-“test Foster” ma jistax jiġi applikat b’mod wiesa’ wisq (42). Fid-dinja attwali, il-parti l-kbira tal-attivitajiet ekonomiċi huma regolati ħafna b’xi mod jew ieħor. Barra minn hekk, ħafna entitajiet (bħalma huma organizzazzjonijiet mhux governattivi) ifittxu li jilħqu għanijiet ta’ interess ġenerali, għalkemm bl-ebda mod ma huma marbuta mal-Istat; bl-istess mod, ħafna impriżi huma miżmuma (kompletament jew parzjalment) mill-Istat, iżda ma għandhom l-ebda għan pubbliku.

47.      Konsegwentement, ħlief jekk id-distinzjoni orizzontali/vertikali titnaqqas għal sempliċi formalità, huwa kruċjali li l-entitajiet privati jkunu – fil-kuntest ta’ tilwim bħal dawk pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju – ikkunsidrati bħala li aġixxew bħala emanazzjoni tal-Istat biss meta l-kontroll “pubbliku” fuq dawn l-entitajiet, jew in-natura pubblika tal-attivitajiet tagħhom, ikunu jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar. It-tentazzjoni li jittieħdu “short-cuts” biex jgħinu lill-konsumaturi u/jew tinstab soluzzjoni prammatika u ġusta għal tilwim li, abbażi tal-qafas proċedurali applikabbli, jidher li huwa kkumplikat wisq tista’ tinftiehem, iżda fl-aħħar mill-aħħar ma tkunx idea tajba.

4.      Ilħtieġa li titħares leffettività bħala eċċezzjoni għarregola prinċipali?

48.      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – jiġifieri, rikorrenti li jkollhom diffikultajiet proċedurali kbar sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom – il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi, b’mod eċċezzjonali, fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-direttivi mhux implimentati anki f’tilwim bejn individwi privati.

49.      Ma naħsibx li dan huwa l-każ. Il-prinċipju ta’ effettività (mifhum bħala “effet utile” (43)) spiss intuża mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala għodda interpretattiva li, minn naħa, tippermetti li jiġu esklużi interpretazzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jippreġudikaw il-validità tagħhom, jagħmluhom superfluwi jew iwasslu għal riżultati assurdi u, min-naħa l-oħra, tiffavorixxi l-interpretazzjonijiet li jiżguraw l-“effett sħiħ” tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri l-kapaċità li jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni (44).

50.      Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ effettività ma jistax – fil-fehma tiegħi – jintuża bħala mezz sabiex jiġu “immassimizzati” il-portata u l-effett ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sal-punt li jmorru lil hinn mill-intenzjoni manifesta tal-leġiżlatur, jew sabiex jiġu evitati l-prinċipji kostituzzjonali fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

51.      Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ eċċezzjoni addizzjonali (45) – u vagament iddefinita – għar-regola li ma għandux ikun hemm effett orizzontali fil-każijiet ta’ extrema ratio (qisu “meta xejn ieħor ma jaħdem”), fil-fehma tiegħi, ma jagħmilx ħlief li jsaħħaħ l-inċertezza legali (46). Dan huwa qasam li, fl-istat attwali tad-dritt, huwa deskritt minn ċerti osservaturi bħala qasam ta’ kumplessità kbira (47), jew nieqes minn koerenza (48). Ċertament, parti mill-kritika ma hijiex infondata. Għalhekk ma nissuġġerixxix estensjoni tan-numru jew tal-portata tal-eċċezzjonijiet, għaliex dan ikun għad-detriment tal-prevedibbiltà, tal-koerenza u tar-rigorożità intellettwali tas-sistema.

52.      Fid-dawl tal-premess, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari kif ġej: (i) id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li ma japplikawx dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma jkollhomx effett dirett f’tilwim bejn individwi privati, iżda lanqas ma jipprekludi li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jagħmlu dan, jekk id-dritt nazzjonali jipprovdi dan; u (ii) dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati kontra organizzazzjonijiet jew korpi rregolati mid-dritt privat meta jkunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll ta’ awtorità pubblika, jew alternattivament, ikunu ngħataw ir-responsabbiltà, minn tali awtorità, li jeżerċitaw missjoni ta’ interess pubbliku u jkunu ngħataw, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti.

B.      Ittieni domanda: lawtonomija proċedurali nazzjonali u l-ħlas lura ta’ taxxi illegali

53.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ effettività jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-konsumatur finali jitlob ir-rimbors ta’ taxxa indebita direttament mingħand l-Istat, iżda tagħtih biss il-possibbiltà li jressaq azzjoni ċivili għall-irkupru kontra l-fornitur ta’ servizzi – li jkun ġabar it-taxxa f’isem l-Istat u li huwa l-unika entità li tista’ tikseb ir-rimbors tagħha mingħand l-awtorità fiskali – meta r-raġuni tal-illegalità tat-taxxa tkun li din it-taxxa tmur kontra d-dritt tal-Unjoni u meta din ir-raġuni ma tkunx tista’ tiġi validament invokata fil-kuntest tal-azzjoni kontra l-fornitur ta’ servizzi.

54.      Din il-kwistjoni hija ispirata mis-sitwazzjoni speċifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, jekk nifhem tajjeb, tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej: (i) ir-rikorrenti huma konsumaturi li ħallsu taxxa, lill-fornitur ta’ servizzi li ġabar din it-taxxa għan-nom tal-Istat, li sussegwentement instabet li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni; (ii) f’ċirkustanzi bħal dawn inkwistjoni, id-dritt nazzjonali jipprovdi għar-rimbors tat-taxxi indebiti permezz ta’ proċedura maqsuma f’żewġ partijiet: l-ewwel, il-konsumatur għandu jitlob il-ħlas lura tat-taxxa mill-fornitur ta’ servizzi (quddiem qorti ċivili), u mbagħad dan il-fornitur ta’ servizzi jista’ jitlob ir-rimbors mill-Istat (quddiem qorti amministrattiva); u (iii) il-konsumaturi jidhru li ma jistgħux jistrieħu fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/118 quddiem il-qorti tar-rinviju peress li l-Italja naqset milli tittrasponi din id-direttiva u r-rikorrenti jidhru li huma kumpanniji privati.

55.      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali għandhiex titqies bħala sitwazzjoni li fiha l-konsumatur huwa kkonfrontat b’diffikultà eċċessiva jew impossibbiltà li jikseb il-ħlas lura ta’ taxxa indebita, li għalhekk tista’ tiġġustifika l-kapaċità tiegħu li jaġixxi direttament kontra l-Istat (iktar milli kontra l-fornitur ta’ servizzi li ġabar it-taxxa).

56.      Ikolli ngħid, mill-bidu, li, minkejja l-kjarifiki pprovduti mill-qorti tar-rinviju bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-karatteristiċi tas-sistema domestika li tirregola l-ħlas lura tat-taxxi indebiti ma humiex kollha ċari għalija. Għaldaqstant naraha ħasra li ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura prinċipali, u lanqas – u din naraha partikolarment ħasra – il-Gvern Taljan ma rawha importanti li jipparteċipaw f’dawn il-proċeduri.

57.      Pereżempju, nistaqsi jekk humiex neċessarji żewġ settijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji fiċ-ċirkustanzi kollha sabiex jiġi żgurat li la l-konsumatur u lanqas il-fornitur ta’ servizzi ma jkollhom iħallsu l-piż tat-taxxa indebita. Jidhirli li tali rekwiżit huwa pjuttost problematiku. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-obbligu li “jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jitwettqu” huwa impost fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, u mhux biss fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji.

58.      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Costanzo, “meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-individwi jistgħu jinvokaw id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva quddiem il-qrati nazzjonali, l-organi amministrattivi kollha, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati [...] huma obbligati japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet” (49). Fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118 huma suffiċjentement ċari, preċiżi u inkundizzjonati sabiex ikunu jistgħu jiġu invokati (“vertikalment”) minn individwu kontra l-awtoritajiet pubbliċi, inklużi dawk amministrattivi bħalma huma l-aġenziji tat-taxxa.

59.      Iktar importanti minn hekk, ma narax b’mod ċar liema rimedji ġudizzjarji, jekk ikun il-każ, huma disponibbli għall-individwi li jitolbu l-ħlas lura ta’ taxxi indebiti, jekk il-proċedura ordinarja, prevista fl-Artikolu 14 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995, tirriżulta insuffiċjenti sabiex jintlaħaq dan ir-riżultat.

60.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi. Għaldaqstant, l-Istat Membru huwa obbligat, bħala prinċipju, iħallas lura t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni li jirregolaw it-talbiet għall-ħlas lura ta’ taxxi, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġuridiku domestiku ta’ kull Stat Membru li għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jitressqu dawn it-talbiet. Madankollu, dan il-prinċipju huwa suġġett għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi eżerċitata azzjoni għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut ikunu tali li l-piż ekonomiku tat-taxxi jkun jista’ jiġi nnewtralizzat (50).

61.      Abbażi ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jista’, bħala prinċipju, jopponi talba għal rimbors ta’ taxxa mħallsa indebitament imressqa mill-konsumatur finali li fuqu ġiet ittrasferita din it-taxxa, minħabba li ma huwiex dan il-konsumatur li ħallasha lill-awtoritajiet fiskali. Dan jiddependi mill-fatt li l-konsumatur – li fl-aħħar mill-aħħar isostni l-piż ta’ din it-taxxa – jista’, abbażi tad-dritt nazzjonali, iressaq azzjoni għall-irkupru ta’ pagamenti indebiti kontra l-fornitur. Madankollu, jekk ir-rimbors mill-fornitur jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li l-konsumatur ikun jista’ jressaq it-talba tiegħu għal rimbors direttament kontra l-awtoritajiet fiskali u li, għal dan l-għan, l-Istat Membru għandu jipprevedi l-mezzi neċessarji u regoli proċedurali ddettaljati (51).

62.      Jidhirli li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma rilevanti f’dan il-każ. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali inkwistjoni humiex tali li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konsumatur huwa kkonfrontat b’impossibbiltà jew diffikultà eċċessiva li jikseb il-ħlas lura ta’ taxxa indebita.

63.      Fil-fehma tiegħi, il-kundizzjoni ta’ “diffikultà eċċessiva” ma tistax tiġi evalwata fl-astratt, iżda għandha tiġi eżaminata skont is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull applikant. Dan l-applikant huwa “kostrett” li jgħaddi minn proċedura waħda jew iktar li, minħabba l-kumplessità, it-tul u/jew l-ispiża tagħhom, joħolqu għalih piż mhux raġonevoli, fid-dawl tal-ammont tas-somom li jistgħu jiġu rkuprati? Barra minn hekk, id-disponibbiltà (u ċ-ċansijiet raġonevoli li persuna tirnexxi) ta’ dawn il-proċeduri hija xi ħaġa li avukat prudenti jkollu għarfien tagħha, jew dawn ir-rimedji jidhrulu li huma ta’ fattibbiltà inċerta?

64.      Jekk, fid-dawl ta’ tali analiżi, il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali effettivament iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjoni ta’ impossibbiltà prattika jew ta’ diffikultà eċċessiva, il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni – li, f’tali każ, jikkoinċidi mad-dritt għal rimedju effettiv (52) – jeżiġi għalhekk li dawn il-konsumaturi jkunu awtorizzati jaġixxu direttament kontra l-Istat, sabiex jiksbu l-ħlas lura tat-taxxa indebita.

65.      Il-konsumaturi jkollhom għalhekk vantaġġ kbir fil-proċeduri mibdija kontra l-Istat. Minn naħa, huma jistgħu jsostnu li r-regola proċedurali li tipprojbixxihom milli jaġixxu direttament kontra l-Istat għandha tiġi ddikjarata inapplikabbli minħabba li tikser il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, huma jistgħu jinvokaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/118 peress li t-tilwima hija ta’ natura “vertikali”.

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-konsumatur finali jitlob direttament mingħand l-Istat ir-rimbors ta’ taxxa imposta bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda li tagħtih biss il-possibbiltà jirkupra din it-taxxa mingħand il-fornitur ta’ servizzi li jkun ġabarha f’isem l-Istat. Madankollu, jekk ir-rimbors mill-fornitur jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li l-konsumatur ikun jista’ jressaq it-talba tiegħu għal rimbors direttament kontra l-awtoritajiet fiskali.

V.      Konklużjoni

67.      Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunale di Como (il-Qorti Distrettwali ta’ Como, l-Italja):

1)      Id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li ma japplikawx dispożizzjonijiet nazzjonali li jmorru kontra dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma jkollhomx effett dirett f’tilwim bejn individwi privati, iżda lanqas ma jipprekludi li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jagħmlu dan, jekk id-dritt nazzjonali jipprovdi dan. Madankollu, dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati kontra organizzazzjonijiet jew korpi rregolati mid-dritt privat meta jkunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll ta’ awtorità pubblika, jew alternattivament, ikunu ngħataw ir-responsabbiltà, minn tali awtorità, li jeżerċitaw missjoni ta’ interess pubbliku u jkunu ngħataw, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti.

2)       Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-konsumatur finali jitlob direttament mingħand l-Istat ir-rimbors ta’ taxxa imposta bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda li tagħtih biss il-possibbiltà jirkupra din it-taxxa mingħand il-fornitur ta’ servizzi li jkun ġabarha f’isem l-Istat. Madankollu, jekk ir-rimbors mill-fornitur jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li l-konsumatur ikun jista’ jressaq it-talba tiegħu għal rimbors direttament kontra l-awtoritajiet fiskali.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara, b’diversi riferimenti għal dokumenti kontemporanji, Rasmussen, M., “How to enforce European law? A new history of the battle over the direct effect of Directives, 1958‑1987”, European Law Journal, 2017, p. 290.


3      Għal kontribuzzjoni reċenti ħafna f’dan il-qasam, ara Bobek, M. “Why Is It Better to Treat Every Provision of a Directive as a (Horizontally) Directly Effective One”, International Journal of Comparative Labour Labour Law and Industrial Relations, 2023, p. 1.


4      Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven f’Marshall (C‑271/91, EU:C:1993:30, punt 12); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz f’Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:45, punti 43 sa 73); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’Vaneetveld  (C‑316/93, EU:C:1994:32, punti 18 sa 34). Ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet magħmula b’mod inċidentali fil-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston f’Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:492, punt 150), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2018:614, punt 145).


5      Pescatore, P., “The doctrine of ‘direct effect’: An infant disease of community law”, European Law Review, 1983, p. 155.


6      Sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 48), u tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 20). Iktar reċentement, ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 32).


7      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 110 sa 118).


8      Ara iktar ’il quddiem, il-punti 35 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Ara speċjalment is-sentenzi tat‑30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172), u tat‑28 ta’ Jannar 1999, Unilever (C‑77/97, EU:C:1999:30).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punti 75 sa 77), u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punti 80 sa 91).


11      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et (C‑178/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C‑190/94, EU:C:1996:375, punt 27). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 27). Madankollu, fuq din il-kwistjoni, ara Szpunar, M., Direct Effect of Community Directives in National Courts – Some Remarks Concerning Recent Developments, Natolin European Centre, 2003, p. 4.


12      ĠU 2009, L 9, p. 12.


13      Id-Direttiva 2008/118 ma għadhiex fis-seħħ, peress li din tħassret permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifiki fil-ĠU 2020, L 409, p. 38 u fil-ĠU 2023, L 188, p. 60).


14      GURI Nru 68, tat‑22 ta’ Marzu 2007.


15      GURI Nru 280, tad‑29 ta’ Novembru 1988.


16      GURI Nru 67, tat‑23 ta’ Marzu 2011.


17      GURI Nru 52, tat‑2 ta’ Marzu 2012.


18      GURI Nru 279, tad‑29 ta’ Novembru 1995.


19      Sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2016 (C‑553/15, EU:C:2016:935), u tal‑25 ta’ Lulju 2018 (C‑103/17, EU:C:2018:587) rispettivament.


20      Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 33). Enfasi miżjuda minni.


21      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet tad-direttivi “jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ Stat, indipendentement mill-kwalità li fiha li jkun qiegħed jaġixxi dan tal-aħħar, jekk hux bħala persuna li timpjega jew awtorità pubblika” (enfasi miżjuda minni). Ara, inter alia, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 42), kif ukoll tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 17).


22      Fil-fatt, jekk waħda mir-raġunijiet għar-rifjut tal-effett dirett orizzontali tad-direttivi hija li tinżamm il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ ċerti regoli tal-Unjoni fid-dritt nazzjonali (ara iktar ’il quddiem, punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ma jkunx iġġustifikat li l-Istati Membri jkunu liberi li jirrinunzjaw għal din il-prerogattiva.


23      Ara l-editorjal “Is there more to say about the direct effect of Directives?”, European Law Review, 2018, p. 621.


24      Ara l-konklużjonijiet imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.


25      Fil-fatt, jekk jiġi rrikonoxxut effett dirett orizzontali lid-direttivi, ma jidhirx li jkun hemm differenza sinjifikattiva bejn dan l-istrument u r-regolamenti.


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata): “Fil-fatt, il-fatt li tiġi estiża l-invokabbiltà tad-direttivi li ma ġewx trasposti, jew li ġew trasposti b’mod inkorrett, għall-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-individwi jwassal sabiex tiġi rrikonoxxuta favur l-Unjoni s-setgħa li tadotta, b’effett immedjat, obbligi fir-rigward tal-individwi filwaqt li hija għandha din il-kompetenza biss f’dawk il-każijiet fejn hija ngħatat is-setgħa li tadotta regolamenti”.


27      Ara Dickon, J., “Directives in EU Legal Systems: Whose Norms Are They Anyway?”, European Law Journal, 2011, p. 190.


28      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.


29      Ara, inter alia, ir-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Ħidma IX dwar is-Semplifikazzjoni, 29 ta’ Novembru 2002, CONV 424/02, p. 3 sa 6; u Piris, J-C., The Constitution for Europe – A Legal Analysis, 2006, Cambridge University Press, p. 70 sa 73.


30      Ara, pereżempju, Piris, J-C., The Lisbon Treaty – A Legal and Political Analysis, 2010, Cambridge University Press, p. 92 sa 94.


31      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin (C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 32). Ara wkoll is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 72), u tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 42).


32      Kif għamlu billi emendaw (dak li issa huwa) ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, wara l-għoti tas-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462), u tal‑1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré (C‑263/02 P, EU:C:2004:210).


33      Sentenzi tal‑4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133), u tal‑5 ta’ April 1979, Ratti (148/78, EU:C:1979:110)


34      Skont il-prinċipju ta’ estoppel (jew nemo potest venire contra factum proprium).


35      Ara l-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq.


36      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 18), kif ukoll tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punti 33 sa 35).


37      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2000, Collino u Chiappero (C‑343/98, EU:C:2000:441, punt 24); tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 40); u tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Portgás (C‑425/12, EU:C:2013:829, punt 31).


38      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1982, Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda (249/81, EU:C:1982:402, punti 10 sa 15); tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 55); u tal‑5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑325/00, EU:C:2002:633, punti 14 sa 21).


39      Bl-istess mod, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston f’Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:492, punt 141).


40      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Van Gerven f’Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:188, p. 21).


41      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston f’Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:492, punti 143 sa 146).


42      Ara, b’mod simili l-analiżi mwettqa fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Portgás (C‑425/12, EU:C:2013:623, punti 35 sa 44).


43      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni domanda preliminari, ser nittratta l-kunċett ta’ “effettività” mifhum bħala “rimedju effettiv”.


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑403/99, EU:C:2001:507, punti 27, 28 u 37), u tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 95).


45      Nirreferi għall-ġurisprudenza dwar dak magħruf bħala l-effett orizzontali inċidentali tad-direttivi, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46      Dwar il-ħtieġa li jiġu rrikonċiljati l-“effet utile” u ċ-ċertezza legali f’dan il-qasam, ara Skouris, V., “Effet Utile versus Legal Certainty: The Case Law of the Court of Justice on the Direct Effect of Directives”, European Business Law Review, 2009, p. 241.


47      Ara Craig, P., “The Legal Effect of Directives: Policy, Rules and Exceptions”, European Law Review, 2009, p. 376 u 377; u Bobek, M., “Why Is It Better to Treat Every Provision of a Directive as a (Horizontally) Directly Effective One”, International Journal of Comparative Labour Law and Industrial Relations, 2023, p. 10.


48      Ara, pereżempju, “Editorial Comments, ‘Horizontal direct effect – A law of diminishing coherence?”, Common Market Law Review, 2006, p. 1; u Dashwood, A., “From Van Duyn to Mangold via Marshall: Reducing Direct Effect to Absurdity?”, Cambridge Yearbook of European Legal Studies, 2007, p. 81.


49      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 1989 (103/88, EU:C:1989:256, punt 31). Enfasi miżjuda minni.


50      Ara, inter alia, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Danfoss u Sauer-Danfoss (C‑94/10, EU:C:2011:674, punti 20 sa 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51      Ibid., punti 27 u 28. Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken (C‑35/05, EU:C:2007:167, punti 41 u 42).


52      Dwar din il-kwistjoni, b’mod estensiv u b’iktar referenzi, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara, Éire agus an tArd-Aighne (C‑64/20, EU:C:2021:14, punti 38 sa 46).