Language of document : ECLI:EU:C:2024:301

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

11 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 1(2) – Dazji tas-sisa – Elettriku – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-enerġija elettrika – Assenza ta’ finijiet speċifiċi – Taxxa addizzjonali meqjusa li hija kuntrarja għad-Direttiva 2008/118/KE mill-qrati nazzjonali – Irkupru mill-konsumatur finali tat-taxxa mħallsa indebitament mingħand il-fornitur biss – Artikolu 288 TFUE – Effett dirett – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑316/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Como (il-Qorti Distrettwali ta’ Como, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ April 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Mejju 2022, fil-proċedura

Gabel Industria Tessile SpA,

Canavesi SpA

vs

A2A Energia SpA,

Energit SpA,

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, Z. Csehi, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Ballestero Panizo u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u F. Moro, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri magħquda fil-kawża prinċipali, bejn, minn naħa, Gabel Industria Tessile SpA u A2A Energia SpA kif ukoll, min-naħa l-oħra, Canavesi SpA u Energit SpA u l-Agenzia delle Dogane e dei Monopoli (l-Aġenzija Doganali u tal-Monopolji, l-Italja), dwar talbiet intiżi għar-rimbors tas-somom imħallsa minn Gabel Industria Tessile u minn Canavesi, matul is-snin 2010 u 2011, lil A2A Energia u lil Energit, bħala taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku, prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE(ĠU 2009, L 9, p. 12), tħassret permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifiki fil-ĠU 2020, L 409, p. 38 u fil-ĠU 2023, L 188, p. 60). Madankollu, id-Direttiva 2008/118 tibqa’ applikabbli ratione temporis għall-fatti tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali.

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

(a)      prodotti tal-enerġija u l-elettriku koperti mid-Direttiva 2003/96/KE [tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405)];

[...]

2.      L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxi indiretti oħrajn fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għal finijiet speċifiċi, bil-kondizzjoni li dawk it-taxxi jikkonformaw mar-regoli tat-taxxa Komunitarja applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, l-impożizzjoni tal-ħlas u l-monitoraġġ tat-taxxa, iżda ma jinkludux id-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet.

[...]”

5        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118 kien jipprevedi:

“Id-dazju tas-sisa għandu jiġi impost u miġbur u, fejn xieraq, rimborżat jew maħfur skont il-proċedura stabbilita minn kull Stat Membru.

[...]”

6        L-Artikolu 48(1)ta’ din id-direttiva kien ifformulat kif ġej:

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva b’effett mill‑1 ta’ April 2010. [...]”

 Iddritt Taljan

 IdDigriet Liġi Nru 511/1988

7        Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tat-tilwimiet fil-kawża prinċipali u, fi kwalunkwe każ, sal‑31 ta’ Marzu 2012, l-Artikolu 6 tad-decreto‑legge n. 511 – Disposizioni urgenti in materia di finanza regionale e locale (id-Digriet Liġi Nru 511 li Jadotta Dispożizzjonijiet Urġenti dwar il-Finanzi Reġjonali u Lokali), tat‑28 ta’ Novembru 1988 (GURI Nru 280, tad‑29 ta’ Novembru 1988), hekk kif emendat bl-Artikolu 5 tad-decreto legislativo n. 26 – Attuazione della direttiva 2003/96/CE che ristruttura il quadro comunitario per la tassazione dei prodotti energetici e dell’elettricita (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 26 li Jimplimenta d-Direttiva 2003/96/KE li Tirriforma l-Qafas tal-Komunità dwar it-Tassazzjoni tal-Prodotti ta’ Enerġija u tal-Elettriku), tat‑2 ta’ Frar 2007 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 68, tat‑22 ta’ Marzu 2007) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 511/1988), kien ifformulat kif ġej:

“1.      Taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku previst fl-Artikoli 52 et seq. tat-Test Ikkonsolidat tad-Dispożizzjonijiet Leġiżlattivi Dwar it-Taxxi Fuq il-Produzzjoni u Fuq il-Konsum, Kif Ukoll Dwar is-Sanzjonijiet Kriminali u Amministrattivi, approvat permezz tad-[decreto legislativo 26 ottobre 1995, n. 504 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 504 tas‑26 ta’ Ottubru 1995)], iktar ’il quddiem imsejjaħ it-“Test Ikkonsolidat Dwar id-Dazji tas-Sisa”, qiegħda tiġi introdotta sal-ammont ta’:

(a)      [EUR] 18.59 għal kull 1 000 kWh, favur il-komuni, għal kull użu mwettaq fil-postijiet ta’ għajxien, bl-esklużjoni tar-residenzi sekondarji u tal-provvisti tal-elettriku b’saħħa disponibbli sa 3 kW fid-domiċilju rreġistrat tal-utenti sa massimu tal-ewwel 150 kWh ta’ konsum fix-xahar. Fir-rigward tal-konsum li jaqbeż il-limitu ta’ 150 kWh għall-kuntratti sa 1.5 kW, u li jaqbeż il-limitu ta’ 220 kWh għall-kuntratti ta’ iktar minn 1.5 kW u sa 3 kW, għandha tinġabar it-taxxa addizzjonali korrispondenti skont il-kriterji stabbiliti fil-punt 2 tal-Kapitolu I tad-Deliberazzjoni Nru 15 tal‑14 ta’ Diċembru 1993 tal-Kumitat Interministerjali tal-Prezzijiet;

(b)      [EUR] 20.40 għal kull 1 000 kWh, favur il-komuni, għal kull użu mwettaq fir-residenzi sekondarji;

(c)      [EUR] 9.30 għal kull 1 000 kWh, favur il-provinċji, għal kull użu mwettaq f’bini u f’postijiet għajr il-postijiet ta’ għajxien, għall-kuntratti kollha, sa massimu ta’ 200 000 kWh ta’ konsum fix-xahar.

[...]

3.      It-taxxi addizzjonali previsti fil-paragrafu 1 huma dovuti mill-persuni taxxabbli msemmija fl-Artikolu 53 tat-Test Ikkonsolidat Dwar id-Dazji tas-Sisa meta jiġi pprovdut l-elettriku lill-konsumaturi finali jew, fil-każ tal-elettriku prodott jew mixtri għall-użu tagħhom stess, fil-mument tal-konsum tiegħu. It-taxxi addizzjonali għandhom jinġabru u jiġu rkuprati bl-istess mod bħad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku.

4.      It-taxxi addizzjonali previsti fil-paragrafu 1 relatati mal-provvista tal-elettriku b’saħħa disponibbli ta’ mhux iktar minn 200 kW għandhom jitħallsu direttament lill-komuni u lill-provinċji li fit-territorju tagħhom l-utenti jkunu jinsabu. It-taxxi addizzjonali relatati mal-provvista tal-elettriku b’saħħa disponibbli ta’ iktar minn 200 kW u dawk relatati mal-konsum tal-elettriku prodott jew mixtri għall-użu personali għandhom jitħallsu lit-Teżor Pubbliku, bl-eċċezzjoni ta’ dawk miġbura fit-territorju tar-Reġjun ta’ Val d’Aosta [l-Italja] u tal-Provinċji awtonomi ta’ Trento [l-Italja] u ta’ Bolzano [l-Italja], li għandhom jitħallsu direttament lill-komuni u lill-provinċji nnifishom.

[...]”

 IdDigriet Leġiżlattiv Nru 504/1995

8        L-Artikolu 14 tad-decreto legislativo n. 504 – Testo unico delle disposizioni legislative concernenti le imposte sulla produzione e sui consumi e relative sanzioni penali e amministrative (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 504 li Jistabbilixxi Test Ikkonsolidat tad-Diżpozizzjonijiet Leġiżlattivi dwar it-Taxxi Fuq il-Produzzjoni u Fuq il-Konsum u dwar is-Sanzjonijiet Kriminali u Amministrattivi), tas‑26 ta’ Ottubru 1995 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 279, tad‑29 ta’ Novembru 1995) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995”) jipprovdi:

“1.      Id-dazji tas-sisa għandhom jiġu rrimborsati meta jkunu tħallsu indebitament; ir-regoli dwar ir-rimbors previsti f’dan l-artikolu għandhom japplikaw ukoll għat-talbiet relatati mal-faċilitajiet mogħtija permezz tal-ħlas lura, totali jew parzjali, tad-dazju tas-sisa mħallas, jew permezz ta’ mezzi oħra previsti mir-regoli li jirregolaw kull faċilità.

2.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(e) u tal-Artikolu 10b(1)(d), ir-rimbors għandu jintalab fi żmien sentejn mid-data tal-ħlas jew mid-data li fiha d-dritt għar-rimbors jista’ jiġi eżerċitat, jew id-dritt għal rimbors jiġi rrevokat.

[...]

4.      Meta, fi tmiem proċedura ġudizzjarja, il-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dazji tas-sisa tiġi kkundannata tħallas lura lil terzi s-somom miġbura indebitament bħala rkupru tad-dazju tas-sisa, ir-rimbors għandu jintalab minn din il-persuna f’terminu ta’ 90 jum mid-data li fiha d-deċiżjoni li tordna l-ħlas tas-somom tkun saret res judicata, jew jintilef id-dritt li jintalab ir-rimbors.”

9        L-Artikolu 16(3) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprovdi:

“Il-krediti miżmuma mill-persuni taxxabbli u mid-detenturi ta’ liċenzji għall-operazzjoni ta’ depożiti kummerċjali ta’ prodotti tal-enerġija, wara l-ħlas tat-taxxa, fuq l-akkwirenti tal-prodotti li fir-rigward tagħhom huma ħallsu din it-taxxa, jistgħu jiġu ttrasferiti fil-fatturazzjoni [...]”

10      L-Artikolu 53 tal-imsemmi digriet leġiżlattiv jipprevedi:

“1.      Il-persuni sussegwenti għandhom l-obbligu jħallsu d-dazju tas-sisa fuq l-elettriku:

(a)      l-entitajiet li jiffatturaw l-elettriku lill-konsumaturi finali [...]

[...]”

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

11      Gabel Industria Tessile u Canavesi huma żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Taljan li, rispettivament, ikkonkludew ma’ A2A Energia u ma’ Energit kuntratti għall-provvista tal-elettriku lis-siti ta’ produzzjoni tagħhom.

12      Għas-snin 2010 u 2011, Gabel Industria Tessile u Canavesi ħallsu l-ammonti dovuti taħt dawn il-kuntratti li kienu jinkludu taxxa addizzjonali, li kienet prevista, qabel ma tħassret fl‑1 ta’ April 2012, fl-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi Nru 511/1988 u li kienet tiżdied mad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku.

13      Fl‑2020, huma ressqu proċeduri kontra l-fornituri tagħhom quddiem it-Tribunale di Como (il-Qorti Distrettwali ta’ Como, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju sabiex jiksbu, fil-kuntest ta’ żewġ azzjonijiet ċivili, li dik il-qorti għaqdet, ir-rimbors tas-somom imħallsa fir-rigward ta’ din it-taxxa, minħabba li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-imsemmija taxxa kienu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

14      Dik il-qorti tindika li, wara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Messer France (C‑103/17, EU:C:2018:587), il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) iddeċidiet li t-taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku prevista, qabel ma tħassret, fl-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi Nru 511/1988, ma kellhiex għan speċifiku u li għalhekk kienet tmur kontra l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2008/118.

15      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li d-decreto legislativo n. 48 – Attuazione della direttiva 2008/118/CE relativa al regime generale delle accise e che abroga la direttiva 92/12/CEE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 li Jimplimenta d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-Arranġamenti Ġenerali għad-Dazju tas-Sisa u li Tħassar id-Direttiva 92/12/KEE) tad‑29 ta’ Marzu 2010 (GURI Nru 75, tal‑31 ta’ Marzu 2010), ma emendax l-Artikolu 6 tad-Digriet Liġi Nru 511/1988.

16      Il-qorti tar-rinviju żżid li ż-żewġ tilwimiet li hija adita bihom jifformaw parti minn numru ta’ tilwimiet pendenti, li jirrigwardaw it-trattament tas-somom imħallsa indebitament matul il-perijodu bejn l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva 2008/118 u t-tħassir tat-taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku mil-leġiżlatur Taljan.

17      F’dan ir-rigward, il-qrati inferjuri Taljani adottaw żewġ approċċi differenti.

18      Skont l-ewwel linja ta’ ħsieb ġurisprudenzjali, li, li kieku kellha tiġi segwita, twassal għaċ-ċaħda tat-talbiet għar-rimbors ta’ din it-taxxa, ma huwiex permess li l-qorti, f’tilwima bejn individwi, ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali inkompatibbli ma’ direttiva tal-Unjoni, taħt piena li tirrikonoxxilha “effett dirett orizzontali” mhux aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

19      It-tieni linja ta’ ħsieb ġurisprudenzjali, li, li kieku kellha tiġi segwita, twassal sabiex jintlaqgħu tali talbiet, hija bbażata fuq l-obbligu li d-dritt intern jiġi interpretat, mid-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni, fid-dawl tat-test u tal-iskop tagħha sabiex jintlaħqu r-riżultati mixtieqa minn din tal-aħħar. Skont din il-linja ta’ ħsieb, dan l-obbligu jwassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-prinċipju ta’ effett dirett vertikali biss tad-direttivi ma jipprekludix li n-natura indebita ta’ ħlas tiġi kkonstatata f’relazzjoni orizzontali “ta’ trasferiment”, minħabba l-konnessjoni bejn din ir-relazzjoni u r-relazzjoni fiskali li fir-rigward tagħha l-projbizzjoni imposta mid-dritt tal-Unjoni tapplika direttament.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Como (il-Qorti Distrettwali ta’ Como) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      B’mod ġenerali, is-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u, b’mod iktar partikolari, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jipprekludu li qorti nazzjonali teskludi, f’tilwima bejn individwi, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt intern li tmur kontra dispożizzjoni ċara, preċiża u inkondizzjonata ta’ direttiva mhux trasposta jew trasposta b’mod ħażin, bil-konsegwenza li timponi obbligu addizzjonali għal individwu, meta dan jikkorrispondi, fis-sistema ta’ dritt nazzjonali (Artikolu 14(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995), bil-kundizzjoni minn qabel sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jasserixxi kontra l-Istat id-drittijiet mogħtija lilu minn din id-direttiva?

2)      Il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (Artikolu 14(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995) li ma tippermettix il-konsumatur finali jitlob direttament lill-Istat ir-rimbors tat-taxxa mhux dovuta, iżda li tirrikonoxxilu biss id-dritt li jibda azzjoni ċivili għal irkupru ta’ pagamenti mhux dovuti kontra l-persuna taxxabbli, l-unika persuna awtorizzata li tikseb ir-rimbors min-naħa tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa, meta l-uniku motiv ta’ illegalità tat-taxxa – jiġifieri il-kuntrarjetà għal direttiva [tal-Unjoni] – jista’ biss jiġi invokat fil-kuntest tar-relazzjoni bejn il-persuna taxxabbli u Amministrazzjoni tat-Taxxa iżda mhux fil-kuntest tar-relazzjoni bejn il-persuna taxxabbli u l-konsumatur finali, u b’hekk jostakola, fil-prattika, għall-effettività tar-rimbors, jew għandu jirrikonoxxi, biex jiżgura l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, f’tali każ, id-dritt ta’ azzjoni diretta tal-konsumatur finali kontra t-Teżor, bħala każ ta’ impossibbiltà jew ta’ diffikultà eċċessiva li jinkiseb mill-fornitur ir-rimbors tat-taxxa mħallsa indebitament?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali teskludi, f’tilwima bejn individwi, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa li tmur kontra dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett.

22      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 288 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ direttiva, li fuqha hija msejsa l-possibbiltà li din tiġi invokata, teżisti biss fir-rigward tal-“Istati Membri kollha [destinatarji]”. Minn dan isegwi, skont ġurisprudenza stabbilita, li direttiva ma tistax minnha nnifisha toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra tali persuna quddiem qorti nazzjonali (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Sambre & Biesme u Commune de Farciennes, C‑383/21 u C‑384/21, EU:C:2022:1022, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23      Madankollu, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li Stat Membru jeżerċita l-kompetenza tiegħu fir-rigward tal-forma u tal-mezzi sabiex jintlaħqu r-riżultati stabbiliti mill-imsemmija direttiva billi jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, li, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, id-dispożizzjonijiet ċari, preċiżi u inkundizzjonati ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett isiru parti mill-ordinament ġuridiku intern tiegħu u li, b’riżultat ta’ dan, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati minn individwu kontra individwu ieħor. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, l-obbligu hekk impost fuq l-individwi huwa impost mhux fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni, iżda fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxix obbligu addizzjonali fir-rigward ta’ dawk previsti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Konsegwentement, għalkemm, skont id-dritt tal-Unjoni, direttiva ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għalhekk tiġi invokata, bħala tali, fil-konfront tiegħu quddiem qorti nazzjonali, għall-kuntrarju, Stat Membru jista’ jagħti lill-qrati nazzjonali s-setgħa li jeskludu, abbażi tad-dritt nazzjonali tiegħu, kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkollhiex effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2022, Thelen Technopark Berlin, C‑261/20, EU:C:2022:33, punt 33).

25      Għalhekk, minkejja l-assenza ta’ effett orizzontali ta’ direttiva, qorti nazzjonali tista’ tippermetti lil individwu jinvoka l-illegalità ta’ taxxa li tkun ġiet ittrasferita indebitament lilu minn bejjiegħ, konformement ma’ possibbiltà mogħtija lilu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex jikseb in-newtralizzazzjoni tal-piż ekonomiku addizzjonali li huwa kellu, fl-aħħar mill-aħħar, isostni, jekk tali possibbiltà tkun prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fatt li, fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ddeterminat mill-qorti tar-rinviju.

26      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill-partijiet fil-kawża mhux biss kontra Stat Membru u l-korpi kollha tal-amministrazzjoni tiegħu, iżda wkoll kontra organi jew entitajiet li jkunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew li jkollhom setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell, C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tiddetermina jekk il-fornituri kkonċernati jaqgħux taħt waħda minn dawn il-kategoriji.

27      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali teskludi, f’tilwima bejn individwi, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa indiretta li tmur kontra dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett, ħlief jekk id-dritt nazzjonali jkun jipprovdi mod ieħor jew jekk l-entità li kontriha tiġi invokata l-kuntrarjetà tal-imsemmija taxxa tkun suġġetta għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew ikollha setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi.

 Fuq ittieni domanda

28      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ effettività għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-konsumatur finali jitlob direttament lill-Istat Membru r-rimbors tal-piż ekonomiku addizzjonali li dan il-konsumatur ġarrab minħabba t-trasferiment imwettaq minn fornitur, konformement ma’ possibbiltà mogħtija lilu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ taxxa li dan tal-aħħar huwa stess ħallas indebitament, iżda li tippermetti lil tali konsumatur iressaq biss azzjoni ċivili għall-irkupru tal-ħlas indebitu kontra tali fornitur, meta n-natura indebita ta’ dan il-ħlas tkun il-konsegwenza tal-kuntrarjetà tal-imsemmija taxxa ma’ dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett, u meta, minħabba l-impossibbiltà li tiġi invokata bħal tali direttiva f’tilwima bejn individwi, dan il-motiv ta’ illegalità ma jkunx jista’ jiġi validament invokat fil-kuntest ta’ tali azzjoni.

29      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri huma meħtieġa, bħala prinċipju, li jirrimborsaw l-imposti u t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, fejn id-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ dawn it-taxxi huwa fil-fatt il-konsegwenza ta’ u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-partijiet fil-kawża mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu tali taxxi (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Danfoss u Sauer‑Danfoss, C‑94/10, EU:C:2011:674, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Madankollu, b’eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ rimbors ta’ taxxi li jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-ħlas lura ta’ dazji miġbura indebitament jista’ jiġi rrifjutat meta dan ikun iwassal għal arrikkiment indebitu tal-aventi kawża, jiġifieri meta jkun stabbilit li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-imsemmija dazji tkun effettivament ittrasferixxithom direttament lil persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Danfoss u Sauer‑Danfoss, C‑94/10, EU:C:2011:674, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-piż tat-taxxa miġbura indebitament ma jkunx iġġarrab mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa iżda jkun iġġarrab mill-konsumatur finali li lilu jkun ġie ttrasferit il-piż tat-taxxa. Għaldaqstant, ir-rimbors lill-persuna taxxabli tal-ammont tat-taxxa li hija tkun diġà ġabret mingħand il-konsumatur finali jkun ekwivalenti għal li hija tirċievi ħlas doppju li jista’ jiġi kklassifikat bħala arrikkiment indebitu, mingħajr madankollu ma jiġu rrimedjati l-konsegwenzi tal-illegalità tat-taxxa għall-konsumatur finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, Danfoss u Sauer‑Danfoss, C‑94/10, EU:C:2011:674, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Min-naħa l-oħra, f’din l-istess sitwazzjoni, għandu jiġi evitat li l-Istat Membru kkonċernat jikseb benefiċċju mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta tali trasferiment ikun twettaq, b’mod konformi ma’ possibbiltà li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikonoxxi lill-fornituri u meta, konsegwentement, il-konsumatur finali jkun, b’mod definittiv, ġarrab indebitament dan il-piż ekonomiku addizzjonali, dan tal-aħħar għandu jkollu l-possibbiltà li jikseb ir-rimbors ta’ tali piż jew direttament mingħand l-imsemmi Stat Membru, jew mingħand il-persuna taxxabbli li tkun qiegħda tbigħ. F’dan l-aħħar każ, din il-persuna taxxabbli għandha għalhekk ikollha l-possibbiltà li titlob lil dan l-istess Stat Membru l-kumpens għar-rimbors li hija kellha twettaq.

33      Sussegwentement għal din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jipprevedi l-modalitajiet proċedurali preċiżi li permezz tagħhom għandu jiġi eżerċitat id-dritt li jinkiseb ir-rimbors tal-imsemmi piż ekonomiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, EU:C:2007:167, punt 37), filwaqt li għandu jiġi mifhum li dawn il-modalitajiet għandhom josservaw il prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2004, Recheio – Cash & Carry, C‑30/02, EU:C:2004:373, punt 17, u tas‑6 ta’ Ottubru 2005, MyTravel, C‑291/03, EU:C:2005:591, punt 17).

34      B’mod partikolari, jekk tali rimbors jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli sabiex jinkiseb mingħand il-fornituri kkonċernati, il-prinċipju ta’ effettività ikun jeżiġi li l-konsumatur finali jkun f’pożizzjoni li jressaq it-talba tiegħu għal rimbors direttament kontra l-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, EU:C:2007:167, punt 41, u tas‑26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 53).

35      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 53 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995, it-taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku kellha titħallas mill-fornituri tal-elettriku, iżda li dawn tal-aħħar sussegwentement ittrasferixxewha lill-konsumaturi finali, konformement mal-possibbiltà mogħtija lilhom mill-Artikolu 16(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/1995. Issa, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, dan id-digriet leġiżlattiv jipprevedi li l-konsumaturi finali ma jistgħux jitolbu direttament mingħand l-Istat Membru kkonċernat ir-rimbors tal-piż ekonomiku addizzjonali li huma għalhekk kellhom iġarrbu indebitament, iżda li huma għandhom esklużivament jitolbu dan mingħand l-imsemmija fornituri.

36      Peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, dispożizzjoni ta’ direttiva li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett jew li ma tkunx ġiet trasposta, anki jekk din id-dispożizzjoni tkun ċara, preċiża u inkundizzjonata, ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligu addizzjonali impost fuq individwu meta mqabbel ma’ dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u peress li għalhekk din ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih, minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ġuridikament impossibbli għall-konsumaturi li jinvokaw kontra l-fornituri tal-elettriku l-inkompatibbiltà tat-taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/118 u, konsegwentement, li huma jiksbu r-rimbors tal-piż ekonomiku addizzjonali kkawżat minn din it-taxxa li huma kellhom iġarrbu minħabba l-assenza ta’ traspożizzjoni korretta ta’ din id-direttiva mir-Repubblika Taljana.

37      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-karatteristiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u bla ħsara għall-verifika tagħha mill-qorti tar-rinviju, li tali leġiżlazzjoni, billi ma tippermettix lil konsumatur jitlob direttament lill-Istat Membru r-rimbors tal-piż ekonomiku addizzjonali li huwa ġarrab minħabba t-trasferiment dirett, imwettaq minn fornitur abbażi ta’ possibbiltà mogħtija lilu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ taxxa li l-imsemmi fornitur innifsu ħallas indebitament lill-imsemmi Stat Membru, tikser il-prinċipju ta’ effettività.

38      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-konsumatur finali jitlob direttament lill-Istat Membru r-rimbors tal-piż ekonomiku addizzjonali li dan il-konsumatur ġarrab minħabba t-trasferiment imwettaq minn fornitur, konformement ma’ possibbiltà mogħtija lilu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ taxxa li dan tal-aħħar huwa stess ħallas indebitament, iżda li tippermetti lil tali konsumatur iressaq biss azzjoni ċivili għall-irkupru tal-ħlas indebitu kontra tali fornitur, meta n-natura indebita ta’ dan il-ħlas tkun il-konsegwenza tal-kuntrarjetà tal-imsemmija taxxa ma’ dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett, u meta, minħabba l-impossibbiltà li tiġi invokata bħala tali direttiva f’tilwima bejn individwi, dan il-motiv ta’ illegalità ma jkunx jista’ jiġi validament invokat fil-kuntest ta’ tali azzjoni.

 Fuq lispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali teskludi, f’tilwima bejn individwi, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa indiretta li tmur kontra dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett, ħlief jekk id-dritt nazzjonali jkun jipprovdi mod ieħor jew jekk l-entità li kontriha tiġi invokata l-kuntrarjetà tal-imsemmija taxxa tkun suġġetta għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew ikollha setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi.

2)      Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-konsumatur finali jitlob direttament lill-Istat Membru r-rimbors tal-piż ekonomiku addizzjonali li dan il-konsumatur ġarrab minħabba t-trasferiment imwettaq minn fornitur, konformement ma’ possibbiltà mogħtija lilu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ taxxa li dan tal-aħħar huwa stess ħallas indebitament, iżda li tippermetti lil tali konsumatur iressaq biss azzjoni ċivili għall-irkupru tal-ħlas indebitu kontra tali fornitur, meta n-natura indebita ta’ dan il-ħlas tkun il-konsegwenza tal-kuntrarjetà tal-imsemmija taxxa ma’ dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett, u meta, minħabba l-impossibbiltà li tiġi invokata bħala tali direttiva f’tilwima bejn individwi, dan il-motiv ta’ illegalità ma jkunx jista’ jiġi validament invokat fil-kuntest ta’ tali azzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.