Language of document : ECLI:EU:C:2024:510

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑13 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C368/23 [Fautromb] (i)

Haut conseil du commissariat aux comptes

vs

MO

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-formation restreinte du Haut conseil du commissariat aux comptes (il-Kunsill Għoli tal-Kummissarjat tal-Awdituri Statutorji, Kompożizzjoni Ristretta, Franza))

“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ qorti nazzjonali – Kriterji – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2006/43/KE – Artikoli 22 u 52 – Regolament (UE) Nru 537/2014 – Artikolu 5(1) u (2) – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 25 – Attivitajiet multidixxiplinari – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-awdituri statutorji milli jwettqu attivitajiet kummerċjali ħlief dawk aċċessorji għall-professjoni ta’ awditur – Rabta bejn id-Direttiva 2006/43 u r-Regolament Nru 537/2014 mad-Direttiva 2006/123 – Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/123 – Kunflitt ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni – Artikoli 49 u 56 TFUE – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità”






1.        L-Haut conseil du commissariat aux comptes (il-Kunsill Għoli tal-Kummissarjat tal-Awdituri Statutorji, Franza, iktar ’il quddiem il-“H3C”) kien, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari (2), l-awtorità pubblika ta’ superviżjoni tal-awdituri statutorji fi Franza.

2.        Kompożizzjoni ristretta tal-H3C għandha tiddeċiedi jekk timponix sanzjoni ta’ multa fuq u tipprojbixxix l-eżerċizzju tal-professjoni lil awditur statutorju akkużat li wettaq attivitajiet li huma inkompatibbli, skont id-dritt nazzjonali, mal-istatus tiegħu.

3.        Qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, il-kompożizzjoni ristretta tal-H3C tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Franċiża li tipprojbixxi lill-awdituri statutorji milli jwettqu attivitajiet kummerċjali, sakemm dawn ma jkunux aċċessorji għall-professjoni ta’ awditur. Għal dan l-għan, hija titlob l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE (3), tad-Direttiva 2006/43/KE (4) u tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 (5).

4.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tkun ammissibbli jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-kompożizzjoni ristretta tal-H3C teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li huwa kkontestat mill-Gvern Franċiż. Fir-rigward ta’ dak li ser nispjega sussegwentement, jiena naqbel ma’ dan il-gvern, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tqisha bħala ammissibbli.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva 2006/123

5.        Skont l-Artikolu 3 (“Relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja”):

“1.      Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jmorru kontra dispożizzjoni ta’ att Komunitarju ieħor li jirregola aspetti speċifiċi ta’ aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fis-setturi speċifiċi jew għal professjonijiet speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ l-att Komunitarju l-ieħor jipprevalu u għandhom japplikaw f’dawk is-setturi jew professjonijiet speċifiċi. […].”

6.        L-Artikolu 25 (“Attivitajiet multidixxiplinari”) jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ma jkunux issuġġettati għal rekwiżiti li jobbligawhom jeżerċitaw xi attività speċifika esklużivament jew li jirristrinġu l-eżerċizzju konġunt jew bi sħab ta’ attivitajiet differenti.

Madankollu, il-fornituri li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti:

a)      il-professjonijiet regolati, sa fejn huwa ġustifikat sabiex jiggarantixxu l-konformità mar-regoli dwar l-etika u l-kondotta professjonali, li tvarja skond in-natura speċifika ta’ kull professjoni, u meħtieġ sabiex tkun żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom;

[…]”.

2.      IdDirettiva 2006/43

7.        L-Artikolu 22 (“Indipendenza u oġġettività”) fih ir-regoli li l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità magħhom sabiex, essenzjalment, l-awdituri statutorji jew il-kumpanniji tal-awditjar ikunu indipendenti mill-entità awditjata, ma jkollhomx interessi finanzjarji f’dik l-entità jew f’entitajiet assoċjati magħha u jevitaw kunflitti ta’ interess ma’ xulxin.

8.        Skont l-Artikolu 52 (“Armonizzazzjoni minima”):

“L-Istati Membri li jesiġu l-verifika statutorja jistgħu jimponu rekwiżiti aktar stretti, sakemm ma jkunx previst b’mod ieħor minn din id-Direttiva.”

3.      IrRegolament Nru 537/2014

9.        L-Artikolu 5 (“Projbizzjoni tal-forniment ta’ servizzi mhux ta’ awditjar”) jipprovdi li:

“1.      L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar li jwettqu awditu statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku, jew kwalunkwe membru tan-netwerk li minnu l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jagħmlu parti, ma għandhomx jipprovdu direttament jew indirettament lill-entità awditjata, lill-intrapriża prinċipali tagħha jew lill-intrapriżi kkontrollati tagħha fl-Unjoni, kwalunkwe servizz mhux tal-awditjar ipprojbit

a)      fil-perijodu bejn il-bidu tal-perijodu awditjat u l-ħruġ tar-rapport tal-awditjar; u

b)      fis-sena finanzjarja immedjatament qabel il-perijodu msemmi fil-punt (a) b’rabta mas-servizzi elenkati fil-punt (g) tat-tieni subparagrafu.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, servizzi mhux ta’ awditjar ipprojbiti għandhom ifissru:

[…]

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu servizzi li mhumiex dawk elenkati fil-paragrafu 1 fejn iqisu li dawk is-servizzi jirrappreżentaw theddida għall-indipendenza.

[…]”.

B.      Iddritt Franċiż

1.      Code de commerce (Kodiċi kummerċjali)

a)      Illeġiżlazzjoni talH3C applikabbli ratione temporis

10.      Il-punt I tal-Artikolu L. 821–1 jipprovdi li l-H3C jeżerċita, fost l-oħrajn, il-funzjonijiet ta’ reġistrazzjoni tal-awdituri statutorji; l-adozzjoni ta’ regoli dwar id-deontoloġija tal-awdituri statutorji, il-kontroll intern tal-kwalità u l-eżerċizzju professjonali; il-monitoraġġ tal-konformità mal-obbligi tal-awdituri f’dan il-qasam; u l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet.

11.      Il-punt II tal-Artikolu L. 821–2 jistabbilixxi li l-H3C għandu jiddeċiedi f’kompożizzjoni ristretta fir-rigward tas-sanzjonijiet.

12.      B’mod konformi mal-Artikolu L. 821–3–1, il-H3C għandu dipartiment responsabbli għat-twettiq tal-investigazzjonijiet qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ sanzjoni. Dan id-dipartiment huwa mmexxi minn rapporteur général (relatur ġenerali).

13.      L-Artikolu L. 824–4 jipprovdi li l-President tal-H3C għandu jissottometti lir-relatur ġenerali kull fatt li jista’ jiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura ta’ sanzjoni. Ir-relatur ġenerali jista’ wkoll jibda proċedura abbażi ta’ lmenti indirizzati lilu.

b)      Inkompatibbiltajiet tal-awdituri statutorji

14.      L-Artikolu L. 822–10, fil-formulazzjoni tiegħu preċedenti għal-Liġi Nru 2019–486, tat‑22 ta’ Mejju 2019 (6), kien jistabbilixxi li l-funzjonijiet ta’ awdituri statutorji huma inkompatibbli:

“1.      Ma’ kull attività jew att li jistgħu jimminaw l-indipendenza tiegħu.

2.      Ma’ kwalunkwe impjieg b’salarju; madankollu, l-awditur statutorju huwa awtorizzat jipprovdi tagħlim assoċjat mal-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu jew ikun impjegat ma’ awditur statutorju jew kontabilista.

3.      Ma’ kwalunkwe attività kummerċjali, kemm jekk hija mwettqa direttament jew permezz ta’ intermedjarju.”

15.      Il-Liġi Nru 2019–486 introduċiet żewġ eċċezzjonijiet għat-tielet waħda mill-inkompatibbiltajiet imsemmija. Abbażi ta’ dan, il-funzjonijiet ta’ awditur issa huma kompatibbli ma’:

–        L-attivitajiet kummerċjali aċċessorji għall-professjoni ta’ awditur, li għandhom jitwettqu skont ir-regoli tad-deontoloġija u ta’ indipendenza tal-awdituri statutorji, u skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 22(3) tad-Digriet Nru 45–2138 tad‑19 ta’ Settembru 1945 (7); u

–        L-attivitajiet kummerċjali aċċessorji mwettqa minn “kumpannija multiprofessjonali li teżerċita” b’mod konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 31–5 tal-Liġi Nru 90–1258 (8).

2.      Ordonnance nº 45-2138

16.      Skont l-Artikolu 22:

“Il-funzjonijiet tal-awditur huma inkompatibbli ma’ kull okkupazzjoni jew att li jista’ jippreġudika l-indipendenza tal-persuna li twettaqha, b’mod partikolari:

[…]

Permezz ta’ kull attività kummerċjali jew kull att ta’ intermedjarju minbarra dik li tinvolvi l-eżerċizzju tal-professjoni, ħlief jekk tkun imwettqa fuq bażi aċċessorja u ma tkunx ta’ natura li tikkomprometti l-eżerċizzju tal-professjoni jew l-indipendenza tal-awdituri soċji, kif ukoll l-osservanza minnhom tar-regoli inerenti għall-istatus tagħhom u tad-deontoloġija tagħhom.”

II.    Ilfatti, ilkawża u ddomandi preliminari

17.      MO ilu awditur statutorju sa mill‑1976. Huwa ilu jidher ukoll fir-Reġistru tal-Awdituri sa mill-1967.

18.      MO għandu, direttament jew indirettament, permezz tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Fiducial International, 99.9 % tal-kapital tal-kumpannija ċivili Fiducial (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Fiducial SC”), li tagħha huwa l-amministratur. Din il-kumpannija hija l-kumpannija omm tal-grupp multidixxiplinari Fiducial, li MO waqqaf fl‑1970 (9).

19.      Fit‑3 ta’ Jannar 2022, il-Presidenta tal-H3C informat lir-relatur ġenerali b’sensiela ta’ fatti li setgħu jippreżumu t-twettiq, minn MO stess, ta’ attivitajiet kummerċjali inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ awditur. Fl-istess jum, ir-relatur ġenerali fetaħ investigazzjoni dwar in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ MO rigward l-eżerċizzju tal-awditjar tal-kontijiet.

20.      Fit‑13 ta’ Ottubru 2022, inbdiet formalment proċedura ta’ sanzjoni kontra MO.

21.      Il-kompożizzjoni ristretta tal-H3C għandha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk MO kisirx, mit‑3 ta’ Jannar 2016, il-punt 3 tal-Artikolu L. 10–822 tal-Kodiċi tal-Kummerċ. MO wettaq dan il-ksur billi eżerċita, direttament jew indirettament, permezz tal-kumpanniji Fiducial SC u Fiducial International, attivitajiet kummerċjali mhux aċċessorji għall-professjoni ta’ awditur u, għalhekk, inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ awditur statutorju (10).

22.      Waqt is-sessjoni tiegħu tat‑13 ta’ April 2023, ir-relatur ġenerali talab li MO jitħassar mir-reġistru tal-awdituri, li tiġi imposta fuqu sanzjoni pekunjarja ta’ EUR 250 000, u li tiġi ordnata l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’ġurnal ekonomiku jew finanzjarju bi spejjeż tal-parti kkonċernata.

23.      Matul l-istess seduta, ir-rappreżentant ta’ MO talab li jinħeles mill-akkużi filwaqt li sostna li l-punt 3 tal-Artikolu L. 10–822 tal-Kodiċi tal-Kummerċ kien imur kontra d-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123.

24.      Il-kompożizzjoni ristretta tal-H3C tiddubita kemm il-projbizzjoni imposta fuq l-awdituri statutorji milli jwettqu attivitajiet kummerċjali hija kompatibbli mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123, moqri flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

25.      Għall-kompożizzjoni ristretta tal-H3C, fil-qosor:

–        Tali projbizzjoni tista’ tipprevjeni sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi u, għaldaqstant, tillimita r-riskji ta’ preġudizzju għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-awdituri.

–        Il-projbizzjoni tista’ tkun ibbażata fuq id-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri li jimponu regoli iktar stretti minn dawk espliċitament previsti mid-Direttiva 2006/43.

–        L-eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni (li jawtorizzaw lill-awdituri statutorji jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali aċċessorji għall-professjoni ta’ awditur jew attivitajiet kummerċjali mwettqa b’mod aċċessorju minn kumpannija stabbilita għall-eżerċizzju konġunt ta’ ċerti professjonijiet liberi) jillimitaw il-preġudizzju kkawżat għal-libertà tal-awdituri statutorji li jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom. Fl-istess ħin, huma jiddeterminaw li dawn l-attivitajiet awtorizzati huma suġġetti għal ċerti regoli deontoloġiċi imposti fuq l-awdituri jew fuq professjonijiet irregolati oħra (11).

26.      F’dan il-kuntest, il-kompożizzjoni ristretta tal-H3C tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 25 tad-Direttiva [2006/123] għandu jiġi interpretat, b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2006/43] u tar-Regolament [Nru 537/2014] fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi lill-Awdituri Statutorji u lill-kumpanniji tal-verifika milli jeżerċitaw kull attività kummerċjali, kemm jekk eżerċitata b’mod dirett jew permezz ta’ intermedjarju?

2)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, dan japplika wkoll meta din il-leġiżlazzjoni teskludi mill-kamp ta’ din il-projbizzjoni, bħala eċċezzjoni, minn naħa, l-attivitajiet kummerċjali aċċessorji għall-professjoni ta’ awditur, eżerċitati b’osservanza tar-regoli ta’ deontoloġija u ta’ indipendenza tal-kummissarji fil-kontijiet u fil-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 22 [tad-Digriet Leġiżlattiva Nru 45-2138] u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet kummerċjali aċċessorji eżerċitati minn kumpannija multi-professjonali fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 31-5 tal-Liġi Nru 90–1258 tal‑31 ta’ Diċembru 1990?”

III. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

27.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ġunju 2023.

28.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn MO, mill-Gvern Belġjan u dak Franċiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Belġjan, dehru fis-seduta li nżammet fid‑9 ta’ April 2024.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Fuq lammissibbiltà tarrinviju għal deċiżjoni preliminari

29.      Il-Gvern Franċiż iqis li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli, peress li l-kompożizzjoni ristretta tal-H3C ma hijiex qorti li tista’ tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE.

30.      L-oġġezzjoni tiegħu hija bbażata fuq is-sentenza CityRail (12) u tifformula ruħha, essenzjalment, f’dawn it-termini:

–        Il-H3C hija awtorità amministrattiva indipendenti, fattur li, kif tenfasizza s-sentenza CityRail (punt 45), għandu importanza partikolari meta jiġi deċiż jekk id-deċiżjonijiet tagħha humiex ta’ natura ġudizzjarja, lil hinn mill-kriterji tradizzjonali (13) li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju. Il-H3C “irreferiet għall-[kriterji Vaassen-Göbbels] mingħajr ma eżaminat għalfejn id-deċiżjoni li għandha tingħata hija ta’ natura ġudizzjarja fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” (14).

–        Fis-sistema ta’ superviżjoni pubblika tal-awditjar tal-kontijiet, il-H3C jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2006/43, li l-Artikolu 30(d) tagħha jeżiġi li d-deċiżjonijiet tiegħu jkunu jistgħu jiġu appellati. Fi Franza, huwa l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li għandu jkun jaf, fl-ewwel u fl-aħħar istanza, ir-rimedji ta’ ġurisdizzjoni sħiħa kontra d-deċiżjonijiet tal-H3C. Dan il-fattur huwa indikazzjoni tan-natura amministrattiva ta’ dawn id-deċiżjonijiet (sentenza CityRail, punt 62).

–        Is-sanzjonijiet imposti mill-H3C huma sanzjonijiet amministrattivi li, mid-definizzjoni tagħhom stess, ma humiex imposti mill-qrati. Il-kompożizzjoni ristretta tal-H3C ma tikkontrollax il-legalità ta’ deċiżjoni adottata preċedentement, iżda tieħu pożizzjoni, għall-ewwel darba, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva.

–        Il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni interna tal-H3C jirriżultaw minn rekwiżiti kostituzzjonali, inkwantu jisseparaw il-funzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ istruzzjoni, minn naħa, u l-għoti tas-sanzjoni, min-naħa l-oħra. Dawn jikkorrispondu mal-għan li jiġu żgurati d-drittijiet tad-difiża u n-natura kontradittorja tal-proċedura ta’ sanzjoni. Id-deċiżjoni mogħtija mill-kompożizzjoni ristretta tal-H3C fl-aħħar ta’ din il-proċedura hija attribwita lill-H3C stess “bħala istituzzjoni”.

31.      Fil-fehma tiegħi, l-oġġezzjoni tal-Gvern Franċiż għandha tintlaqa’. Inevitabbilment ser ikolli nirreferi, sabiex nissostanzja l-opinjoni tiegħi, kemm għall-kunsiderazzjonijiet li esponejt fil-konklużjonijiet fil-kawża CityRail (15), kif ukoll għas-sentenza mogħtija hemmhekk.

1.      Rinviji għal deċiżjoni preliminari u awtoritajiet ta’ superviżjoni indipendenti

32.      Il-verifika tal-kriterji Vaassen-Göbbels tissodisfa l-metodoloġija normalment segwita sabiex jiġi ddeterminat meta talba għal deċiżjoni preliminari ssir minn qorti, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

33.      Madankollu, billi japplikaw il-kategoriji tal-Artikolu 267 TFUE għall-awtoritajiet regolatorji u ta’ sorveljanza indipendenti, il-kriterji Vaassen-Göbbels (b’mod partikolari, dak tal-indipendenza tal-korp) jgħaddu għat-tieni livell. Ma huwiex biżżejjed li dawn jiġu ssodisfatti sabiex dawn l-awtoritajiet ikollhom il-kwalità ta’ qorti (16).

34.      Dak li huwa rilevanti, f’dan ir-rigward, huwa li jiġi vverifikat jekk dawn l-awtoritajiet indipendenti, fid-dawl tan-natura speċifika tal-funzjonijiet tagħhom f’kuntest partikolari, jiħdux deċiżjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (17).

35.      Dan huwa dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja: “Din il-verifika hija ta’ importanza partikolari fil-każ ta’ awtoritajiet amministrattivi li l-indipendenza tagħhom tkun konsegwenza diretta tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li jagħtihom kompetenzi ta’ superviżjoni settorjali u ta’ sorveljanza tas-swieq. Minkejja li dawn l-awtoritajiet jistgħu jissodisfaw il-kriterji […] Vaassen-Göbbels […], l-attività ta’ sorveljanza settorjali u ta’ sorveljanza tas-swieq hija, essenzjalment, ta’ natura amministrattiva […], inkwantu din timplika l-eżerċizzju ta’ kompetenzi li jkunu estranji għal dawk attribwiti lill-qrati” (18).

36.      L-Artikolu L. 821–1 tal-Kodiċi tal-Kummerċ jiddefinixxi l-H3C bħala awtorità pubblika indipendenti. Il-Gvern Franċiż, wara li ddetermina li din l-indipendenza hija l-konsegwenza diretta tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni (19), jenfasizza n-natura amministrattiva, u mhux ġudizzjarja, tal-kompetenzi tal-H3C.

2.      Funzjonijiet talinfurzar talliġi ta’ awtoritajiet indipendenti

37.      L-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2006/43 jikkonċerna firxa wiesgħa ta’ funzjonijiet tar-regolaturi nazzjonali fil-qasam tal-awditjar tal-kontijiet. Din hija firxa ta’ kompiti tipikament amministrattivi, li jiffurmaw il-kuntest speċifiku li fih jeżerċitaw is-setgħat tagħhom (20).

38.      Fost dawn il-funzjonijiet hemm, għal dak li huwa rilevanti fil-kawża ineżami dik li d-Direttiva 2006/43 tagħtihom fil-Kapitolu VII (“Investigazzjonijiet u sanzjonijiet”). L-Artikolu 30a tagħha jagħti s-setgħa ta’ sanzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li jenfasizza li dawn huma “sanzjonijiet amministrattivi”, kif itenni l-Artikolu 30(3).

39.      Il-H3C għandu setgħa ta’ sanzjoni ta’ natura amministrattiva fil-qasam tal-awditjar tal-kontijiet. Din il-karatteristika, qabelxejn, “[t]ikkostitwixxi indizju tan-natura amministrattiva u mhux ġudizzjarja [tagħha]” (21).

40.      Waqt is-seduta, kien hemm ċertu dibattitu dwar jekk il-ġurisprudenza CityRail kellhiex tinftiehem bħala applikabbli biss għall-funzjonijiet regolatorji tal-awtoritajiet indipendenti jew li testendi wkoll għall-funzjonijiet ta’ sanzjoni tagħhom (22). Fil-fehma tiegħi, ma hemmx raġuni sabiex titnaqqas il-portata ta’ din is-sentenza, iktar u iktar peress li l-għoti ta’ setgħat ta’ sanzjoni lill-awtoritajiet indipendenti huwa, f’ħafna każijiet, strument ewlieni għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom.

3.      Proċedura ta’ sanzjoni

41.      Tikkostitwixxi wkoll indikatur tal-fatt li korp jeżerċita funzjonijiet ta’ natura amministrattiva u mhux ġudizzjarja “[i]s-setgħa tal-korp li jressaq proċeduri ex officio […],  kif ukoll dik li jimponi, ukoll ex officio, sanzjonijiet fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu” (23).

42.      Issa, il-H3C, f’każijiet bħal dak inkwistjoni, jaġixxi ex officio, mingħajr ilment minn qabel (24), wara li jiġi ordnat il-ftuħ tal-fajl mill-Presidenta tiegħu. Fil-fażi finali tal-proċedura ta’ sanzjoni, huwa minnu li hija involuta kompożizzjoni ristretta, iżda din il-kompożizzjoni xorta hija parti mill-korp li jifforma l-H3C innifsu. Dan għandu, bħalma jirrimarka l-Gvern Franċiż, ir-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet tal-korpi interni tiegħu. Għalhekk, il-H3C ma hijiex awtorità li għandha l-kwalità ta’ parti terza fil-konfront tal-kompożizzjoni ristretta tagħha, u lanqas viċe versa.  

43.      Huwa minnu li l-impetu tal-proċedura jaqa’ fuq ir-relatur ġenerali. Madankollu, anki jekk il-proċedura ma hijiex implimentata mill-persuna responsabbli għad-deċiżjoni finali, huwa, fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-H3C li jassumi l-funzjonijiet kollha, anki jekk b’mod separat jew kondiviż, bejn unitajiet differenti tal-istruttura organika tiegħu.

44.      L-arkitettura tal-proċedura amministrattiva segwita f’din il-kawża tiżvela li, ma hijiex, fiha nnifisha, tilwima bejn il-partijiet, iżda pjuttost kawża indirizzata b’mod inkwiżitorjali kontra MO. Il-kompożizzjoni ristretta tal-H3C ma twettaqx funzjoni ta’ kontroll fuq deċiżjoni preċedenti, iżda pjuttost tieħu pożizzjoni u tirrisolvi għall-ewwel darba permezz tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ sanzjoni (25).

45.      Fir-rigward tas-separazzjoni tal-funzjonijiet istruttorji minn dawk ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ta’ sanzjoni, huwa loġiku li l-korp mitlub jiddeċiedi huwa sseparat minn dak li huwa kompetenti sabiex jinvestiga l-fatti u sabiex tibda l-akkuża. Il-Gvern Franċiż jenfasizza, kif diġà indikajt, li din is-separazzjoni tissodisfa rekwiżiti kostituzzjonali (26).

46.      Konsegwentement, is-separazzjoni tal-attivitajiet istruttorji u ta’ deċiżjoni, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma hijiex element indikatur tat-twettiq ta’ funzjonijiet ġudizzjarji.

47.      Id-deċiżjoni li l-kompożizzjoni ristretta tal-H3C tieħu fi tmiem il-proċedura, ma għandha, fl-ebda każ, is-setgħa ta’ res judicata, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

48.      Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż indika li, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali, il-korp ta’ sanzjonar jista’ jirrevoka sussegwentement il-miżura adottata, possibbiltà li ma titbiegħed min-natura tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji (27). Madankollu, id-difiża ta’ MO opponiet din il-possibbiltà.

4.      Rimedji ġudizzjarji kontra ddeċiżjonijiet talawtorità indipendenti

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala “amministrattiva” l-attività tal-korpi regolatorji li ma għandhomx il-funzjoni li jikkontrollaw il-legalità ta’ deċiżjoni, iżda li jiddeċiedu, għall-ewwel darba, dwar l-ilment ta’ persuna li tista’ tkun suġġetta għal miżuri amministrattivi u li d-deċiżjonijiet tagħhom huma suġġetti għal rimedju ġudizzjarju (28).

50.      Barra minn hekk, hija rrilevat li:

–        Il-fatt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw “li d-deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju jkunu jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fatt li, […] huwa indikattiv tan-natura amministrattiva ta’ tali deċiżjonijiet” (29).

–        “[Il-]parteċipazzjoni tal-Korp Regolatorju fi proċedura għat-tressiq ta’ kawża, li tikkontesta d-deċiżjoni tiegħu stess, tikkostitwixxi indizju tal-fatt li, meta huwa jadotta tali deċiżjoni, il-Korp Regolatorju ma jkollux il-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-interessi preżenti” (30).

51.      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tiegħu, il-korp tar-rinviju jinjora l-importanza tas-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji kontra d-deċiżjonijiet tiegħu. Għall-kuntrarju, l-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż juru li, bi qbil mal-Artikolu 30e tad-Direttiva 2006/43 (31), id-deċiżjoni tal-kompożizzjoni ristretta tal-H3C tista’ tiġi appellata quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

52.      Billi jiddeċiedi dan il-każ, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), jeżerċita ġurisdizzjoni sħiħa, fattwali u legali, fuq id-deċiżjoni meħuda mill-kompożizzjoni ristretta tal-H3C, li l-Gvern Franċiż jikkwalifika bħala “istanza amministrattiva” (32).

53.      Dan l-issuġġettar għall-istħarriġ ġudizzjarju jimplika li d-deċiżjoni ta’ sanzjoni tal-H3C “ma tistax ikollha attribuzzjonijiet ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, b’mod partikolari awtorità ta’ res judicata” (33). Għall-kuntrarju, dan jista’ jwassal għal proċedura ġudizzjarja, fejn il-H3C jassumi r-rwol ta’ konvenut (34). Għal darba oħra, dan il-fattur “[j]ikkostitwixxi indizju tal-fatt li, meta huwa jadotta tali deċiżjoni, il-Korp Regolatorju ma jkollux il-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-interessi preżenti” (35).

54.      Huwa matul l-intervent sussegwenti ta’ korp ġudizzjarju veru [il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat)] li dan jista’, jekk iqis li jkun meħtieġ, jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jesponi d-dubji tiegħu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (36).

55.      Għaldaqstant, ma jeżisti l-ebda riskju li din l-interpretazzjoni tkun bla effett. Mill-perspettiva tal-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, “l-eżistenza tal-imsemmija rimedji ġudizzjarji jippermettu li tiġi żgurata l-effettività tal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE” (37).

5.      Konklużjoni intermedjarja

56.      Is-somma tal-fatturi li għadni kif esponejt turi li l-kompożizzjoni ristretta tal-H3C ma teżerċitax funzjonijiet ġudizzjarji meta timponi sanzjoni amministrattiva fuq l-awditur. Bl-istess mod, din ma hijiex awtorizzata tuża l-mekkaniżmu tal-Artikolu 267 TFUE. It-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari hija, għalhekk, inammissibbli.

57.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tal-istess fehma, ser nanalizza, fi kwalunkwe każ, il-mertu ta’ din it-talba.

B.      Fuq ilmertu

1.      Preliminari

58.      L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-awdituri statutorji u lill-kumpanniji tal-awditjar milli jwettqu kwalunkwe attività kummerċjali. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk din il-leġiżlazzjoni tmurx kontra l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 li “għandu jiġi interpretat, b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2006/43] u tar-Regolament [Nru 537/2014]”, li hija ma tippreċiżax.

59.      It-tieni domanda preliminari hija magħmula fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda. F’tali ipoteżi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk is-sens tar-risposta jinbidilx meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti ċerti eċċezzjonijiet għall-inkompatibbiltà (attivitajiet kummerċjali aċċessorji għall-professjoni ta’ awditur jew eżerċitati minn kumpannija multiprofessjonali).

60.      Qabel xejn, għandha tiġi ċċarata s-sekwenza temporali tar-regoli interni, peress li l-fatti li bihom huwa akkużat MO seħħew bejn it‑3 ta’ Jannar 2016 u l-jum tal-ftuħ tal-investigazzjoni, fit‑3 ta’ Jannar 2022. Matul dan il-perijodu, kien hemm żewġ sistemi legali differenti fir-rigward tal-punt 3 tal-Artikolu L. 822–10 tal-Kodiċi tal-Kummerċ:

–        Mit‑3 ta’ Jannar 2016 sad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 2019–486, kien totalment ipprojbit għall-awdituri li jwettqu kwalunkwe attività kummerċjali, f’isimhom jew permezz ta’ intermedjarju.

–        Mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 2019–486, din il-projbizzjoni ġiet ikkwalifikata, u huma ammessi ż-żewġ eċċezzjonijiet li diġà semmejt (38).

61.      Kull domanda tikkorrispondi għar-riferimenti regolatorji rispettivi applikabbli għal dawn is-subperijodi.

62.      Minn perspettiva oħra, u f’dak li jirrigwarda t-tieni domanda preliminari, ir-raġuni għall-introduzzjoni fid-dibattitu tal-eċċezzjoni dwar l-“attivitajiet kummerċjali aċċessorji mwettqa minn kumpannija multiprofessjonali li teżerċita taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 31–5 tal-Liġi Nru 90–1258 [...]”, għadha ma hijiex ċara. Jiena tal-fehma, bħall-Gvern Franċiż (39), li, fid-dawl tal-fatti allegati fil-konfront ta’ MO, dan is-subparagrafu jista’ ma jkunx rilevanti fil-kawża ineżami.

63.      Fil-fatt, din ma hijiex kwistjoni dwar jekk kumpannija tal-awditjar tistax tintegra fi ħdanha professjonisti oħra u twettaq simultanjament attivitajiet oħra minbarra dawk tal-awditjar (40). Il-problema mqajma f’din il-kawża hija biss dik dwar jekk awditur statutorju li huwa persuna fiżika jistax, permezz ta’ kumpanniji li huwa jippossedi l-kapital tagħhom jew li jipparteċipa fihom, iwettaq attivitajiet kummerċjali oħra.

64.      Għalhekk, ser niffoka l-attenzjoni, fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, fuq l-eċċezzjoni dwar “l-attivitajiet kummerċjali aċċessorji għall-professjoni ta’ awditur, eżerċitati b’osservanza tar-regoli ta’ deontoloġija u ta’ indipendenza tal-awdituri statutorji u fil-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 22 [tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 45-2138]”.

2.      Dispożizzjonijiet rilevanti taddritt talUnjoni

65.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123, fid-dawl tad-Direttiva 2006/43 (li tirregola l-attività tal-awdituri statutorji fl-Unjoni) u tar-Regolament Nru 537/2014 (li jirregola biss l-awditi tal-entitajiet ta’ interess pubbliku) (41).

66.      Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/123 (42), jekk ikun hemm “konflitti” bejnha u bejn id-Direttiva 2006/43 jew ir-Regolament Nru 537/2014, l-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, jiġifieri l-lex specialis, tipprevali fuq il-lex generalis.

67.      L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123, f’dak li jikkonċerna l-attivitajiet multidixxiplinari, jinkludi prinċipju ġenerali mmoderat minn diversi eċċezzjonijiet:

–        Il-prinċipju ġenerali (l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1) huwa li “l-fornituri ma jkunux issuġġettati għal rekwiżiti li jobbligawhom jeżerċitaw xi attività speċifika esklużivament” jew għal rekwiżiti “li jirristrinġu l-eżerċizzju konġunt jew bi sħab ta’ attivitajiet differenti”.

–        L-eċċezzjoni (it-tieni paragrafu tal-punt 1) li hija rilevanti fil-kawża ineżami hija dik li tikkonċerna l-professjonijiet irregolati, fosthom dik tal-awdituri statutorji. Ir-reġim tagħhom jista’ ma jkunx konformi mal-prinċipju ġenerali, jiġifieri l-libertà li jitwettqu attivitajiet multidixxiplinarji: a) jekk huwa ġġustifikat sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ deontoloġija inerenti għan-natura speċifika ta’ kull professjoni; u (b) jekk huwa meħtieġ sabiex jiġu ggarantiti l-indipendenza u l-imparzjalità tal-persuni li jwettqu dik il-professjoni (43).

68.      Fir-rigward tad-Direttiva 2006/43 (b’mod partikolari wara r-riforma tagħha permezz tad-Direttiva 2014/56) u tar-Regolament Nru 537/2014, dawn iż-żewġ strumenti huma intiżi sabiex l-awdituri statutorji josservaw standards etiċi rigorużi, f’dak li jirrigwarda l-integrità, l-indipendenza u l-oġġettività tagħhom (44). Id-Direttiva 2014/56 fittxet li “[ssaħħaħ], permezz ta’ armonizzazzjoni iktar fil-fond, b’mod partikolari, l-indipendenza tal-awdituri statutorji fit-twettiq tal-inkarigu tagħhom” (45).

69.      Skont l-Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/43, “[l]-Istati Membri li jesiġu l-verifika statutorja jistgħu jimponu rekwiżiti aktar stretti, sakemm ma jkunx previst b’mod ieħor minn din id-Direttiva”. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 537/2014, l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu lill-awdituri statutorji ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku servizzi oħra (ipprovduti lill-entità awditjata) mhux ta’ awditjar, meta dawn jistgħu jikkostitwixxu theddida għall-prinċipju ta’ indipendenza.

70.      L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123 jinkludi punt ta’ intersezzjoni mal-Artikolu 22 (“Indipendenza u oġġettività”) tad-Direttiva 2006/43 u mal-Artikolu 5 (“Projbizzjoni tal-forniment ta’ servizzi mhux ta’ awditjar”) tar-Regolament Nru 537/2014 fil-garanzija tal-indipendenza tal-awditur statutorju, li għas-salvagwardja tagħha huma ddeterminati l-inkompatibbiltajiet u l-projbizzjonijiet.

71.      Issa, bħall-Kummissjoni Ewropea (46), ma naħsibx li f’dan il-każ hemm, fil-veru sens tal-kelma, kunflitt bejn l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet partikolari tad-dritt tal-Unjoni, li jisposta d-Direttiva 2006/123 skont ir-regola ta’ speċjalità stabbilita fl-Artikolu 3(1) tagħha. Iżda, pjuttost, hemm relazzjoni ta’ komplementarjetà.

72.      Għalhekk għandha tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni Franċiża, sa fejn tipprojbixxi lill-awdituri statutorji milli jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali, hijiex konformi mal-eċċezzjoni prevista fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123 u jekk tosservax ukoll id-dispożizzjonijiet li d-Direttiva 2006/43 u r-Regolament Nru 537/2014 implimentaw sabiex jiggarantixxu l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dawn il-professjonisti.

3.      Risposta konġunta għażżewġ domandi preliminari

73.      L-Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/43 u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 537/2014 jawtorizzaw lill-Istati Membri jaqbżu l-limiti tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2006/43 u tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 537/2014.

74.      Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jimponu restrizzjonijiet iktar stretti fuq l-awdituri statutorji. Dan huwa l-każ fid-dritt Franċiż.

75.      Madankollu, din il-possibbiltà ma hijiex inkundizzjonata. L-Istati Membri huma obbligati josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kemm dwar il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, previsti, rispettivament fl-Artikoli 49 u 56 TFUE (47).

76.      Skont il-premessi 2 u 5 tagħha, id-Direttiva 2006/123 hija intiża preċiżament sabiex telimina r-restrizzjonijiet għal-libertajiet ta’ stabbiliment u għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri. Sa fejn dawn l-għanijiet, li minnhom tirriżulta s-sistema stabbilita mid-Direttiva 2006/123, jikkorrispondu ma’ dawk tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-użu tad-dritt primarju ma huwiex neċessarju u d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma suffiċjenti.

77.      Għalkemm ma jeżistux elementi transkonfinali fil-kawża ineżami, il-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni jistgħu jiskoraġġixxu l-istabbiliment jew il-provvista ta’ servizzi fi Franza ta’ awdituri statutorji li joriġinaw minn Stati Membri oħra (48). Regola ta’ Stat Membru li tipprojbixxi lill-awdituri statutorji milli jeżerċitaw kwalunkwe attività kummerċjali oħra hija, fiha nnifisha, ta’ natura li tippreġudika l-libertà ta’ moviment tal-awdituri tal-Istati Membri l-oħra (49).

78.      Ir-restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali jistgħu jitqiesu li huma ġġustifikati jekk ikunu bbażati fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u, jekk ikun il-każ, jekk ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija (50).

79.      Din il-ġustifikazzjoni u din in-neċessità huma msemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123, fejn l-Istati Membri huma awtorizzati jimponu, għall-professjonijiet irregolati, rekwiżiti restrittivi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet multidixxiplinari. Minkejja li ma fihomx l-istess dispożizzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li huma impliċitament sottostanti fl-Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/43 u l-Artikolu 5 (2) tar-Regolament Nru 537/2014.

a)      Kontenut tarrestrizzjoni

80.      Qabelxejn, huwa importanti li jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni. L-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ma hijiex responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet jirriżulta li l-projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ kwalunkwe attività kummerċjali hija ta’ natura kważi assoluta.

81.      Huwa minnu li, wara l-adozzjoni tal-Liġi Nru 2019–486, l-awdituri statutorji jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet kummerċjali aċċessorji għall-professjoni ta’ awditur (51) (ammissibbli taħt ċerti kundizzjonijiet) (52) u l-attivitajiet kummerċjali aċċessorji mwettqa minn “kumpannija multiprofessjonali li teżerċita”, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 31–5 tal-Liġi Nru 90–1258. Madankollu, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom natura limitata ħafna, li ma twassalx biex taħbi l-portata li tinkludi kważi kollox tal-projbizzjoni nnifisha.

b)      Ġustifikazzjoni tarrestrizzjoni

82.      Skont il-Gvern Franċiż, l-indipendenza obbligatorja tal-awdituri statutorji, inkarigati b’missjoni ta’ interess ġenerali, għandha bħala konsegwenza l-inkompatibbiltà mal-aċċess tagħhom għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet kummerċjali. Ir-restrizzjoni tal-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet hija ġġustifikata f’dawn ir-raġunijiet:

–        Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha l-għan li tevita li l-awditur statutorju jsir attur ordinarju fid-dinja ekonomika. L-interkonnessjoni bejn is-setturi differenti (bankarju, ekonomiku jew finanzjarju) toħloq interferenzi potenzjali, li jistgħu jwasslu għal suspetti. Il-projbizzjoni tal-akkumulazzjoni tal-attivitajiet tiżgura lil parti terza oġġettiva, raġonevoli u infurmata, li l-awditur statutorju ma huwiex operatur ekonomiku ordinarju, li jkun kapaċi jinteraġixxi direttament jew indirettament mal-entitajiet ikkontrollati.

–        L-inkompatibbiltà hija spjegata wkoll mill-obbligu partikolari ta’ kompetenza professjonali li għalih huwa suġġett l-awditur statutorju. L-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali minbarra l-awditjar tal-kontijiet jista’ jnaqqas l-involviment tiegħu u jippreġudika l-kompetenza professjonali tiegħu.

–        Id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali jagħtu lill-professjoni l-monopolju tal-awditu statutorju, li hija attività regolata u ta’ interess ġenerali. Jidher leġittimu li wieħed jistenna li l-awdituri jiddedikaw ruħhom effettivament għal din il-funzjoni partikolari.

83.      Għalhekk, il-Gvern Franċiż jenfasizza l-monopolju tal-awditjar statutorju, li jorbot mad-dimensjoni esterna tal-indipendenza tiegħu: il-pubbliku għandu jipperċepixxi lill-awditur statutorju bħala professjonist ta’ fiduċja, imbiegħed mill-ħajja ekonomika ordinarja.

84.      Fil-fehma tiegħi, ir-raġunijiet ta’ interess ġenerali invokati mill-Gvern Franċiż jispjegaw għalfejn l-awdituri huma suġġetti għal ċerti restrizzjonijiet fit-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali, minbarra l-awditjar innifsu. Issa, hija l-provvista lill-entitajiet awditjati ta’ ċerti servizzi li ma humiex parti mill-awditjar statutorju li tista’ tikkomprometti l-indipendenza tal-awdituri statutorji (jew tal-kumpanniji tal-awditjar jew tal-membri tan-network tagħhom) (53).

85.      Jekk jiġi aċċettat, li huwa dubjuż ħafna, li dan l-istess perikolu għall-indipendenza jista’ jirriżulta mill-provvista lill-pubbliku, b’mod ġenerali, ta’ servizzi li ma humiex parti mill-awditjar tal-awdituri statutorji (54), il-problema ma hijiex daqstant il-ġustifikazzjoni, in abstracto, ta’ sistema restrittiva, iżda l-kontenut konkret tal-projbizzjonijiet imposti, li jistgħu jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom.

c)      Proporzjonalità

86.      Il-Gvern Franċiż iqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija proporzjonata: l-awditur statutorju ma huwiex obbligat jeżerċita esklużivament din l-attività speċifika, peress li jista’ jeżerċita wkoll dik ta’ kontabilista, koperta miż-żewġ eċċezzjonijiet introdotti mil-Liġi Nru 2019–486 (55).

87.      Il-Gvern Franċiż ikompli jsaħħaħ ir-raġunament tiegħu billi jeskludi li miżuri oħra inqas restrittivi jistgħu jilħqu l-istess għan. Dan ikun il-każ meta tiġi stabbilita sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel; permezz tal-abbozzar ta’ lista ta’ attivitajiet ipprojbiti; jew ta’ mekkaniżmu obbligatorju għall-pubblikazzjoni tar-rapporti tal-awditjar tagħhom. L-ebda waħda minn dawn il-miżuri ma tissodisfa l-ħtieġa li terzi jipperċepixxu l-indipendenza tal-awditur statutorju.

88.      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li l-projbizzjoni tidher sproporzjonata meta mqabbla mal-għan tagħha. Ma’ dan tal-aħħar, diġà jeżistu dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Franċiża, li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju (56), mingħajr ma jiġi spjegat sew għaliex dawn għandhom jiġu kkompletati b’din il-projbizzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu L. 10–822(1) tal-Kodiċi tal-Kummerċ jipprojbixxi kull attività li tista’ tippreġudika l-indipendenza tal-awditur statutorju.

89.      Hija l-qorti tar-rinviju (jekk jiġi deċiż li hija awtorizzata tressaq talbiet għal deċiżjoni preliminari) li għandha tevalwa l-proporzjonalità tar-regoli inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha xi linji gwida bħal dawk li ser nirrakkomanda iktar ’il quddiem.

90.      L-ewwel nett, ma naqbilx mat-teżi tal-Gvern Franċiż dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123 għal dak li jikkonċerna l-avverbju esklużivament. Fil-fehma tiegħi, bħal dik tal-Kummissjoni, l-obbligu li “jeżerċitaw xi attività speċifika esklużivament” jeżisti meta leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li ma’ din l-attività jiżdied aċċessorju ieħor ta’ importanza minuri, li jipprojbixxi l-eżerċizzju simultanju tal-oħrajn kollha ta’ natura kummerċjali, bħalma huwa l-każ fil-kawża ineżami. Jekk l-argument tal-Gvern Franċiż jiġi segwit, Stat Membru jkun jista’, permezz ta’ konċessjonijiet minimi, faċilment iħassar l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni.

91.      It-tieni nett, u fl-istess perspettiva, il-projbizzjoni kważi assoluta għall-awdituri statutorji li jwettqu attivitajiet kummerċjali (diġà indikajt li ż-żewġ eċċezzjonijiet ammissibbli għandhom portata limitata ħafna) issegwi l-“inverżjoni tal-loġika stabbilita fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123” (57). Għalkemm, skont din id-dispożizzjoni, l-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet multidixxiplinari għandu jkun ir-regola għall-fornituri ta’ servizzi, il-leġiżlazzjoni Franċiża tadotta preċiżament il-prinċipju kuntrarju fir-rigward tal-awdituri statutorji.

92.      It-tielet nett, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-indipendenza tal-awditur statutorju hija diġà żgurata minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Franċiż, filwaqt li l-kodiċi ta’ deontoloġija ta’ din il-professjoni jinkludi wkoll previżjonijiet sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess.

93.      Ir-raba’ nett, iż-żewġ eċċezzjonijiet awtorizzati, relatati ma’ ċerti attivitajiet kummerċjali aċċessorji, ma humiex biżżejjed sabiex juru l-proporzjonalità tal-projbizzjoni ġenerali. Infakkar li “[l]-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123 ma jipprevedix il-possibbiltà li l-eżerċizzju konġunt ta’ professjoni regolata ma’ attività oħra jiġi suġġett għall-kundizzjoni li din tal-aħħar tkun aċċessorja” (58).

94.      Il-ħames nett, il-leġiżlatur Franċiż jista’ jidentifika, permezz ta’ katalogu jew ta’ lista simili għal dik tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 537/2014, is-servizzi li ma humiex parti mill-awditjar li, b’mod partikolari, huma pprojbiti għall-awdituri statutorji sabiex jippreżervaw l-indipendenza tagħhom jew l-immaġni li l-pubbliku ġenerali għandu ta’ din l-indipendenza. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, din it-teknika twassal għal riżultat inqas restrittiv mill-projbizzjoni (kważi) iġġeneralizzata imposta mil-liġi kontenzjuża, filwaqt li ssegwi wkoll l-għan li tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-awditur.

95.      Jekk tiġi adottata din is-soluzzjoni, il-leġiżlatur ikollu jiġġustifika: a) għaliex lista applikabbli, skont ir-Regolament Nru 537/2014, biss għall-awditjar statutorju ta’ entità ta’ interess pubbliku testendi għall-awditu statutorju ta’ entitajiet li ma għandhomx din in-natura; u b) għaliex lista applikabbli biss għal ċerti servizzi (mhux tal-awditjar) ipprovduti lill-entità awditjata hija estiża għal attivitajiet kummerċjali oħra li l-awditur jista’ joffri lil persuni jew entitajiet li ma jawditjax.

96.      Il-projbizzjoni ġenerali tal-attivitajiet kummerċjali li ma humiex dawk tal-awditjar tidher għalhekk, prima facie, li hija sproporzjonata u tmur lil hinn mill-għan li jiġu ppreżervati l-indipendenza u l-oġġettività tal-awdituri statutorji. Bl-istess mod, ma hijiex konformi mal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123, mal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/43 u mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 537/2014.

V.      Konklużjoni

97.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara t-talba għal deċiżjoni preliminari inammissibbli.

Sussidjarjament, nipproponi li tingħata risposta għal din it-talba kif ġej:

“L-Artikolu 25 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, moqri flimkien mal-Artikoli 22 u 52 tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati u l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-awdituri statutorji milli jwettqu kwalunkwe attività kummerċjali, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet kummerċjali aċċessorji għall-professjoni ta’ awditur. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex ibbażata fuq raġunijiet ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw il-projbizzjoni u jekk din hijiex indispensabbli għas-salvagwardja tal-indipendenza u tal-oġġettività tal-awdituri statutorji.”


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


i      L-isem tal-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.


2      Dan ġie ssostitwit, mill‑1 ta’ Jannar 2024, mill-Haute autorité de l’audit (l-Awtorità Għolja tal-Awditu, Franza) abbażi tal-Ordonnance nº 2023-1142 du 6 décembre 2023 relative à la publication et à la certification d’informations en matière de durabilité et aux obligations environnementales, sociales et de gouvernement d’entreprise des sociétés commerciales (id-Digriet Nru 2023–1142 tas‑6 ta’ Diċembru 2023 dwar il-pubblikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà u l-obbligi ambjentali, soċjali u ta’ governanza tal-kumpanniji kummerċjali) (JORF Nru 0283 tas-7 ta’ Diċembru 2023, Texte Nru 19).


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU 2006, L 157, p. 87), kif emendata bid-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 (ĠU 2014, L 158, p. 196).


5      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU 2014, L 158, p. 77, rettifika fil-ĠU 2014, L 170, p. 66).


6      Loi nº 2019–486 du 22 mai 2019 relative à la croissance et la transformation des entreprises (il-Liġi Nru 2019–486 tat‑22 ta’ Mejju 2019 dwar it-tkabbir u t-trasformazzjoni tal-impriżi) (JORF Nru 0119 tat‑23 ta’ Mejju 2019, Test Nru 2). Iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 2019–486”.


7      Ordonnance nº 45-2138 du 19 septembre 1945 portant institution de l’ordre des experts-comptables et réglementant le titre et la profession d’expert-comptable (id-Digriet Nru 45–2138 tad‑19 ta’ Settembru 1945 li jistabbilixxi l-Ordni tal-Awdituri u li jirregola t-titolu u l-professjoni ta’ awditur) (JORF Nru 0222 tal‑21 ta’ Settembru 1945, p. 5938). Iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 45–2138”.


8      Loi n.º 90-1258 du 31 décembre 1990 relative à l’exercice sous forme de sociétés des professions libérales soumises à un statut législatif ou réglementaire ou dont le titre est protégé et aux sociétés de participations financières de professions libérales (il-Liġi Nru 90–1258, tal‑31 ta’ Diċembru 1990, dwar l-eżerċizzju, taħt forma ta’ kumpanniji, ta’ professjonijiet liberi suġġetti għal statut legali jew regolamentari jew li t-titolu tagħhom huwa protett, u dwar kumpanniji holdings ta’ professjonijiet liberi). Iktar ’il quddiem, il-Liġi Nru 90-1258”) (JORF Nru 0004 tal‑15 ta’ Jannar 1991, p. 216). L-Artikolu 31–5 tagħha, li jaqa’ taħt it-titolu ddedikat għall-kumpanniji stabbiliti għall-eżerċizzju konġunt ta’ ċerti professjonijiet liberi, jipprovdi li l-“kumpannija tista’ teżerċita, b’mod aċċessorju, kull attività kummerċjali li l-eżerċizzju tagħha ma huwiex ipprojbit mil-liġi jew mid-digriet, tal-inqas, għal professjonijiet li jikkostitwixxu l-għan tal-kumpannija”.


9      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju (paragrafi 3 sa 7), il-grupp Fiducial iwettaq firxa varjata ta’ attivitajiet permezz tal-kumpanniji li jifformaw parti minnu: i) iwettaq l-awditu permezz tas-Société fiduciaire nationale de révision comptable (“Fidaudit”); ii) iwettaq perizji fil-kontabbiltà permezz tas-Société fiduciaire nationale d’expertise comptable (“Fidexpertise”); iii) jintervjeni fil-qasam tas-sigurtà permezz tal-kumpannija Fiducial Security Services; iv) bejgħ ta’ provvisti u ta’ għamara tal-uffiċċju, bil-kumpannija Fiducial Office Solutions; v) jaġixxi permezz tal-kumpannija Fiducial Informatique fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi informatiċi; vi) huwa attiv fis-suq tal-proprjetà immobbli u l-ġestjoni ta’ soċjetajiet irregolati mid-dritt ċivili ta’ investiment immobiljari permezz tal-kumpannija Fiducial Real Estate; vii) jintervjeni bil-kumpannija Banque Fiducial fis-settur bankarju; viii) jopera stazzjoni tar-radju nazzjonali u media tal-komunikazzjoni reġjonali permezz tal-kumpannija Fiducial Medias.


10      Punt 11 tad-deċiżjoni tar-rinviju. Dawn kienu jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ sigurtà, il-bejgħ ta’ provvisti u ta’ għamara tal-uffiċċju, l-attività ta’ aġent ta’ proprjetà immobbli u ta’ ġestjoni ta’ kumpanniji rregolati mid-dritt ċivili ta’ investiment immobbiljari, l-attività bankarja kif ukoll l-operat fis-settur tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Il-provvista ta’ servizzi informatiċi permezz tal-kumpannija Fiducial Informatique ma ġietx imputata, peress li ġiet ikkunsidrata impliċitament aċċessorja għall-attività ta’ perizja tal-kontabbiltà mwettqa permezz tal-kumpannija Fidexpertise.


11      Dawn huma l-professjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31–3 tal-Liġi Nru 90–1258, tal‑31 ta’ Diċembru 1990.


12      Sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2022 (C‑453/20, EU:C:2022:341; iktar ’il quddiem is-“sentenza CityRail”). Din is-sentenza taqa’ taħt il-linja restrittiva ta’ dawk tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17), u tas‑16 ta’ Settembru 2020, Anesco et (C‑462/19, EU:C:2020:715; iktar ’il quddiem is-“sentenza Anesco et”), li kienet tikkonċerna awtorità indipendenti regolatorja u ta’ sorveljanza ta’ diversi setturi ekonomiċi.


13      Kriterji stabbiliti fis-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels (61/65, EU:C:1966:39) (iktar ’il quddiem il-“kriterji Vaassen-Göbbels”).


14      Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż, punt 35.


15      C‑453/20, EU:C:2021:1018.


16      Sentenza CityRail, punt 46: “korp nazzjonali, filwaqt li l-oriġini legali tiegħu, in-natura permanenti tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni minnu tad-dispożizzjonijiet legali u l-indipendenza tiegħu ma jkunux fid-dubju, ikun jista’ jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari biss jekk, fil-kuntest tal-kawża pendenti quddiemu, huwa jeżerċita funzjonijiet ta’ natura ġudizzjarja”.


17      Digriet tal‑14 ta’ Novembru 2013, MF 7 (C‑49/13, EU:C:2013:767, punt 16): “B’mod partikolari, korp nazzjonali ma jistax jiġi kklassifikat bħala ‘qorti jew tribunal’, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, f’ċirkustanzi fejn huwa jagħti deċiżjonijiet billi jeżerċita funzjonijiet mhux ġudizzjarji, bħalma huma funzjonijiet ta’ natura amministrattiva”.


18      Sentenza CityRail, punt 45.


19      Punt 34 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jiċċita l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2006/43.


20      Sentenza CityRail, punt 63.


21      Sentenza Anesco et (punt 44).


22      Il-Kummissjoni, li ma ħaditx pożizzjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (iżda ressqet biss argumenti favur u kontra), enfasizzat li, f’każijiet ta’ sanzjonijiet imposti fuq ċerti professjonisti, il-Qorti tal-Ġustizzja irrikonoxxiet in-natura ġudizzjarja tal-qrati tar-rinviju. Naħseb li din il-ġurisprudenza ma hijiex trasponibbli għal dan il-każ, peress li istituzzjoni pubblika (u mhux korp professjonali) bħall-H3C timponi sanzjoni amministrattiva.


23      Sentenza CityRail, punt 48. Il-fatt li l-korp għandu s-setgħa li jaġixxi ex officio “huwa hjiel li dan ma għandux il-kwalità ta’ ‘qorti jew tribunal’, iżda għandu l-karatteristiċi ta’ korp amministrattiv” (digriet tal‑14 ta’ Novembru 2013, MF 7 (C‑49/13, EU:C:2013:767), punt 18, u s-sentenza Anesco et, punt 44).


24      Ara l-punti 19 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Mill-espożizzjoni tal-fatti jirriżulta li ma kienx hemm lanjant, u li kienet il-Presidenta tal-H3C li nediet, ex officio, il-ftuħ tal-investigazzjonijiet. Ir-relatur ġenerali nieda l-fajl u l-kompożizzjoni ristretta tal-H3C hija responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-partijiet intervenjenti kollha huma għalhekk integrati fl-istess H3C.


25      Il-kompożizzjoni ristretta tenfasizza l-garanziji tal-proċedura segwita għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Madankollu, sabiex jiġi ddefinit jekk il-funzjoni li hija teżerċita hijiex ta’ natura ġudizzjarja jew le, wieħed jista’ ma janalizzax il-kriterji dwar il-kompożizzjoni tal-korp, il-garanzija ta’ imparzjalità u d-drittijiet ta’ intervent tal-persuna kkonċernata. Dawn il-kriterji japplikaw ukoll għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ sanzjoni ta’ kull korp amministrattiv.


26      Punt 58 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fejn tiċċita s-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tal‑15 ta’ Ottubru 2021, Société Marzars et, 451835 (FR:CE:2021:451835.20211015).


27      Insostenn tal-argument tiegħu, il-Gvern Franċiż iċċita l-Artikolu L. 243–4 tal-Code des relations entre le public et l’administration (il-Kodiċi tar-relazzjonijiet bejn il-pubbliku u l-amministrazzjoni): “miżura ta’ sanzjoni meħuda mill-amministrazzjoni tista’ tiġi rrevokata f’kull mument”.


28      Sentenza CityRail, punt 51, b’ċitazzjoni estensiva tal-ġurisprudenza. Inżid il-korsiv sabiex nenfasizza li, a fortiori, dan huwa l-każ meta l-impetu li jwassal għall-ewwel deċiżjoni jkun seħħ mingħajr ilment minn qabel.


29      Sentenza CityRail, punt 62.


30      Sentenza CityRail, punt 69.


31      L-Artikolu 30e tad-Direttiva 2006/43, jirrikonoxxi lill-persuna kkonċernata dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti, kontra kull deċiżjoni jew miżura li tista’ tikkonċernaha.


32      Punti 50 u 51 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż.


33      Sentenza Anesco et, punt 48.


34      Punt 54 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż. Waqt is-seduta, MO indika li l-President tal-H3C jista’ wkoll jikkontesta quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) id-deċiżjonijiet tal-kompożizzjoni ristretta li huwa jqis żbaljati. Din il-possibbiltà tikkorrispondi għal għan ta’ purifikazzjoni tal-azzjoni amministrattiva li jirrispetta l-indipendenza tal-kompożizzjoni ristretta meta mqabbla mal-organi l-oħra tal-H3C. Iżda, fil-fehma tiegħi, dan ma jinvalidax l-argumenti l-oħra dwar in-natura amministrattiva, u mhux ġudizzjarja, tad-deċiżjoni ta’ sanzjoni. Tkun xi tkun il-pożizzjoni proċedurali tiegħu, il-H3C, bħala istituzzjoni, jaġixxi bħala parti fil-proċedura ġudizzjarja .


35      Sentenza CityRail, punti 62 u 69.


36      Fil-kawża deċiża permezz tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable (C‑119/09, EU:C:2011:208), ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, dwar projbizzjoni oħra imposta fuq l-awdituri statutorji Franċiżi, ġie ppreżentat mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). F’dak il-każ, il-kwistjoni kienet dwar jekk il-projbizzjoni “li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi” kinitx tmur kontra l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123.


37      Sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48), punt 52.


38      Punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Punt 122 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.


40      Fis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (Inġiniera ċivili, aġenti tal-privattivi u veterinarji) (C‑209/18, EU:C:2019:632), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ir-restrizzjoni tal-attivitajiet multidixxiplinari imposta fuq il-kumpanniji ta’ inġiniera ċivili u ta’ aġenti tal-privattivi.


41      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-kumpannija Fidaudit (li 98 % tal-kapital azzjonarju tagħha jappartjeni direttament jew indirettament lil MO) u s-sussidjarji tagħha kellhom erba’ kompiti ta’ awditjar għal entitajiet ta’ interess pubbliku. Peress li d-Direttiva 2006/43 ma tkoprix l-awditi tal-entitajiet ta’ interess pubbliku, ġie adottat ir-Regolament Nru 537/2014 (simultanjament mad-Direttiva 2014/56). Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 537/2014, “għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2006/43”.


42      Riprodott fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43      Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2006/123, dan huwa “fl-interess tar-riċevituri, b’mod partikolari l-konsumaturi, li jiġi żgurat li jkun possibbli għall-fornituri li joffru servizzi multi-dixxiplinari u li r-restrizzjonijiet f’dan ir-rigward ikunu limitati għal dak li hu meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-imparzjalità u l-indipendenza kif ukoll l-integrità tal-professjonijiet regolati”.


44      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, A (C‑950,EU:C:2021:230), punt 39, fir-rigward tad-Direttiva 2006/43. Dan l-istess għan huwa preżenti fil-premessi u l-artikoli tar-Regolament Nru 537/2014.


45      Ibidem, punt 40. Fil-konklużjonijiet ippreżentati f’din il-kawża (C‑950/19, EU:C:2020:1019), punti 36 sa 42, enfasizzajt li l-indipendenza tal-awdituri hija tħassib formalment espress mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li progressivament kellu rwol ċentrali sal-leġiżlazzjoni attwali, introdotta bid-Direttiva 2014/56.


46      Punt 22 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.


47      Regola nazzjonali tista’ xxekkel żewġ libertajiet simultanjament: ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza (C‑375/14, EU:C:2016:60), punt 24.


48      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Kontabilisti) (C‑384/18, EU:C:2020:124), punt 76.


49      Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable (C‑119/09, EU:C:2011:208).


50      Sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Digibet u Albers (C‑156/13, EU:C:2014:1756), punt 22; u tal‑24 ta’ Jannar 2013, Stanleybet et (C‑186/11 u C‑209/11, EU:C:2013:33), punt 27.


51      Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż espona li l-awdituri statutorji jistgħu jwettqu il-funzjonijiet ta’ kontabilisti, inklużi l-attivitajiet aċċessorji għal din il-professjoni (imsemmija fl-Artikolu 22 tad-Digriet Nru 45–2138), jekk dawn ikunu rreġistrati fir-Reġistru tal-Awdituri Statutorji.


52      Skont l-Avis n.º2021-01 du Haut Conseil du Commisariat aux Comptes relatif à l’exercice par un commisaire aux comptes d’une activité comerciale en application de l’article L. 822-10 du code de commerce (l-Avviż Nru 2021–01 tal-Kunsill Għoli tal-awdituri statutorji dwar l-eżerċizzju minn awditur ta’ attività kummerċjali skont l-Artikolu L. 822–10 tal-Kodiċi tal-Kummerċ), din l-eċċezzjoni tapplika biss għall-awdituri rreġistrati fir-Reġistru tal-Awdituri Statutorji.


53      Dan huwa dak li tgħid il-premessa 8 tar-Regolament Nru 537/2014. Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A (C‑950/19, EU:C:2020:1019), punti 51 sa 55, jiena analizzajt l-Artikolu 22a tad-Direttiva 2006/43 fl-istess perspettiva.


54      Waqt is-seduta, ġie enfasizzat li r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali dwar l-attività tal-awdituri statutorji [International Auditing Standards, approvati mill-International Ethics Standards Board for Accountants (IESBA)] u r-rapporti tal-Commitee of European Auditing Oversight Bodies (CEAOB) ma jipprevedux, fost il-miżuri intiżi sabiex jissalvagwardjaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-awdituri statutorji, projbizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni, dwar attivitajiet kummerċjali mhux relatati mal-kumpanniji awditjati.


55      Din tosserva li iktar minn 90 % tal-awdituri statutorji fi Franza jeżerċitaw ukoll legalment l-attività ta’ kontabilista (punti 87 u 88 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha).


56      Punt 52 tad-deċiżjoni tar-rinviju.


57      Qiegħed nuża l-espressjoni grafika u eżatta użata minn MO fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu (punt 69). Għalkemm il-professjonijiet irregolati jistgħu ma jkunux suġġetti għar-regola ġenerali tal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2006/123, dan jista’ jseħħ biss skont it-termini stretti tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tiegħu.


58      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (Kompiti) (C‑384/18, EU:C:2020:124), punt 68.