Language of document : ECLI:EU:F:2007:75

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA’ L-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

2 ta’ Mejju 2007 (*)

“Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Assenjazzjoni mill-ġdid – Regolament (KE) Nru 1073/1999 – Deċiżjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom – Nuqqas – Danni – Mard ikkaġunat mix-xogħol – Teħid in kunsiderazzjoni tal-benefiċċji stabbiliti mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Fil-Kawża F‑23/05,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Jean-Louis Giraudy, li kien uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Parġi (Franza), irrappreżentat minn D. Voillemot, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u G. Berscheid, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla),

kompost minn P. Mahoney (Relatur), President, H. Kanninen u S. Gervasoni, Imħallfin,

Reġistratur: S. Boni, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2006,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fl-20 ta’ April 2005, J.-L. Giraudy qed jitlob:

–        li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2005 li ċaħdet l-ilment tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2004;

–        li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tiġi kkundannata tħallsu danni bħala kumpens għad-dannu li allegatament ġarrab, evalwat f’ammont ta’ EUR 264 000 f’dak li jikkonċerna d-dannu materjali tiegħu u f’ammont ta’ EUR 500 000 f’dak li jikkonċerna d-dannu morali tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

A –  Dispożizzjonijiet dwar l-investigazzjonijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-frodi

2        Il-Premessa 10 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 (KE), tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91) tgħid kif ġej:

“Billi dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew skond it-Trattat u partikolarment skond il-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, waqt li jirrispettaw ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn iżjed ’il quddiem imsejjħa “ir-Regolamenti tal-Persunal”), u b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-imparzjalità, għad-dritt tal-persuni involuti li jesprimu ruħhom dwar il-fatti li jikkonċernawhom u għall-prinċipju li l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni jistgħu jkunu bbażati biss fuq elementi li għandhom valur bħala xiehda; […]”

3        L-Artikolu 4(1), intitolat “Investigazzjonijiet interni”, ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Fl-oqsma li għalihom issir referenza f’Artikolu 1, l-Uffiċċju [Ewropew ta’ Kontra l-Frodi] għandu jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji (minn hawn iżjed ’il quddiem imsejħa “investigazzjonijiet interni”).

Dawn l-investigazzjonijiet interni għandhom jitwettqu bla ħsara għar-regoli tat-Trattati, partikolarment il-Protokoll dwar privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u b’attenzjoni xierqa għar-Regolamenti […] tal-Persunal taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti minn dan ir-Regolament u [mi]d-deċiżjonijiet adottati minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija. L-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti minn dawk id-deċiżjonijiet”.

4         Skond it-termini tat-tieni pargrarafu ta’ l-Artikolu 5, intitolat “Ftuħ ta’ investigazzjononijiet”, ta’ dan ir-regolament:

“Għandhom jinfetħu investigazzjonijiet interni fuq deċiżjoni tad-Direttur ta’ l-Uffiċċju [Ewropew ta’ Kontra l-Frodi], li jista’ jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju, jew aġenzija li fi ħdanha għandha ssir l-investigazzjoni”.

5        L-Artikolu 8(1) u (2), intitolat “Il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta’ l-informazzjoni”, ta’ dan l-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun protetta mid-dispożizzjonijiet relevanti.

2.      L-informazzjoni mibgħuta jew miksuba matul l-investigazzjonijiet interni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali mogħtija mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

Din l-informazzjoni m’għandhiex tiġi komunikata lil persuni oħra ħlief lil dawk fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jew fl-Istati Membri li minħabba l-funzjonijiet tagħhom jeħtieġu li jkunu jafu, u lanqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħrajn apparti mill-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni jew kull attività oħra illegali”.

6        L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom, tat-2 ta’ Ġunju 1999, dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 118), intitolat “Obbligazzjoni li tipprovdi l-informazzjoni”, jiddisponi fl-ewwel u t-tieni paragrafi:

“Kull uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni li jsir jaf b’evidenza li tagħti lok għal preżunzjoni ta’ l-eżistenza ta’ possibilita’ ta’ każijiet ta’ fordi, korruzzjoni jew attivita’ illegali oħra, li hija ta’ ħsara għal Komunitajiet, jew b’sitwazzjonijiet serji relatati mar-rilaxx ta’ obbligazzjonijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligazzjonijiet ta’ uffiċjali jew impjegati tal-Komunitajiet u li jagħtu lok għal proċeduri dixxiplinari, u fil-kazijiet xierqa, fi proċeduri kriminali, jew f’nuqqas ta’ ħarsien ta’ obbligazzjonijiet analogi tal-Membri tal-Kummissjoni jew membri tal-persunal tal-Kummissjoni li mhumiex soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal, huma meħtiega li jinfurmaw mingħajr dewmien lil Kap tas-Servizz jew lid-Direttur Ġenerali jew, jekk jikkonsidrah utili, lis-Segretarju tal-Kummissjoni jew lill-Uffiċċju [Ewropew ta’ Kontra l-Frodi] dirett.

Is-Segretarju Ġenerali, id-Direttur Ġenerali u l-Kap tas-Servizz tal-Kummissjoni għandhom mingħajr dewmin jagħtu lill-Uffiċċju [Ewropew ta’ Kontra l-Frodi] kull evidenza, li jsiru jafu biha, li l-eżistenza ta’ l-irregolarità tagħha kif msejħa fl-ewwel paragrafu tista tiġi preżunta”.

7        L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396, intitolat “Not[i]fika lill-parti interessata”, jipprevedi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Fejn l-implikazzjonijiet possibbli ta’ Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni isiru evidenti, il-parti interressata għandha tkun informata malajr, basta dan ma jkunx ta’ ħsara għall-investigazzjonijiet. Għal kull fini, konkluzjonijiet li jirreferu bl-isem dwar xi Membru, uffiċjal jew impjegat tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu magħmula ġaladarba l-investigazzjoni tkun għal kollox lesta mingħajr mal-parti interessata kienet setgħat tagħti l-opinjonijiet tagħha dwarhu”.

B –  Dispożizzjonijiet dwar l-assigurazzjoni tar-riskju ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol

8        L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprevedi li “[u]ffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol u ta’ aċċident suġġett għar-regoli mħejjija mill-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal […]”.

9        L-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddisponi li fil-każ ta’ invalidità totali permanenti, l-parti kkonċernata tirċievi somma f’daqqa li tammota għal tmien darbiet is-salarju bażiku annwali tagħha kkalkulat b’referenza għas-salarju ta’ kull xahar riċevut matul it-tnax il-xahar qabel l-inċident.

10      Ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni ta’ riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Assigurazzjoni”) tistabbilixxi, b’implementazzjoni ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kundizzjonijiet li fihom l-uffiċjal huwa assigurat kontra r-riskji ta’ inċidenti u tal-mard ikkaġunat mix-xogħol.

11      L-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Assigurazzjoni jipprevedi li fil-każ ta’ invalidità permanenti totali ta’ l-uffiċjal li tirriżulta minn inċident jew mard ikkaġunat mix-xogħol, dan għandu jingħata s-somma kapitali prevista mill-Artikoli 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal.

12      L-ewwel u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 17(2) tar-Regoli ta’ Assigurazzjoni jiddisponu li l-amministrazzjoni tagħmel investigazzjoni sabiex tiġbor l-elementi kollha li jippermettulha tistabbilixxi n-natura tal-problema medika, l-oriġini professjonali tagħha kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom inħolqot. Fid-dawl tar-rapport ta’ investigazzjoni, it-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu l-konklużjonijiet previsti fl-Artikolu 19 ta’ l-imsemmija regoli.

13      Skond l-Artikolu 19 tar-Regoli ta’ Assigurazzjoni, id-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxxximent ta’ l-oriġini professjonali tal-marda għandhom jittieħdu mill-Awtorità tal-Ħatra skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 21 ta’ dawn l-istess regoli, abbażi tal-konklużjonijiet magħmula mit-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjonijiet u, jekk l-uffiċjal jitlob dan, wara konsultazzjoni mal-kummissjoni medika prevista fl-Artikolu 23 ta’ l-imsemmija regoli.

C –  Dispożizzjonijiet dwar il-pensjonijiet ta’ invalidità

14      L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi li l-uffiċjal għandu dritt għal benefiċċju ta’ l-invalidità fil-każ ta’ invalidità totali permanenti, li ma tħallihx jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jikkorrispondu għal pożizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu. Ir-raba’ u l-ħames paragrafi ta’ dan l-istess artikolu jipprevedu, b’mod partikolari, li meta l-invalidità tirriżulta minn marda ikkaġunata mix-xogħol, il-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjoni li għalihom huwa suġġett il-benefiċċju ta’ l-invalidità għandhom jitħallsu kompletament mill-istituzzjoni.

D –  Dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ natura ġenerali

15      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża, jipprevedi:

“L-Awtorità tal-Ħatra għandha, waqt li taġixxi biss fl-interess tas-servizz u mingħajr każ tan-nazzjonalità, tassenja kull uffiċjal b’ħatra jew trasferiment għall-post fil-kategorija jew servizz tiegħu li jikkorrispondu mal-grad tiegħu”.

16      It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal jgħid:

“Kull deċiżjoni relatata ma’ individwu speċifiku li tittieħed taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun ikkomunikata minnufih bil-miktub lill-uffiċjal konċernat. Kull deċiżjoni li taffettwa ħażin uffiċjal għandha tagħti r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata”.

17      Skond it-termini ta’ l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 62 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Skond l-Anness VII u ħlief kif espressament provdut mod ieħor, uffiċjal li għadu kif jinħatar għandu jkun intitolat għar-remunerazzjoni marbuta mal-grad u l-iskala tiegħu.

Uffiċjal ma jistax ineħħi l-intitolment tiegħu għar-remunerazzjoni”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

18      Fl-2002, ir-rikorrent kien uffiċjal fil-grad A 3, assenjat lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Stampa u Komunikazzjoni”, bħala Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fi Franza, f’Pariġi.

19      Matul it-tieni semestru tas-sena 2000, id-dipartimenti tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Edukazzjoni u Kultura” kienu għamlu eżerċizzju ta’ verifika ta’ l-Info-Point Europe ta’ Avignon, immexxija mill-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse. Ir-rapport li kien irriżulta minn din il-verifika, tas-27 ta’ Novembru 2000, kien wera numru ta’ nuqqasijiet fil-kontijiet ta’ dan l-Info-Point Europe. Dan ir-rapport kien intbagħat fit-12 ta’ Diċembru 2000 lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Edukazzjoni u Kultura” li, fit-8 ta’ Frar 2001, bagħtu lill-Kap tad-Dipartiment “Stampa u Komunikazzjoni” (li wara sar id-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”), u dan fil-kuntest tat-trasferiment ta’ ċerti attivitajiet ta’ l-imsemmi Direttorat Ġenerali lejn id-dipartiment “Stampa u Komunikazzjoni”. Dan ir-rapport kien ukoll intbagħat lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi.

20      Wara lment dwar it-tħaddim tal-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse, sar eżerċizzju ta’ verifika addizzjonali fil-kuntest tal-verifika msemmija qabel. Dan l-eżerċizzju wassal għal nota tas-6 ta’ Diċembru 2000, li kkonkludiet li kien hemm riskju ta’ proġetti fittizji. L-eżistenza ta’ proġetti fittizji kienet sussegwentement ikkonfermata mill-investigazzjoni esterna ta’ l-OLAF IO/2001/4086 dwar l-imsemmija Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse. In-nota ta’ verifika addizzjonali imsemmija iktar ’il fuq ma ntbagħtitx lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi mid-dipartiment “Stampa u Komunikazzjoni” ibbażat fi Brussell. Mistoqsi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku waqt is-seduta fuq ir-raġunijiet li jispjegaw in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ din in-nota, ir-rappreżentant tal-Kumissjoni wieġeb li ma kienx “f’pożizzjoni li […] jagħti tweġiba preċiża fuq dan il-punt [u li kellu] jiġi kkunsidrat li dan [kien] sempliċement nuqqas amministrattiv”.

21      Permezz ta’ nota ffirmata minnhom fil-21 ta’ Marzu 2001, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Edukazzjoni u Kultura”, V., u l-Kap tad-Dipartiment “Stampa u Komunikazzjoni”, F., kienu bagħtu lill-OLAF ir-rapport tal-verifika tas-27 ta’ Novembru 2000 kif ukoll in-nota ta’ verifika addizzjonali tas-6 ta’ Diċembru 2000, u dan b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/396. F’din in-nota, il-firmatarji indikaw b’mod partikolari li, flimkien ma’ l-informazzjoni li huma kienu qed jibagħtu lid-Direttur Ġenerali ta’ l-OLAF, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fi Franza kif ukoll il-Kap tad-Diviżjoni responsabbli mill-Maisons de l’Europe u mill-Info-Points Europe kienu ġew mistiedna sabiex “jirrapportaw” fuq l-elementi li huma setgħu jkunu jafu bihom u li setgħu jagħtu dawl fuq din il-kwistjoni. Ir-rikorrent jiddikjara li huwa qatt ma rċieva tali stedina.

22      Fil-bidu ta’ Novembru 2002, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”, F., irċieva, minn uffiċjali tad-Direttorat Ġenerali tiegħu li xtaqu jibqgħu anonimi iżda li huwa ddikjara li kien jafhom tajjeb, ilmenti preċiżi u dettaljati ta’ irregolaritajiet li jikkonċernaw b’mod partikolari r-relazzjonijiet li kien hemm bejn ir-rikorrent u l-president tal-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse, l-għoti ta’ sussidji għal proġetti fittizji fi ħdan din il-Maison de l’Europe, it-tmexxija tal-grupp ta’ interess ekonomiku Sources d’Europe u fatti ta’ nepotiżmu fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti. Għalhekk, b’applikazzjoni tat-tienu paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/396, id-Direttur tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” informa lill-OLAF bil-fatti li kien sar jaf bihom, permezz ta’ nota tas-6 ta’ Novembru 2002 flimkien ma’ annessi li kellhom l-elementi ta’ fatt li kienu ġew ikkomunikati lilu.

23       Fil-15 ta’ Novembru 2002, l-OLAF beda investigazzjoni interna fuq irregolaritajiet allegati fi ħdan id-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”, iktar preċiżament fi ħdan ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi (investigazzjoni OF/2002/0513). Il-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni kien is-suġġett ta’ stqarrija għall-istampa ppubblikata mill-OLAF.

24      Permezz ta’ nota bid-data tal-15 ta’ Novembru 2002, li r-rikorrent jiddikajra li kien irċieva b’posta elettronika t-Tnejn 18 ta’ Novembru ta’ wara filgħodu, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” informa lir-rikorrent li l-OLAF kien beda investigazzjoni fuq suspetti ta’ irregolaritajiet ibbażati fuq fatti li r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi kienet saret taf bihom u talbu jmur Brussell sabiex jiltaqa’ miegħu.

25      Din il-laqgħa saret fit-18 ta’ Novembru 2002 fi Brussell.

26      Fl-istess 18 ta’ Novembru 2002, l-OLAF beda l-investigazzjonijiet tiegħu fl-uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fi Brussell.

27      Wara li ġie informat bit-telefon li r-rikorrent, meta wasal lura fir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi fit-18 ta’ Novembru 2002, wara l-laqgħa tiegħu mad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”, kien saqsa lill-persunal ta’ l-imsemmija Rappreżentanza dwar l-azzjonijiet meħuda mill-OLAF matul il-ġurnata, id-Direttur Ġenerali ta’ l-OLAF irrakkomanda lid-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” li, lir-rikorrent kif ukoll lill-assistent tiegħu, jiġi pprojbit kull aċċess għall-uffiċċji tar-Rappreżentanza waqt li tkun għaddejja l-investigazzjoni, sabiex jiġi żgurat li din issir sewwa. Ir-rikorrent jikkontesta madankollu li huwa reġa’ mar fir-Rappreżentanza fit-18 ta’ Novembru 2002 u li kien ipprova jsaqsi lill-persunal, u jistqarr li kien biss l-għada filgħodu li mar lura fir-Rappreżentanza.

28      Fid-19 ta’ Novembru 2002, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”, li kien qed jaġixxi bħala Awtorità tal-Ħatra, iddeċieda, b’effett minn dakinhar stess, li jbiddel l-assenjazzjoni tar-rikorrent fl-interess tas-servizz u li jassenjah bħala “konsulent mad-Direttur Ġenerali tad-DĠ [‘Stampa u Komunikazzjoni’] fi Brussell”.

29      Din id-deċiżjoni ntbagħtet lir-rikorrent permezz ta’ nota ta’ l-istess 19 ta’ Novembru 2002, li kienet ġejja mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” u li kellha l-informazzjoni li, “sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni li l-OLAF [fetaħ] dwar it-tħaddim tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi, [huwa kien] iddeċieda, fl-interess tas-servizz, li jittrasferixxi [lir-rikorrent], minn dakinhar, għad-DĠ [‘Stampa u Komunikazzjoni’] – Brussell [u li r-rikorrent] kellu jiġi informat bl-assenjazzjoni preċiża tiegħu fil-[ġranet li ġejjin]”.

30      L-assistent tar-rikorrent kien ukoll milqut b’miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid immedjata minn Pariġi għal Brussell.

31      Permezz ta’ nota ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” informa lill-persunal tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi li l-imsemmija Rappreżentanza kienet daħlet f’fażi ta’ investigazzjoni li kienet prevista li ddum madwar xahar.

32      Ir-rikorrent wera l-oġġezzjonijiet tiegħu dwar il-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li huwa kien suġġett tagħha b’diversi noti lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”, bid-dati tal-21, 22 u 27 ta’ Novembru 2002. Fin-noti tiegħu tal-21 u 22 ta’ Novembru 2002, huwa b’mod partikolari ppropona li joħroġ bil-leave matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ta’ l-OLAF fi ħdan ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi. Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” irrisponda lir-rikorrent b’nota qasira tas-27 ta’ Novembru 2002, li fiha ddikjara li kien iddeċieda li jassenjah għal xogħol ieħor fi ħdan id-Direttorat Ġenerali, “sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni u sabiex tiġi evitata kull sitwazzjoni ta’ eventwali kunflitt ta’ interess”.

33      Fil-21 ta’ Novembru 2002, kien hemm laqgħa oħra bejn ir-rikorrent u d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”, li fiha dan ta’ l-aħħar informa lill-parti kkonċernata li l-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li kienet is-suġġett tagħha kienet biss miżura preventiva.

34      Fl-istess jum, jiġifieri fil-21 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni ppubblikat stqarrija għall-istampa li tgħid li “d-[DĠ ‘Stampa u Komunikazzjoni’] [kien] talab lill-[OLAF] sabiex jeżamina l-possibbiltà li jibda investigazzjoni fuq ċerti suspetti ta’ irregolarità fl-amministrazzjoni ta’ sussidji allokati fi Franza taħt il-politika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni[;] [sabiex] jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ din l-investigazzjoni, u sabiex tiġi evitata kull perċezzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, [kien] ġie deċiż fl-interess tas-servizz li jiġu assenjati fi Brussell żewġ uffiċjali tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi[,] deċiżjonijiet amministrattivi [li] ma jippreġudikaw bl-ebda mod il-konklużjonijiet ta’ l-investigazzjoni”. Il-ġurnata ta’ qabel il-pubblikazzjoni ta’ din l-istqarrija għall-istampa, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” kien ċempel lir-rikorrent, sabiex jinformah dwarha.

35      Dejjem fil-21 ta’ Novembru 2002, F., li din id-darba kien qed jaġixxi bħala kelliemi tal-Kummissjoni, funzjoni li huwa kellu wkoll, żamm il-konferenza stampa regolari tiegħu, li fiha ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-investigazzjoni ta’ l-OLAF u l-assenjazzjoni fi Brussell ta’ żewġ uffiċjali tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi. Fit-tweġibiet tiegħu għad-domandi tal-ġurnalisti, huwa ma semmiex iż-żewġ uffiċjali in kwistjoni. Huwa enfasizza li ħadd ma kien is-suġġett ta’ akkużi u li d-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni f’dipartiment ieħor fi ħdan l-istess Direttorat Ġenerali kienu ttieħdu sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess u sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni. Waqt din il-konferenza stampa, l-imsemmi ġurnalist b’mod partikolari staqsih jekk setax “jgħid jekk il-persuna responsabbli mill-uffiċċju ta’ Pariġi [kinitx] responsabbbli għall-ispejjeż kollha li jsiru fi Franza u f’dan il-każ għall-Maison de l’Europe [ta’] Avignon [u ta’ Vaucluse] peress li [kien] jidher li kienet [din il-persuna] li [kienet] involuta[,] [staqsih ukoll jekk din l-istess persuna kinitx jew le] responsabbbli mit-tmexxija ta’ din il-Maison de l’Europe […]”, mistoqsijiet li għalihom il-kelliemi tal-Kummissjoni b’mod partikolari wieġeb li “l-kwistjoni [kienet] iktar komplikata minn dan, [li l-]amministrazzjoni ta’ dawn is-sussidji [kienet] taqa’ taħt diversi intervenjenti; [li kien] hemm Fédération [i]nternationale des Maisons de l’Europe fi Brussell; [li] evidentement [kien] hemm [l-]uffiċċji [tal-Kummissjoni] fid-diversi pajjiżi kkonċernati […]”.

36      Fit-23 ta’ Novembru 2002, il-ġurnal Le Monde iddedika artiklu għall-investigazzjoni ta’ l-OLAF u għall-assenjazzjoni mill-ġdid taż-żewġ uffiċjali, fejn issemmew l-ismijiet tar-rikorrent u ta’ l-assistent tiegħu.

37      Permezz ta’ nota tat-28 ta’ Novembru 2002, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” ippreċiża lir-rikorrent x’kienet il-missjoni tiegħu bħala “konsulent assenjat mad-Direttur Ġenerali tad-DĠ [‘Stampa u Komunikazzjoni’] fi Brussell”. Huwa kkonfermalu wkoll li l-assenjazzjoni tiegħu fi Brussell kienet ta’ natura preventiva u li kienet saret sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni u sabiex tiġi evitata kull sitwazzjoni ta’ eventwali kunflitt ta’ interess.

38      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, il-kelliemi tal-Kummissjoni u d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” għamel konferenza stampa, li fiha ħabbar li ma kien hemm xejn li jipprekludi t-tneħħija tal-miżura preventiva li għaliha kienu suġġetti ż-żewġ uffiċjali u li fil-futur qarib kien ser jiddiskuti ma’ dawn ta’ l-aħħar id-dettalji ta’ kif kellha titneħħa din il-miżura.

39      L-istampa Franċiża ppubblikat it-tneħħija ta’ dawn il-miżuri preventivi fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ uffiċjali, b’artikli ppubblikati fil-ġurnali Le Monde (22 u 23 ta’ Diċembru 2002), Le Figaro (21 u 22 ta’ Diċembru 2002) u Libération (21 u 22 ta’ Diċembru 2002).

40      Fis-6 ta’ Jannar 2003 saret laqgħa oħra bejn ir-rikorrent u d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”, li fiha ġiet diskussa l-possibbiltà li l-parti kkonċernata terġa’ tassumi l-funzjonijiet tagħha ta’ Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi.

41      Fis-16 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrent instema’ mill-investigaturi ta’ l-OLAF, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396.

42      Permezz ta’ deċiżjoni bid-data tal-21 ta’ Jannar 2003, li daħlet fis-seħħ retroattivament fid-19 ta’ Diċembru 2002, l-Awtorità tal-Ħatra reġgħet assenjat lir-rikorrent fil-funzjonijiet preċedenti tiegħu bħala Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi. Ir-rikorrent jiddikjara li din id-deċiżjoni ma waslitlux qabel it-12 ta’ Frar 2003. Madankollu, huwa effettivament ma daħalx lura għax-xogħol fl-imsemmija Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi, u dan minħabba mard.

43      Il-fatt li ż-żewġ uffiċjali kienu reġgħu assumew il-funzjonijiet tagħhom f’Pariġi kien is-suġġett, fil-21 ta’ Jannar 2003, ta’ domanda parlamentari magħmula mis-C. Flesch lill-Kummissjoni (domanda bil-miktub E-0036/03). Fil-5 ta’ Marzu ta’ wara, R. Prodi, President tal-Kummissjoni, irrisponda għal din id-domanda f’isem il-Kummissjoni filwaqt li wera d-dispjaċir tiegħu li l-medja kienet semmiet l-ismijiet tal-persuni kkonċernati.

44      Fl-istess 5 ta’ Marzu 2003, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” informa lir-rikorrent li ċerti karigi ta’ Kap ta’ Rappreżentanza tal-Kummissjoni, fosthom dak tar-Rappreżentanza fi Franza, kienu ser ikunu, fil-futur qarib, is-suġġett ta’ avviż ta’ post vakanti.

45      Fis-6 ta’ Mejju 2003, l-OLAF ħareġ ir-rapport ta’ investigazzjoni finali tiegħu. Il-konklużjonijiet tiegħu sabu li r-rikorrent ma kienx involut fil-kwistjoni mqajma mill-allegazzjonijiet li wasslu għall-bidu ta’ l-investigazzjoni u jippreċiżaw li nota ta’ verifika addizzjonali, tas-6 ta’ Diċembru 2000, li l-kontenut tagħha kien jippermetti lir-rikorrent u lill-assistent tiegħu li jagħmlu ġudizzju iktar kritiku dwar il-ħidma tal-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse, qatt ma kienet intbagħtet lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi mid-dipartimenti tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”. Skond ir-rapport ta’ l-OLAF, “il-fatt li l-uffiċċju ċentrali ma bagħatx lir-Rappreżentanza n-nota ta’ verifika addizzjonali tas-6 ta’ Diċembru 2000 kien għalhekk indirettament ikkontribwixxa sabiex jiżdiedu s-suspetti ta’ l-OLAF fir-rigward [tar-rikorrent u ta’ l-assistent tiegħu]”.

46      Waqt konferenza stampa tas-17 ta’ Ġunju 2003, wara domanda magħmula minn ġurnalista, il-kelliemi tal-Kummissjoni, K., esprima s-simpatija kollha tiegħu, kif ukoll dik ta’ l-istituzzjoni, fil-konfront tar-rikorrent.

47      F’artiklu tat-23 ta’ Ottubru 2003, il-ġurnal La Tribune irrefera għall-“‘kwistjoni’ patetika ta’ l-uffiċċju ta’ Pariġi tal-Kummissjoni, fejn il-persuni responsabbli mit-tmexxija tiegħu ġew mixlija fil-medja qabel ma […] l-OLAF kien ikkonkluda, b’mod diskret, li l-akkużi fformulati kienu bla bażi”.

48      Fit-22 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni ta’ l-Invalidità kkonstatat li r-rikorrent kien milqut minn invalidità permanenti li hija kkunsidrat bħala totali u li għamlitha impossibbli għalih li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni ta’ l-Invalidità ma ddeċidietx dwar l-eventwali oriġini professjonali ta’ din l-invalidità, peress li kkunsidrat li kien aħjar li tistenna l-għeluq tal-proċedura mibdija skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rikorrent ġie ammess għall-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ invalidità skond l-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal mill-1 ta’ Mejju 2004.

49      Permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrent ippreżenta talba għar-rikonoxximent tan-natura professjonali tal-marda tiegħu, skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

50      Qabel dan, b’ittra tat-2 ta’ Marzu 2004, li ġiet ikkompletata b’ittra tas-17 ta’ Ġunju ta’ wara, ir-rikorrent kien ippreżenta quddiem l-Awtorità tal-Ħatra talba għal kumpens għad-dannu li allegatament ġarrab f’din l-okkażjoni u waqt l-investigazzjoni ta’ l-OLAF, abbażi ta’ l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

51      Din it-talba ġiet miċħuda b’deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tat-8 ta’ Lulju 2004.

52      Fit-22 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrent ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. L-ilment wasal għand il-Kummissjoni fid-19 ta’ Ottubru ta’ wara.

53      L-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tar-rikorrent permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2005.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

54      Dan ir-rikors ġie inizjalment irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bin-numru T‑169/05.

55      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004 li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, p. 84), irrinvijat din il-preżenti kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru ta’ dan ta’ l-aħħar bin-numru F‑23/05.

56      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, permezz ta’ ittri tat-22 ta’ Marzu u tas-7 ta’ Ġunju 2006, talab lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti, b’mod partikolari r-rapport ta’ l-OLAF tas-6 ta’ Mejju 2003. Din imxiet mat-talbiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-termini mogħtija. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2006, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lir-rikorrent jinformah bl-għeluq eventwali tal-proċedura mibdija skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

57      Permezz ta’ ittra li waslet b’faks fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-25 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrent bagħat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ittra li huwa kien bagħat lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Awwissu 2006 u li fiha huwa ddikjara li kien irrinunzja għat-talba sabiex tiġi rikonoxxuta n-natura professjonali tal-marda tiegħu.

58      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddieċieda li kellu jaċċetta, b’mod eċċezzjonali, li dan id-dokument, li wasal wara l-għeluq tal-proċedura orali, jiddaħħal fil-proċess tal-kawża safejn, minn naħa, dan jirreferi għal ċirkustanza li ġrat wara s-seduta u safejn, min naħa l-oħra, dan jista’ jkollu effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża.

59      Peress li kkunsidra, skond il-prinċipju tal-kontradittorju, li l-Kummissjoni kellha tingħata l-opportunità tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan id-dokument, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Ottubru 2006, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skond l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2004/752, sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan ta’ l-aħħar.

60      Il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-imsemmi dokument fir-fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-10 ta’ Novembru 2006 permezz ta’ faks (il-preżentata ta’ l-oriġinal saret fit-13 ta’ Novembru ta’ wara).

61      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Novembru 2006, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lir-rikorrent sabiex jagħmel osservazzjonijiet eventwali fuq din l-aħħar ittra tal-Kummissjoni.

62      Ir-rikorrent bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Novembru 2006 permezz ta’ faks (il-preżentata ta’ l-oriġinal saret fl-4 ta’ Diċembru ta’ wara).

63      Permezz ta’ ittra tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Diċembru 2006, il-partijiet ġew mgħarrfa bl-għeluq tal-proċedura orali.

64      Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2005 li ċaħdet l-ilment tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2004;

–        jikkonstata li n-nuqqasijiet tal-Kummissjoni kkawżaw dannu ċert u li jista’ jiġi kkalkolat u li hemm rabta kawżali bejn dawn in-nuqqasijiet u l-imsemmi dannu;

–        jiddikjara leġittimu kumpens finanzjarju għad-dannu mġarrab minnu;

–        jiffissa d-dannu materjali tiegħu għal ammont ta’ EUR 264 000 u d-dannu morali tiegħu għal ammont ta’ EUR 500 000;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

65      Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jiddeċiedi skond il-liġi fuq l-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

66      Il-Kummissjoni tinvoka tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati rispettivament fuq nuqqas ta’ proċedura prekontenzjuża regolari, fuq nuqqas ta’ interess sabiex jaġixxi, u fuq in-natura prematura tar-rikors.

1.     Fuq in-nuqqas ta’ proċedura prekontenzjuża regolari

a)     L-argumenti tal-partijiet

67      Il-Kummissjoni għandha dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, peress li r-rikorrent qed jallega dannu kkawżat mid-deċizjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tad-19 ta’ Novembru 2002, liema deċiżjoni ma ġietx ikkontestata skond il-proċedura prevista mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

68      Ir-rikorrent jirrispondi li t-talba tiegħu għal kumpens mhijiex ibbażata fuq il-kontestazzjoni biss ta’ din id-deċizjoni, izda tqajjem diversi motivi bbażati fuq nuqqasijiet imwettqa mill-Kummissjoni, b’mod partikolari meta ġiet ippubblikata l-istqarrija għall-istampa tagħha tal-21 ta’ Novembru 2002, meta saru dikjarazzjonijiet tal-kelliemi tagħha waqt il-konferenza stampa ta’ l-istess ġurnata u waqt il-komunikazzjoni ta’ dokumenti lill-OLAF. Il-preżenti rikors għal responsabbiltà, li għandu jiġi kkunsidrat kollu kemm hu, huwa għalhekk ammissibbli.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

69      Skond ġurisprudenza kostanti, fis-sistema ta’ rimedji stabbilita mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għal kumpens, li jikkostitwixxi rimedju legali awtonomu fil-konfront tar-rikors għal annullament, huwa ammissibbli biss jekk qabel ikun hemm proċedura prekontenzjuża skond id-dispożizzjonijiet statutorji. Din il-proċedura tvarja skond jekk id-dannu li għalih ikun qed jintalab kumpens jirriżultax minn att li jikkawża preġudizzju skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew minn aġir ta’ l-amministrazzjoni li ma jkollux in-natura ta’ deċiżjoni. Fl-ewwel każ, hija l-parti kkonċernata li għandha, fit-terminu stabbilit, tressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra kontra l-att in kwistjoni. Fit-tieni każ, għall-kuntrarju, il-proċedura amministrattiva għandha tibda b’talba skond l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal intiża sabiex jinkiseb kumpens. Hija biss ċaħda espliċita jew impliċita ta’ din it-talba li tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju li kontra tagħha jista’ jsir ilment u huwa biss wara ċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ dan l-ilment li rikors għal kumpens jista’ jitressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Settembru 1991, Marcato vs Il-Kummissjoni, T‑5/90, Ġabra p. II‑731, punti 49 u 50, u tat-28 ta’ Ġunju 1996, Y vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑500/93, ĠabraSP p. I‑A‑335 u II‑977, punti 64 u 66).

70      F’din il-kawża, qabel ma adixxa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bil-preżenti rikors, ir-rikorrent għamel talba għad-danni fformulata skond l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u ppreżentata fit-2 ta’ Marzu 2004, u mbagħad huwa ressaq ilment skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2004, fil-konfront tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2004 li ċaħdet it-talba tiegħu għad-danni. Ir-rikorrent għalhekk, qabel ma ppreżenta r-rikors tiegħu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kien għamel użu mill-proċedura prekontenzjuża applikabbli għal talba għal kumpens għal dannu kkawżat minn aġir ta’ l-amministrazzjoni li ma jkollux in-natura ta’ deċiżjoni.

71      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-proċedura prekontenzjuża kinitx regolari, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk id-dannu li tiegħu qed jintalab il-kumpens jirriżultax b’mod partikolari minn aġir ta’ l-amministrazzjoni li ma kellux in-natura ta’ deċiżjoni.

72      Fir-rikors preżenti, ir-rikorrent jikkritika diversi atti ta’ l-amministrazzjoni li allegatament ikkawżaw id-dannu tiegħu, jiġifieri, minn naħa, id-deċizjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra fid-19 ta’ Novembru 2002, min-naħa l-oħra, l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Novembru 2002, u l-istqarrijiet tal-kelliemi tagħha waqt il-konferenza stampa ta’ l-istess ġurnata u, fl-aħħar nett, il-komunikazzjoni lill-OLAF mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” ta’ elementi ta’ fatt li jagħtu lok għal preżunzjoni ta’ l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fi ħdan ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi. Permezz tal-kritika tiegħu kontra l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Novembru 2002, u l-istqarrijiet tal-kelliemi tagħha waqt il-konferenza stampa ta’ l-istess ġurnata, kif ukoll tal-kritika kontra l-komunikazzjoni, imsemmija iktar ’il fuq, ta’ elementi ta’ fatt lill-OLAF, ir-rikorrent jikkontesta, in sostenn tar-rikors tiegħu, b’mod partikolari aġir ta’ l-amministrazzjoni li ma kellux in-natura ta’ deċiżjoni.

73      Minn dak kollu li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inamissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ proċedura prekontenzjuża regolari ma tistax tintlaqa’.

2.     Fuq in-nuqqas ta’ interess sabiex jaġixxi

a)     L-argumenti tal-partijiet

74      Il-Kummissjoni għandha dubji dwar jekk ir-rikorrent għandux interess sabiex jaġixxi billi ssostni li, meta ġie ppreżentat ir-rikors, id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tad-19 ta’ Novembru 2002 kienet ilha li ġiet irrevokata iktar minn sena.

75      Ir-rikorrent ma jieħux pożizzjoni dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà iżda jitlob b’mod ġenerali li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jilqax l-oġġezzjonijiet proċedurali tal-Kummissjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

76      Għandu jiġi kkonstatat li l-istqarrija li hija l-bażi ta’ l-argumenti tal-Kummissjoni, li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tad-19 ta’ Novembru 2002 kienet ilha iktar minn sena li ġiet “irrevokata” fid-data tal-preżentata tal-preżenti rikors, hija ineżatta. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2003 li assenjat mill-ġdid lir-rikorrent fil-funzjonijiet preċedenti tiegħu bħala Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi, b’effett retroattiv għad-19 ta’ Diċembru 2002, ma kinitx issostitwiet id-deċizjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tad-19 ta’ Novembru 2002, li pproduċiet l-effetti tagħha mid-19 ta’ Novembru sad-19 ta’ Diċembru 2002.

77      Barra minn dan, l-interess tar-rikorrent sabiex jaġixxi ma jistax jiġi eżaminat biss fir-rigward tal-motiv dwar id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tad-19 ta’ Novembru 2002, iżda għandu jiġi eżaminat fir-rigward tat-talbiet għal konstatazzjoni ta’ responsabbiltà magħmula mir-rikorrent.

78      Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ l-interess tar-rikorrent sabiex jaġixxi għandha tiġi miċħuda.

3.     Fuq in-natura prematura tar-rikors

a)     L-argumenti tal-partijiet

79      Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-dannu tar-rikorrent għandu jiġi evalwat billi jiġu kkunsidrati l-benefiċċji riċevuti skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, skond ir-raġunament żviluppat fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni (T-165/95, ĠabraSP p. I-A-203 u II-627). Minn dan hija ddeduċiet li, safejn il-proċedura mibdija mir-rikorrent skond din id-dispożizzjoni għadha għaddejja, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mhuwiex ser ikun f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa d-dannu tar-rikorrent u li, għalhekk, ir-rikors huwa prematur. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni irrepetiet dan l-argument, filwaqt li kkunsidrat li fid-dawl tal-fatt li l-proċedura mibdija skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ ddum diversi snin, id-dikjarazzjoni tar-rikors bħala prematur tista’, f’ċerti ipoteżijiet, tqajjem għall-individwu diffikultajiet fir-rigward tar-rispett tat-terminu ta’ ħames snin li fih għandu jiġi ppreżentat rikors għal responsabbiltà.

80      Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent wieġeb li talba għal rikonoxximent tan-natura professjonali tal-marda tiegħu, ippreżentata skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tipprojbihx milli jsostni dritt għal kumpens għad-dannu morali li jkun ġarrab. Waqt is-seduta, ir-rikorrent biddel il-pożizzjoni tiegħu fuq dan il-punt u talab li jiġi kkunsidrat il-fatt li huwa kien lest jirrinunzja għat-talba tiegħu fformulata skond l-imsemmi Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa fil-fatt insista fuq il-fatt li huwa jixtieq li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi bl-iktar mod mgħaġġel possibbli dwar il-kawża fl-intier tagħha u, b’mod partikolari, jikkonstata n-nuqqasijiet tal-Kummissjoni li kkawżaw id-dannu tiegħu, konstatazzjoni li hija biss tista’ tistabbilixxi mill-ġdid l-unur u r-reputazzjoni tiegħu u ttemm l-inċertezza twila li fiha jinsab wara l-fatti kontenzjużi. B’ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-25 ta’ Settembru 2006 b’faks, ir-rikorrent informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa kien irrinunzja għat-talba tiegħu mressqa skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

81      Peress li l-Kummissjoni, waqt is-seduta, irtirat l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura prematura tar-rikors, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li mhemmx lok li jiddeċiedi dwarha.

82      Minn dan jirriżulta li r-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

B –  Fuq it-talba għal sospensjoni tal-proċedimenti

1.     L-argumenti tal-partijiet

83      Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dannu allegat mir-rikorrent għandu jiġi evalwat billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-benefiċċji riċevuti skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, safejn il-proċedura mibdija skond din id-dispożizzjoni kienet għadha għaddejja meta l-Kummissjoni ppreżentat l-imsemmija tweġiba, din sostniet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mhuwiex ser ikun f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa d-dannu tar-rikorrent. Minn dan hija kkonkludiet li l-proċedimenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jmisshom għall-anqas jiġu sospiżi sakemm tintemm il-proċedura ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u li, meta tintemm l-imsemmija proċedura, ir-rikorrent għandu jintalab jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-konsegwenzi tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra dwar in-natura professjonali tal-marda tiegħu.

84      Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent wieġeb li talba għal rikonoxximent tan-natura professjonali tal-marda tiegħu, ippreżentata skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tipprojbihx milli jsostni dritt għal kumpens għad-dannu morali li huwa kien ġarrab u oppona din is-sopensjoni tal-proċedimenti, li huwa kien ikkwalifika bħala tattika sabiex tikkawża dewmien min-naħa tal-Kummissjoni. Fis-seduta huwa talab li jiġi kkunsidrat il-fatt li huwa kien lest jirrinunzja għal din it-talba. B’ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-25 ta’ Settembru 2006 b’faks, huwa informa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li huwa kien irrinunzja għall-imsemmija talba.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

85      Peress li r-rikorrent irrinunzja għat-talba tiegħu ppreżentata skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-talba fformulata mill-Kummissjoni għas-sospensjoni tal-proċedimenti tilfet is-suġġett tagħha.

86      Għalhekk, m’hemmx lok li tiġi deċiza l-imsemmija talba għal sospensjoni tal-proċedimenti.

87      F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li, li kieku fin-nuqqas ta’ rinunzja tar-rikorrent għat-talba tiegħu fformulata skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jiddeċiedi fuq it-talba għal sospensjoni tal-proċedimenti fformulata mill-Kummissjoni, huwa ma kienx ikun jista’ jilqagħha. Fil-fatt, ir-rikorrent oppona għall-imsemmija talba għal sospensjoni. Issa, l-Artikolu 77(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprevedi biss l-ipoteżi unika ta’ sospensjoni tal-proċedimenti fuq talba komuni tal-partijiet.

C –  Fuq il-mertu

88      Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Komunità jridu jiġu ssodisfati numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità ta’ l-aġir allegat fil-konfront ta’ l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il-Kummissjoni, T 82/91, ĠabraSP p. I-A-15 u II-61, punt 72, u tal-21 ta’ Frar 1995, Moat vs Il-Kummissjoni, T‑506/93, ĠabraSP p. I-A-43 u II-147, punt 46).

89      Għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk il-Kummissjoni wettqitx illegalità tali li tinvolvi r-responsabbiltà tagħha, billi jiġu eżaminati l-motivi differenti mqajma mir-rikorrent skond l-ordni kronoloġiku tal-fatti li għalihom jirreferu.

1.     Fuq in-nuqqasijiet li bihom hija akkużata l-Kummissjoni

a)     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-inkonsistenza ta’ l-ilmenti magħmula fil-konfront tar-rikorrent u fuq in-nuqqasijiet imwettqa mis-superjuri tiegħu

 L-argumenti tal-partijiet

90      Fil-kuntest tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” kien wettaq nuqqas ta’ serjetà estrema meta bagħat lill-OLAF “fajl ta’ akkużi” kontra r-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi, meta l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċizjoni1999/396 ma kinux issodisfati.

91      Skond ir-rikorrent, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” ma kellux elementi ta’ fatt suffiċjenti sabiex jinforma lill-OLAF b’applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq. Għandu jiġi sostnut li dan jistabilixxi eżiġenza ta’ materjalità, sabiex ma jkunx hemm akkużi mhux fondati li jkunu fformulati mingħajr ġustifikazzjoni fir-rigward ta’ uffiċjali li ma jkunux direttament jew li jkunu biss indirettament implikati f’każijiet ta’ frodi.

92      Ir-rikorrent isostni barra minn dan li d-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”, minn naħa, bagħat lill-OLAF informazzjoni żbaljata dwar ir-responsabbiltà tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi fir-rigward tal-kontroll ta’ l-allegati irregolaritajiet ta’ l-Info-Point Europe ta’ Avignon, u, minn naħa l-oħra, ħeba, volontarjament jew b’negliġenza, dokumenti li kienu ntużaw kontra tiegħu. Fiċ-ċirkustanzi li fihom dawn intbagħtu lill-OLAF, l-allegazzjonijiet tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” kienu ta’ natura kalunjuża u libelluża.

93      Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni tagħha li tinforma lill-OLAF bl-allegati irregolaritajiet fi ħdan l-Info-Point Europe ta’ Avignon kienet leġittima u neċessarja. Hija tenfasizza li din id-deċiżjoni għandha tiġi evalwata billi titqiegħed fil-kuntest tad-data li fiha ttieħdet u li ma tistax tiġi kkritikata fid-dawl tar-riżultat finali ta’ l-investigazzjoni.

94      Il-Kummissjoni tenfasizza li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċizjoni 1999/396 ma jobbligax lis-Segretarju Ġenerali, lid-Diretturi Ġenerali jew lill-Kapijiet tad-Dipartimenti tal-Kummissjoni jiġġudikaw ir-rilevanza jew in-natura probatorja ta’ l-elementi ta’ fatt li huma jkunu jafu bihom qabel ma jibagħtuhom lill-OLAF, iżda li, għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tissuġġettahom għal obbligu assolut. Fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-unika ipoteżi li fiha jkun possibbli li jkun hemm nuqqas amministrattiv li jista’ jagħti lok għal kumpens hija meta istituzzjoni jkollha l-intenzjoni li tagħmel ħsara lil uffiċjal jew membru tal-persunal. Issa, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrent ma ġab ebda prova ta’ tali intenzjoni li tagħmel ħsara, u tikkontesta formalment l-eżistenza ta’ tali intenzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

95      L-evalwazzjoni tat-tielet motiv, li jikkonċerna l-aġir tal-Kummissjoni li wassal sabiex il-kwistjoni titressaq quddiem l-OLAF, tinvolvi żewġ kwistjonijiet. Minn naħa, għandu jiġi determinat jekk id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” wettaqx nuqqas amministrattiv meta bagħat lill-OLAF, permezz ta’ nota tas-6 ta’ Novembru 2002, l-elementi ta’ fatt li huwa kien jaf bihom. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat jekk ċerti nuqqasijiet allegati fis-sistema ta’ komunikazzjoni interna tal-Kummissjoni, li setgħu kkontribwew sabiex il-kwistjoni titressaq quddiem l-OLAF u għall-ftuħ ta’ l-investigazzjoni, jistgħux jikkostitwixxu nuqqas amministrattiv ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni. Fil-fatt, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tista’ tkun stabbilita mhux biss minħabba l-aġir tal-membri tal-persunal tagħha, bħal Direttur Ġenerali, izda wkoll minħabba n-nuqqas ta’ organizzazzjoni suffiċjenti fid-dipartimenti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Gustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1959, F.E.R.A.M. vs Haute Autorité, 23/59, Ġabra p. 501, 517).

–       Fuq l-informazzjoni ta’ l-OLAF

96      L-argumenti tar-rikorrent u tal-Kummissjoni ma jaqblux fuq il-portata tad-diskrezzjoni li għandhom is-Segretarju Ġenerali, id-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet tad-Dipartimenti tal-Kummissjoni, imsemmija fl-ewwel paragrarafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċizjoni 1999/396. Fil-fatt, skond ir-rikorrent, dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom elementi materjali suffiċjenti sabiex jinformaw lill-OLAF. Fin-nuqqas ta’ tali elementi, huma jistgħu jinvolvu r-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni għal nuqqas amministrattiv. Il-Kummissjoni, bil-kontra, issostni li l-obbligu li tinforma lill-OLAF huwa obbligu assolut u li l-unika ipoteżi li fiha jkun possibbli li jkun hemm nuqqas amministrattiv li jista’ jagħti lok għal kumpens hija meta l-istituzzjoni jkollha l-intenzjoni li tagħmel ħsara lil uffiċjal.

97      Għalhekk, preliminarjament, għandha tiġi ddeterminata l-portata tad-diskrezzjoni li għandhom is-Segretarju Ġenerali, id-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet ta’ Dipartimenti tal-Kummissjoni, imsemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/396.

98      Mill-ifformular imperattiv tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/396, li jirreferi fuq dan il-punt għall-ewwel paragrafu ta’ l-istess artikolu, jirriżulta li s-Segretarju Ġenerali, id-Diretturi Ġenerali u l-Kapijiet ta’ Dipartimenti tal-Kummissjoni, għandhom l-obbligu li jinformaw lill-OLAF mingħajr dewmien malli jsiru jafu “b’evidenza li tagħti lok għal preżunzjoni ta’ l-eżistenza ta’ possibiltà ta’ każijiet ta’ frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra, li hija ta’ ħsara għal Komunitajiet, jew b’sitwazzjonijiet serji relatati mar-rilaxx ta’ obbligazzjonijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligazzjonijiet ta’ uffiċjali jew impjegati tal-Komunitajiet u li jagħtu lok għal proċeduri dixxiplinari, u fil-każijiet xierqa, fi proċeduri kriminali […]”. Madankollu, l-użu tat-terminu “preżunzjoni” mil-leġiżlatur jimplika neċessarjament li l-awtoritajiet koperti mill-imsemmija dispożizzjoni għandhom jagħmlu evalwazzjoni minimali dwar ir-rilevanza ta’ l-elementi ta’ fatti li huma jkunu jafu bihom fir-rigward ta’ irregolarità possibbli u jagħtihom, għalhekk, ċerta diskrezzjoni.

99      Sabiex tingħata deċiżjoni fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, għandu jiġi ddeterminat jekk, meta kkomunika lill-OLAF, b’nota tas-6 ta’ Novembru 2002, l-elementi ta’ fatt li kien jaf bihom u jagħtu lok għal preżunzjoni ta’ l-eżistenza ta’ irregolaritajiet bħal dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/296, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” ma kisirx b’mod gravi u manifest il-limiti imposti fuq din is-setgħa diskrezzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 2006, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T‑309/03, Ġabra p. II-1173, I‑A‑2-89, II-A-2-387, punt 104).

100    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li fiż-żmien in kwistjoni kienu jeżistu numru ta’ elementi li kienu jiġġustifikaw li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” jmur quddiem l-OLAF bl-informazzjoni li kien jaf biha.

101    Minn naħa, ir-rapport ta’ verifika tas-27 ta’ Novembru 2000 u n-nota ta’ verifika addizzjonali tas-6 ta’ Diċembru ta’ wara kienu juru li kien hemm riskju ta’ proġetti fittizji fi ħdan il-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse.

102    Min-naħa l-oħra, ir-relazzjonijiet professjonali li kien hemm bejn ir-rikorrent u l-president tal-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse, P., li fil-konfront tiegħu kien hemm is-suspett li kien l-oriġini tal-frodi osservat fil-kuntest tat-tmexxija ta’ din il-Maison de l’Europe kienu ta’ min jinvestighom; f’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra r-reazzjoni ekwivoka tar-rikorrent għat-twissijiet li saru mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Marseille u b’mod partikolari l-istqarrijiet li huwa kien ifformula, fis-sens li l-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse hija “magħrufa għall-professjonaliżmu tagħha” għandha “reputazzjoni mhux mittiefsa fir-reġjun tagħha u [hija] kapaċi twettaq b’suċċess proġetti kbar fejn fil-passat ta’ spiss laqgħet diversi membri tal-Kummissjoni” (ara n-nota għall-attenzjoni ta’ C., ta’ l-4 ta’ Marzu 2002, iffirmata mir-rikorrent, u n-nota għall-attenzjoni ta’ C., tad-19 ta’ April 2002, mhux iffirmata, fuq karta ta’ l-ittri bil-letterhead tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fi Franza, it-tnejn li huma prodotti mill-Kummissjoni wara talba mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

103    Fl-aħħar nett, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” kien irċieva min-naħa ta’ uffiċjali tad-dipartimenti tiegħu li xtaqu jibqgħu anonimi iżda li huwa ddikjara li kien jafhom tajjeb, akkużi preċiżi u dettaljati ta’ irregolaritajiet dwar b’mod partikolari r-relazzjonijiet li kien hemm bejn ir-rikorrent u l-president tal-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse, l-għoti ta’ sussidji għal proġetti fittizji fi ħdan din il-Maison de l’Europe, it-tmexxija ta’ grupp ta’ interess ekonomiku Sources d’Europe u ta’ fatti ta’ nepotiżmu fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti.

104    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” seta’ b’mod raġjonevoli jikkunsidra li kien obbligat jinforma lill-OLAF mingħajr dewmien bl-elementi ta’ fatt li huwa kien jaf bihom, sabiex dan ta’ l-aħħar jagħmel investigazzjoni li hija biss setgħet tippermetti li tiġi vverifikata l-fondatezza ta’ l-allegazzjonijiet ta’ frodi.

105    Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” għalhekk ma marx lil hinn mil-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu meta kkomunika lill-OLAF, permezz ta’ nota tas-6 ta’ Novembru 2002, l-elementi ta’ fatt li huwa kien jaf bihom, li kienu jagħtu lok għal preżunzjoni ta’ l-eżistenza ta’ irregolaritajiet, imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/396.

–       Fuq in-nuqqasijiet li ġew osservati fis-sistema ta’ komunikazzjoni interna tal-Kummissjoni

106    Ir-rapport ta’ l-OLAF wera n-nuqqasijiet fis-sistema ta’ komunikazzjoni interna tal-Kummissjoni, li setgħu kellhom konsegwenzi sfavorevoli għar-rikorrent.

107    Fil-fatt, nota tas-6 ta’ Diċembru 2000, rigward il-verifiki li saru in segwitu għar-rapport ta’ verifika tas-27 ta’ Novembru 2000 u li fiha tissemma l-eżistenza ta’ riskju ta’ proġetti fittizji fi ħdan il-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse, ma ntbagħtitx lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi mid-dipartimenti tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” fi Brussell. Skond ir-rapport ta’ l-OLAF, “il-fatt li l-uffiċċju ċentrali ma bagħatx lir-Rappreżentanza n-nota ta’ verifika addizzjonali tas-6 ta’ Diċembru 2000 għalhekk indirettament ikkontribwixxa sabiex jiżdiedu s-suspetti ta’ l-OLAF fir-rigward [tar-rikorrent u ta’ l-assistent tiegħu]”.

108    Barra minn dan, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Edukazzjoni u Kultura” u l-Kap tad-Dipartiment “Stampa u Komunikazzjoni”, fin-nota tagħhom iffirmata minnhom it-tnejn fil-21 ta’ Marzu 2001, kienu indikaw li flimkien ma’ l-informazzjoni tad-Direttur Ġenerali ta’ l-OLAF permezz ta’ l-imsemmija nota, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni fi Franza kif ukoll il-Kap tad-Diviżjoni responsabbli mill-Maisons de l’Europe u l-Info-Points Europe kienu ntalbu li “jagħmlu rapport” fuq l-elementi li huma setgħu kienu jafu bihom u li setgħu jiċċaraw il-kwistjoni. Għal xi raġuni li ma ġietx spjegata mill-Kummissjoni, din it-talba qatt ma waslet għand ir-rikorrent. Ir-rapport ta’ investigazzjoni finali ta’ l-OLAF jenfasizza li “minflok dan ir-rapport komuni li kien mistenni mill-OLAF bħala element addizzjonali importanti għall-iżvolġiment ta’ l-investigazzjoni esterna tiegħu, id-DĠ ‘Stampa u Komunikazzjoni’ [bagħatlu] […] f’Novembru 2001 żewġ noti kunfidenzjali fformulati u ffirmati mir-Rappreżentanza [tal-Kummissjoni f’]Pariġi iżda li kienu jesprimu wkoll il-pożizzjoni tad-Diviżjoni ‘Stampa’ [ta’ l-isemmi DĠ]”.

109    Madankollu, minkejja li huwa minnu li ċerti nuqqasijiet fis-sistema ta’ komunikazzjoni interna tal-Kummissjoni setgħu inizjalment aggravaw b’mod mhux ġustifikat is-suspetti ta’ l-OLAF fir-rigward tar-rikorrent, f’dak iż-żmien kien hemm numru ta’ elementi oħra gravi u konsistenti li kienu jiġġustifikaw, fihom infushom, il-ftuħ ta’ investigazzjoni.

110    Minn naħa, l-akkużi espliċiti li rċieva d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” minn ċerti uffiċjali kien fihom allegazzjonijiet ta’ frodi preċiżi u dettaljati. Min-naħa l-oħra, ir-rapport ta’ verifika tas-27 ta’ Novembru 2000 u n-nota ta’ verifika addizzjonali tas-6 ta’ Diċembru ta’ wara jiżvelaw l-eżistenza ta’ nuqqasijiet fil-kontijiet u ta’ riskju ta’ proġetti fittizji fi ħdan il-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse.

111    In-nuqqasijiet osservati fis-sistema ta’ komunikazzjoni interna tal-Kummissjoni m’għandhomx għalhekk relazzjoni ta’ kawża u effett determinanti fuq il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF. Għalhekk, ma jidhirx li abbażi ta’ dawn in-nuqqasijiet tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni għal nuqqas amministrattiv.

112    Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura abbużiva u inġustifikata tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fi Brussell

 L-argumenti tal-partijiet

113    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jikkritika l-adozzjoni kif ukoll il-modi ta’ kif ġiet implementata d-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru li assenjatu immedjatament fi Brussell. Skond ir-rikorrent, il-Kummissjoni wettqet nuqqas gravi meta adottat din id-deċiżjoni, li hija vvizzjata b’irregolarità għal diversi motivi: hija mhijiex motivata biżżejjed, hija ma ttiħditx fl-interess tas-servizz, hija sproporzjonata meta mqabbla mal-fatti allegati u hija tikkostitwixxi piena li tikser il-preżunzjoni ta’ innoċenza. Barra minn dan, ir-rikorrent jirrileva n-nuqqas ta’ premura min-naħa tal-Kummissjoni fil-konfront tiegħu fl-okkażjoni tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2003 li assenjatu mill-ġdid fir-Rappreżentanza f’Pariġi. Fir-replika tiegħu, b’tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li l-unika ipoteżi li fiha jista’ jkun hemm nuqqas amministrattiv li jista’ jagħti lok għal kumpens hija meta jkun hemm intenzjoni li ssir ħsara, li l-eżistenza tagħha hija kkontestata f’din il-kawża, ir-rikorrent irrileva wkoll li l-elementi ta’ prova li jinsabu fil-proċess tal-kawża huwa konsistenti u juru intenzjoni li ssir ħsara min-naħa tal-Kummisjoni. Fis-seduta, ir-rikorrent madankollu ppreċiża li huwa kien qed jirtira l-allegazzjonijiet tiegħu dwar din l-intenzjoni, iżda li huwa kien jikkunsidra li twettaq nuqqas serju meta ttieħdet din il-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

114    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fi Brussell tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju fil-konfront tiegħu u li, għalhekk, hija kellha tkun immotivata, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25, tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, l-unika indikazzjoni li hemm fin-nota tad-19 ta’ Novembru 2002 li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, li tgħid li l-imsemmi assenjazzjoni mill-ġdid kienet ġiet deċiża sabiex “tiffaċilita l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni”, ma tikkostitwixxix motivazzjoni suffiċjenti. L-argument tal-Kummissjoni li din id-deċiżjoni ġiet adottata f’kuntest magħruf mir-rikorrent mhuwiex rilevanti f’din il-kawża, peress li r-rapport ta’ investigazzjoni finali ta’ l-OLAF juri li d-dipartimenti tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” ibbażati fi Brussell kienu żammew fl-għama lill-parti kkonċernata fuq ċerti fatti ossservati fl-Info-Point Europe ta’ Avignon.

115    Fit-tieni lok, ir-rikorrent jenfasizza li l-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li kien is-suġġett tagħha kienet idderogat għal kollox mir-regoli abitwali ta’ rotazzjoni u ma setgħetx għalhekk titqabbel ma’ sempliċi assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz.

116    Fit-tielet lok, huwa jsostni li din il-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid hija sproporzjonata meta mqabbla mal-fatti allegati. Huwa jenfasizza b’mod partikolari li l-proposta li huwa għamel lill-Kummissjoni, jiġifieri li joħroġ bil-leave waqt li tkun qed issir l-investigazzjoni mill-OLAF, kienet tkun konformi ma’ l-interess tas-servizz filwaqt li kienet tirrispetta iktar l-interessi tiegħu.

117    Fir-raba’ lok, huwa josserva li miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ibbażata biss fuq preżunzjoni ta’ implikazzjoni f’każ ta’ frodi ma tistax tkun kompatibbli la mal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u lanqas mar-Regolament Nru 1073/1999, li jiddisponi fil-Premessa 10 tiegħu li l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew b’mod li “jirrispettaw ir-Regolamenti tal-Persunal […], u b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-imparzjalità, għad-dritt tal-persuni involuti li jesprimu ruħhom dwar il-fatti li jikkonċernawhom”. Huwa jenfasizza li din l-assenjazzjoni mill-ġdid brutali tidher bħala piena mingħajr proprozjon mal-fatti allegati, safejn kien biss tardivament li ġiet ppreżentata bħala li kienet ta’ natura preventiva.

118    Fl-aħħar lok, ir-rikorrent jikkritika n-nuqqas ta’ premura min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tiegħu meta reġa’ assuma l-funzjonijiet tiegħu f’Pariġi u meta nħareġ ir-rapport ta’ investigazzjoni finali ta’ l-OLAF. Huwa jsostni li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu bħala Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi, imħabbra pubblikament fl-20 ta’ Diċembru 2002 waqt konferenza stampa mogħtija mill-kelliemi tal-Kummissjoni, ma kinitx iffirmata mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” qabel l-20 ta’ Jannar 2003. Barra minn dan, din l-assenjazzjoni mill-ġdid ma ngħatatx pubbliċità adegwata, safejn, waqt l-imsemmija konferenza stampa, il-kelliemi tal-Kummissjoni qagħad attent li jenfasizza li l-investigazzjoni ma kinitx intemmet, filwaqt li stieden lill-ġurnalisti sabiex jibqgħu prudenti. Fl-aħħar, ir-rikorrent jenfasizza li d-dikjarazzjoni qasira ta’ simpatija tal-kelliemi tal-Kummissjoni, magħmula mingħajr preparazzjoni minn qabel għal domanda ta’ ġurnalista, fis-17 ta’ Ġunju 2003, ma tistax tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ xandir ta’ stqarrija għall-istampa wara l-ħruġ tar-rapport ta’ investigazzjoni finali ta’ l-OLAF, li kienet tkun bilanċ ekwu għall-istqarrija tal-21 ta’ Novembru 2002.

119    Il-Kummissjoni tikkontesta kull nuqqas u tikkunsidra li d-deċiżjoni ta’ l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent fi Brussell kienet suffiċjentement motivata, ittieħdet fl-interess tas-servizz, kienet proporzjonata meta mqabbla mal-fatti allegati, kienet miżura preventiva intiża sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni, u ma kinitx ta’ natura li setgħet tikser il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

120    Il-Kummissjoni tirrileva li din id-deċiżjoni ttieħdet abbażi ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti ta’ din il-kawża, li jipprevedi l-possibbiltà għall-Awtorità tal-Ħatra li tassenja, permezz ta’ ħatra jew trasferiment, fl-interess tas-servizz biss, kull uffiċjal għal impjieg fil-kategorija jew fil-grad tiegħu. Fir-rigward ta’ l-argument li l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent kienet idderogat għal kollox mir-regoli abitwali ta’ rotazzjoni, hija tirrispondi li s-sitwazzjoni ma setgħetx tagħti lok għal rotazzjoni abitwali. Fil-fatt, peress li s-sitwazzjoni f’din il-kawża kienet eċċezzjonali, hija setgħet titlob tweġiba eċċezzjonali wkoll.

121    Fir-rigward ta’ l-ilment li l-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fi Brussell tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni sostniet, fis-seduta, li ebda miżura oħra ma setgħet tittieħed f’din il-kawża. B’mod iktar preċiż, dwar l-argument li l-proposta tar-rikorrent “li joħroġ bil-leave” mingħajr ma jirċievi salarju waqt il-perijodu ta’ l-investigazzjoni kienet tkun miżura daqstant ieħor konformi ma’ l-interess tas-servizz, filwaqt li tirrispetta iktar l-interesssi tar-rikorrent, il-Kummissjoni osservat fis-seduta li l-Artikolu 62 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi li uffiċjal li jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jirċievi r-remunerazzjoni relatata mal-grad u ma’ l-iskala tiegħu. Hija żiedet ukoll li l-għoti lir-rikorrent ta’ missjoni fi Brussell lanqas ma kienet soluzzjoni plawsibbli f’din il-kawża. Fil-fatt, il-karatteristika ta’ missjoni hija li din tkun għal żmien qasir. Issa, meta ġiet adottata l-miżura li assenjat lir-rikorrent fi Brussell, ma setax ikun possibbli li jitbassar it-tul ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF. Barra minn dan, missjoni kien ikollha l-inkonvenjent li toħloq spejjeż addizzjonali għall-istituzzjoni.

122    Dwar l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrent mhuwiex issostanzjat mill-fatti, safejn id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” u kelliemi tal-Kummissjoni fakkar diversi drabi li l-persuna kkonċernata kienet għadha tibbenefika minn dan il-prinċipju. Hija ssostni wkoll li dan l-argument mhuwiex issostanzjat mil-liġi, filwaqt li tinvoka l-Artikolu 23 ta’ l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi l-possibbiltà li uffiċjal jiġi sospiż mill-funzjonijiet tiegħu sakemm tkun għaddejja proċedura dixxiplinari. Tali sospensjoni ma tikkostitwixxix piena, iżda hija miżura purament preventiva, li ma tiksirx il-preżunzjoni ta’ innoċenza. Dak li jgħodd għal miżura ta’ sospensjoni jgħodd a fortiori fil-każ ta’ sempliċi assenjazzjoni mill-ġdid, mingħajr sospensjoni, matul iż-żmien meħtieġ sabiex issir fażi qasira ta’ investigazzjoni. Skond il-Kummissjoni, il-preżunzjoni ta’ innoċenza ma tistax tfixkel l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi intiżi sabiex jiżguraw is-serenità, l-oġġettività u l-effiċjenza ta’ investigazzjoni.

123    B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni tosserva wkoll li deċiżjoni amministrattiva għandha tiġi evalwata biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi magħrufa fiż-żmien meta seħħew il-fatti. Issa, fil-mument tal-fatti kontenzjużi, ma kien ebda raġuni sabiex id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” ma jsegwix ir-rakkomandazzjonijiet ta’ l-OLAF intiżi li jbiegħdu lir-rikorrent mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi matul il-fażi ta’ l-investigazzjoni li kienet qed issir hemmhekk.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

124    Fil-kuntest ta’ l-argumenti żviluppati fl-ewwel motiv, ir-rikorrent essenzjalment isostni tliet ilmenti. L-ewwel żewġ ilmenti huma diretti kontra d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tad-19 ta’ Novembru 2002 u huma bbażati, minn naħa, fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, fuq ksur ta’ l-interess tas-servizz, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju tal-ħarsien tal-preżunzjoni ta’ innoċenza li jivvizjaw din id-deċiżjoni. Fil-kuntest tat-tielet ilment, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret id-dmir ta’ premura tagħha meta, minn naħa, hija reġgħet assenjatu fil-funzjonijiet preċedenti tiegħu f’Pariġi, u, min-naħa l-oħra, meta nħareġ ir-rapport ta’ investigazzjoni finali ta’ l-OLAF. L-ilment dwar il-ksur tad-dmir ta’ premura meta nħareġ ir-rapport ta’ investigazzjoni finali ta’ l-OLAF ser jiġi ttrattat fil-kuntest tat-tieni motiv.

–       Fuq l-ilment ta’ motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fi Brussell

125    Id-dubji espressi mill-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għal responsabbiltà kollu kemm hu, minħabba li r-rikorrent ma kkontestax id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li tikkawża preġudizzju fil-konfront tiegħu skond il-proċedura prevista mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jiġu interpretati bħala kontestazzjoni ta’ l-ammissibbiltà ta’ l-ilmenti mressqa kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

126    Minkejja dan il-fatt, m’hemmx lok f’din il-kawża li tiġi deċiża l-ammissibbiltà ta’ l-ilment ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni safejn, f’kull każ, dan l-ilment mhuwiex fondat.

127    Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, l-obbligu ta’ motivazzjoni preskritt mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jikkostitwixxi biss ripetizzjoni ta’ l-obbligu ġenerali stabbilit mill-Artikolu 253 KE, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-parti kkonċernata indikazzjoni biżżejjed sabiex tevalwa l-fondatezza ta’ l-att li jikkawża preġudizzju fil-konfront tagħha u l-opportunità li tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil dan ta’ l-aħħar li jistħarreġ il-legalità ta’ l-att. Minn dan isegwi li l-obbligu ta’ motivazzjoni hawn stabbilit jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt Komunitarju li tista’ ssir deroga minnu biss f’każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 1991, Pérez‑Mínguez Casariego vs Il-Kummissjoni, T‑1/90, Ġabra p. II‑143, punt 73, u tas-6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il-Kummissjoni, T‑281/01, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑903, punt 105).

128    Il-portata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, f’kull każ, tiġi evalwata skond ċirkustanzi konkreti, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kontenut ta’ l-att, tan-natura tal-motivi invokati u ta’ l-interess li d-destinatarju jista’ jkollu li jingħata spjegazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il-Kummissjoni, T‑135/00, ĠabraSP p. I‑A‑265 u II‑1313, punt 28). B’mod partikolari, deċiżjoni tkun suffiċjentement motivata meta tintervjeni f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat, li jippermettilu li jifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 1995, Ojha vs Il-Kummissjoni, T‑36/93, ĠabraSP p. I‑A‑161 u II‑497, punt 60, u ta’ l-1 ta’ April 2004, N vs Il-Kummissjoni, T‑198/02, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑507, punt 70).

129    Il-ġurisprudenza tippreċiża wkoll li deċiżjoni li timplika ċaqliq ta’ uffiċjal kontra r-rieda tiegħu tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju fil-konfront tiegħu skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u għandha, għalhekk, tkun immotivata (sentenzi Ojha vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 1999, Sabbioni vs Il-Kummissjoni, T‑129/98, ĠabraSP p. I‑A‑223 u II‑1139, punt 28).

130    F’din il-kawża, in-nota tad-19 ta’ Novembru 2002 li kkomunikat lir-rikorrent id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fi Brussell indikat li din id-deċiżjoni kienet ittieħdet fl-interess tas-servizz u sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni li l-OLAF kien għadu kemm beda dwar it-tħaddim tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi. L-imsemmija nota ppreċiżat ukoll lir-rikorrent li l-assenjazzjoni preċiża tiegħu kellu tiġi kkomunikata lilu fil-ġranet ta’ wara.

131    Qabel il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2002, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” kien informa lir-rikorrent bil-ftuħ ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF, permezz ta’ nota tal-15 ta’ Novembru 2002, u kienet saret laqgħa bejniethom fit-18 ta’ Novembru ta’ wara fi Brussell.

132    Minn dan isegwi li, meta fin-nota tad-19 ta’ Novembru 2002 ġie ppreċiżat li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kienet ittieħdet sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni, f’kuntest li dwaru r-rikorrent kien ġie informat u li kien ġie diskuss miegħu waqt laqgħa, l-Awtorità tal-Ħatra tat lir-rikorrent indikazzjoni suffiċjentement preċiża, minn naħa, sabiex ikun jista’ jevalwa l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni u, min naħa l-oħra, sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tagħha.

133    L-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tad-19 ta’ Novembru 2002 huwa għalhekk infondat.

–       Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ l-interess tas-servizz, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

134    L-istess bħall-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Novembru 2002, m’hemmx lok li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq il-kontestazzjoni impliċita, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ l-ammissibbiltà ta’ dawn l-ilmenti, safejn fi kwalunkwe każ dawn huma infondati.

135    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm huwa veru li l-amministrazzjoni għandha kull interess li tassenja lill-uffiċjali skond il-kapaċitajiet u l-għażliet personali tagħhom, xorta waħda ma jistax jiġi aċċettat li l-uffiċjali għandhom id-dritt li jeżerċitaw jew iżommu funzjonijiet speċifiċi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2001, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑100/00, ĠabraSP p. I‑A‑71 u II‑347, punt 71). Għalhekk, minkejja li r-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-Artikolu 7, ma jipprevedux espliċitament il-possibbiltà ta’ “assenjazzjoni mill-ġdid” ta’ uffiċjal, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom diskrezzjoni wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom fid-dawl tal-missjonijiet li huma fdati lilhom u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-missjonijiet, tal-persunal li jkunu għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz u b’rispett għall-ekwivalenza ta’ l-impjiegi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 1988, Hecq vs Il-Kummissjoni, 19/87, Ġabra p. 1681, u tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C‑294/95 P, Ġabra p. I‑5863).

136    Fid-dawl tal-portata tad-diskrezzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet sabiex jevalwaw l-interess tas-servizz, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu sempliċement jivverifika jekk l-Awtorità tal-Ħatra żammitx ma’ limiti li ma jistgħux jiġu kkritikati u jekk ma użatx id-diskrezzjoni tagħha b’mod manifestament żbaljat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs L-UASI, T‑223/99, ĠabraSP p. I‑A‑277 u II‑1267, punt 53, u tal-21 ta’ Settembru 2004, Soubies vs Il‑Kummissjoni, T‑325/02, ĠabraSP p. I‑A‑241 u II‑1067, punt 50).

137    Skond ġurisprudenza daqstant ieħor kostanti, għalkemm id-dmir ta’ premura ta’ l-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha jirrifletti l-ekwilibriju ta’ drittijiet u obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku, l-eżiġenzi ta’ dan id-dmir ma jistgħux iżommu lill-Awtorità tal-Ħatra milli tadotta l-miżuri li hija tqis meħtieġa fl-interess tas-servizz peress li l-mili ta’ kull post għandu jkun ibbażat fl-ewwel lok fuq l-interess tas-servizz (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 1993, Turner vs Il-Kummissjoni, T‑80/92, Ġabra p. II‑1465, punt 77, u ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑236/02, ĠabraSP p. I‑A‑365 u II‑1621, punt 129).

138    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u fil-kuntest ta’ l-istħarriġ limitat li huma jassenjaw lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrent ibbażati fuq ksur ta’ l-interess tas-servizz, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ dak tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

139    Fir-rigward ta’ l-ilment li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tad-19 ta’ Novembru 2002 tmur kontra l-interess tas-servizz, għandu jiġi mfakkar, fid-dawl tal-kuntest fattwali ta’ din il-kawża, li l-investigazzjoni interna miftuħa mill-OLAF kienet tikkonċerna l-possibbiltà ta’ irregolaritajiet fi ħdan id-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”, iktar preċiżament fir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi, u li r-rikorrent kellu pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan l-istess Rappreżentanza. Barra minn dan, l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni rriżulta minn rakkomandazzjoni tad-Direttur Ġenerali ta’ l-OLAF intiża sabiex ir-rikorrent, kif ukoll l-assistent tiegħu, jiġu miċħuda kull aċċess għall-uffiċċji tar-Rappreżentanza matul il-perijodu kkunsidrat, sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni.

140    Ġie deċiż li s-serenità u l-iżvolġiment tajjeb ta’ investigazzjonijiet ta’ dan it-tip jistgħu, sakemm ikun magħruf ir-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet, jikkostitwixxu ġustifikazzjoni għal deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il-Kummissjoni, T‑339/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 69, u Caló vs Il‑Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 113).

141    Għalhekk, l-għan tal-miżura kkontestata mir-rikorrent jirrispondi għal interess tas-servizz. Jibqa’ madankollu li jiġi ddeterminat jekk il-mezzi użati sabiex jinkiseb dan l-għan leġittimu ħarsux l-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

142    F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa li għandha l-istituzzjoni sabiex tevalwa l-interess tas-servizz, għandu jiġi kkonstatat li l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent fi Brussell, waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni ta’ l-OLAF fi ħdan ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi, mhuwiex manifestament sproporzjonat meta mqabbel ma’ l-għan tal-miżura, jiġifieri li jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ kunflitt ta’ interess u li jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni. Il-fatt li għażliet oħrajn, jiġifieri li tiġi aċċettata l-proposta tar-rikorrent li joħroġ bil-leave jew li jingħata missjoni, setgħu kienu wkoll konformi ma’ l-interess tas-servizz filwaqt li kienu jirrispettaw iktar l-interessi tar-rikorrent, mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jagħmel sproporzjonata l-imsemmija miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid.

143    Fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent fi Brussell ma kinitx intiża bħala penali iżda kienet tikkostitwixxi miżura preventiva, li t-tul tagħha kienet limitata għal dak ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF fl-uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi.

144    Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, diffikultajiet fir-relazzjonijiet interni jew esterni, meta jikkawżaw tensjonijiet li jkunu ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tas-servizz, jistgħu jiġġustifikaw l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal fl-interess tas-servizz. Tali miżura tista’ tittieħed anki independentement mill-kwistjoni ta’ responsabbiltà għall-inċidenti in kwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1979, List vs Il-Kummissjoni, 124/78, Ġabra p. 2499, punt 13, u Ojha vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). Issa, għandu jiġi kkunsidrat li, jekk l-interess tas-servizz jiġġustifika li uffiċjal jiġi mċaqlaq sabiex jitwaqqaf kunflitt purament intern li jħarbat it-tħaddim tajjeb tas-servizz, u dan mingħajr ma tintwera xi responsabbiltà ta’ l-uffiċjal mogħti assenjazzjoni ġdida, dan l-istess interess jiġġustifika wkoll l-adozzjoni ta’ miżura intiża sabiex investigazzjoni tkun tista’ ssir fis-serenità, u dan dejjem mingħajr ma tiġi attribwita ebda responsabbiltà lill-uffiċjal mogħti assenjazzjoni ġdida, fir-rigward tal-kwistjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ l-investigazzjoni (sentenzi Clotuche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71, u Caló vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109).

145    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-legalità ta’ att individwali għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data ta’ meta ttieħed l-att (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ Ġunju 2003, Del Vaglio vs Il-Kummissjoni, T‑124/01 u T‑320/01, ĠabraSP p. I‑A‑157 u II‑767, punt 77). Għalhekk, l-elementi li l-investigazzjoni rrivelat wara li ttieħdet id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u li pprovaw li r-rikorrent ma kellux x’jaqsam mal-kwistjoni ma jistgħux jaffettwaw il-legalità ta’ l-imsemmija deċiżjoni, in kwantu s-suġġett stess ta’ l-investigazzjoni kif ukoll tal-miżuri meħuda sabiex jiżguraw is-serenità u l-iżvolġiment tajjeb tagħha kien li jiġi ddeterminat jekk is-suspetti inizjali kinux fondati.

146    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mil-limiti tad-diskrezzjoni wiesgħa li hija għandha fis-suġġett meta kkunsidrat li s-serenità u l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF u, b’mod partikolari, ta’ l-interrogatorji tal-membri tal-persunal tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi, ikunu iktar żgurati jekk ir-rikorrent ma jżommx il-funzjonijiet tiegħu matul din l-investigazzjoni fi ħdan l-imsemmija Rappreżentanza. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni kkonstatat li s-sitwazzjoni preeżistenti setgħet tkun ta’ dannu għall-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni magħmula mill-OLAF, hija kellha dritt tqis, b’applikazzjoni tad-diskrezzjoni wiesgħa tagħha, li l-interess tas-servizz kien jiġġustifika l-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ April 2002, Fronia vs Il-Kummissjoni, T‑51/01, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑187, punt 55, Clotuche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76, u Caló vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 114).

147    L-ilmenti li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kontenzjuża tikser l-interess tas-servizz, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u dak tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza huma infondati.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura meta r-rikorrent ġie stabbilit mill-ġdid fil-funzjonijiet tiegħu f’Pariġi

148    Fir-rigward ta’ l-aġir mhux ta’ natura ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-modi ta’ l-istabbiliment mill-ġdid tar-rikorrent fil-funzjonijiet tiegħu fir-Rappreżentanza f’Pariġi, għandu jiġi kkonstatat li kien permezz ta’ l-istampa li huwa, fil-bidu, sar jaf bit-tneħħija tal-miżura preventiva ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li huwa kien is-suġġett tagħha. Fil-fatt, il-fatt li ma kien hemm xejn li jimpedixxi t-tneħħija ta’ l-imsemmija miżura ġie mħabbar pubblikament waqt konferenza stampa mogħtija minn F., bħala kelliemi tal-Kummissjoni, fl-20 ta’ Diċembru 2002, qabel ma dan ġie kkomunikat individwalment lir-rikorrent fis-6 ta’ Jannar 2003, waqt laqgħa li saret bejnu u F., din id-darba bħala Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni”. Sadanittant, l-istampa Franċiża kienet irrapportat it-tneħħija ta’ din il-miżura preventiva. Id-deċiżjoni li r-rikorrent jiġi assenjat mill-ġdid fil-funzjonijiet tiegħu fir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi ma ġietx iffirmata mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Stampa u Komunikazzjoni” qabel l-20 ta’ Jannar 2003, b’effett retroattiv għad-19 ta’ Diċembru 2002. Il-ġustifikazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni ssostni li għar-rikorrent kien biżżejjed li jaqra l-ġurnali sabiex ikun jaf li ma kien hemm xejn li jimpedixxi t-tneħħija mill-Awtorità tal-Ħatra tal-miżura preventiva li tagħha kien is-suġġett.

149    Meta aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma rrispettatx l-interess leġittimu tar-rikorrent li jkun informat direttament mill-Awtorità tal-Ħatra, u mhux permezz ta’ l-istampa, bi żvilupp deċiżiv tas-sitwazzjoni professjonali tiegħu. Għalhekk, dan l-aġir ma rrispettax l-ekwilibriju ta’ drittijiet u obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku u, għalhekk, jikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ premura tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrent.

150    Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ f’dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura meta r-rikorrent ġie stabbilit mill-ġdid fil-funzjonijiet tiegħu f’Pariġi u għandu jiġi miċħud bħala infondat għall-kumplament.

c)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett tal-kunfidenzjalità ta’ l-investigazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

151    Ir-rikorrent jikkunsidra li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF u tat pubbliċità mhux xierqa lill-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu permezz ta’ l-istqarrija għall-istampa tagħha tal-21 ta’ Novembru 2002 u d-dikjarazzjonijiet tal-kelliemi tagħha waqt il-konferenza stampa ta’ l-istess ġurnata. Huwa jsostni, barra minn dan, li dan il-kelliemi, waqt din l-istess konferenza stampa, għamel kummenti pubbliċi ta’ natura li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tiegħu.

152    Skond ir-rikorrent, l-istqarrija għall-istampa tal-21 ta’ Novembru 2002, imxandra lil diversi mijiet ta’ ġurnalisti, kienet mingħajr preċedent u permezz tagħha d-destinatarji setgħu jidentifikaw b’mod malajr ħafna l-uffiċjali kkonċernati, fid-dawl tal-prominenza tal-post tagħhom. Dan ix-xandir inabitwali lill-medja kiser il-prinċipju tal-kunfidenzjalità ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF, previst mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1073/1999.

153    Ir-rikorrent isostni wkoll li l-kelliemi tal-Kummissjoni, meta, waqt il-konferenza stampa tal-21 ta’ Novembru 2002, afferma b’mod żbaljat li l-amministrazzjoni tas-sussidji kontenzjużi tal-Maisons de l’Europe kienet tiddependi mir-Rappreżentazzjonijiet, xandar dikjarazzjoni kalunjuża u libelluża, li timplika r-responsabbiltà jew il-kompliċità tiegħu, bħala Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi, fil-frodi allegati.

154    Skond ir-rikorrent, din l-informazzjoni differenti wasslet għall-pubblikazzjoni fil-ġurnal Le Monde tat-23 ta’ Novembru 2002 ta’ artiklu devastanti fil-konfront tiegħu.

155    Il-Kummissjoni tikkontesta li kisret il-prinċipju ta’ kunfidenzjaltà ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF u ssostni li r-rappreżentanti tagħha qatt ma xandru l-isem tar-rikorrent, iżda li kienu xi ġurnalisti li ħadu din l-inizjattiva. Hija tippreċiża li l-istqarrija għall-istampa tal-21 ta’ Novembru 2002 ġiet ippubblikata b’mod partikolari fl-interess tar-rikorrent, sabiex taqta’ fil-qasir il-possibbiltà ta’ spekulazzjonijiet u għidut li setgħu jinħolqu minħabba l-interess li xi ġurnalisti wrew fil-fatti kontenzjużi.

156    Il-Kummissjoni tiċħad, barra minn dan, li kien hemm kummenti ta’ natura li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tar-rikorrent u tippreċiża li l-kelliemi tagħha qatt ma allega b’mod abbużiv, waqt il-konferenza stampa tal-21 ta’ Novembru 2002, li r-rikorrent kien responsabbli mill-ispejjeż kollha minfuqa fi Franza, u, b’mod partikolari, minn dawk relatati mal-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse.

157    B’mod iktar ġenerali, il-Kummissjoni ssostni li r-rappreżentanti tagħha ma jistgħux jinvolvu r-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni meta jesprimu ruħhom fuq fatti pubbliċi li jkunu s-suġġett ta’ domandi, sakemm jagħmlu dan bir-riżervi xierqa kollha, li kien il-każ waqt il-konferenzi stampa ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2002.

158    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrent ibbenefika minn pubbliċità adegwata kemm waqt l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu f’Pariġi kif ukoll wara r-rapport ta’ investigazzjoni finali ta’ l-OLAF, u dan permezz tal-konferenzi stampa ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 u tas-17 ta’ Ġunju 2003.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

159    Fil-kuntest ta’ l-argumenti żviluppati fit-tieni motiv, ir-rikorrent essenzjalment isostni tliet ilmenti bbażati, rispettivament, fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ kunfidenzjalità ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF, fuq in-natura mhux xierqa tal-pubbliċità mogħtija lill-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu u fuq l-eżistenza ta’ kummenti kalunjużi u libellużi fil-konfront tiegħu mill-kelliemi tal-Kummissjoni waqt il-konferenza stampa tal-21 ta’ Novembru 2002. Fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni, barra minn dan, li l-Kummissjoni kisret id-dmir ta’ premura tagħha meta nħareġ ir-rapport ta’ investigazzjoni finali ta’ l-OLAF.

160    Għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ kunfidenzjalità ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF, fuq in-natura mhux xierqa tal-pubbliċità mogħtija lill-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent, kif ukoll dak ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura meta nħareġ ir-rapport finali ta’ l-OLAF, safejn dawn huma konnessi mill-qrib.

–       Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ kunfidenzjalità ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF, fuq in-natura mhux xierqa tal-pubbliċità mogħtija lill-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent u fuq ksur tad-dmir ta’ premura meta nħareġ ir-rapport finali ta’ l-OLAF.

161    L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 jiddefnixxi b’mod wiesa’ regola ta’ kunfidenzjalità ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF. Din ir-regola għandha tiġi interpretata fil-kuntest tagħha u b’mod partikolari fid-dawl tal-Premessa 10 ta’ dan l-istess regolament, li tafferma li l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF għandhom isiru b’rispett sħiħ tal-libertajiet fundamentali. Għalhekk, din ir-regola m’għandhiex tiġi interpretata bħala intiża biss sabiex tħares il-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni bil-għan li tiġi żvelata l-verità, iżda għandha tiġi kkunsidrata bħala li għandha wkoll l-għan li tħares il-preżunzjoni ta’ innoċenza u, għalhekk, ir-reputazzjoni ta’ l-uffiċjali jew tal-membri tal-persunal kkonċernati minn dawn l-investigazzjonijiet.

162    Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li l-iżvolġiment tajjeb ta’ investigazzjoni jista’ jimplika li d-dettalji tagħha jibqgħu kunfidenzjali u li l-eżistenza tagħha stess ma tkunx magħrufa mill-persuni kkonċernati mill-investigazzjonijiet. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/396 jipprevedi għalhekk li uffiċjal jista’ ma jkunx informat li huwa jista’ jkun implikat fil-fatti li fuqhom tkun qed issir l-investigazzjoni, jekk dak ikollu riskju li jagħmel ħsara lil din l-istess investigazzjoni. Minbarra l-protezzjoni speċifika ggarantita mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1073/1999, kemm il-prinċipju ta’ amminstrazzjoni tajba kif ukoll d-dmir ta’ premura, l-istess bħall-ħarsien tal-prerogattivi ta’ investigazzjoni ddelegati lil korp indipendenti bħalma huwa l-OLAF, jiġġustifikaw li l-istituzzjoni li jagħmel parti minnha l-uffiċjal ikkonċernat tuża l-akbar prudenza u moderazzjoni fil-pubbliċità mogħtija lill-allegazzjonijiet jew suspetti ta’ frodi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma iktar u iktar validi, b’mod partikolari, fid-dawl tad-dritt ta’ kull persuna għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, meta ebda konklużjoni ma tkun għadha ntlaħqet mill-investigazzjoni ta’ l-OLAF.

163    Id-dmir ta’ premura jimplika illi, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, meta tagħmel dan, hija tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll l-interess ta’ l-uffiċjal ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 2003, Chawdhry vs Il-Kummissjoni, T‑133/02, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑1617, punt 107, u tat-3 ta’ Marzu 2004, Vainker vs Il-Parlament, T‑48/01, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑197, punt 125).

164    Il-ġurisprudenza tippreċiża li, fil-preżenza ta’ akkużi serji dwar l-integrità ta’ uffiċjal, hija l-amministrazzjoni li għandha tevita pubblikazzjoni ta’ akkużi li ma tkunx strettament meħtieġa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1974, Guillot vs Il-Kummissjoni, 53/72, Ġabra p. 791, punti 3 sa 5). Ġie deċiż ukoll li, skond id-dmir ta’ premura tagħha u skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-istituzzjoni in kwistjoni hija obbligata tevita li uffiċjal ikun is-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet li jistgħu jolqtu l-integrità professjonali tiegħu. Dan għandu l-konsegwenza li, fil-prinċipju, l-amministrazzjoni għandha, minn naħa, tevita li tagħti lill-istampa informazzjoni li tista’ toħloq dannu lill-uffiċjal in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex timpedixxi, fi ħdan l-istituzzjoni, kull forma ta’ tixrid ta’ informazzjoni li jista’ jkollha natura libelluża fil-konfront ta’ l-istess uffiċjal (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il-Kummissjoni, T‑203/95 R, Ġabra p. II‑2919, punt 35).

165    Minħabba f’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji, stabbiliet ruħha kultura ta’ responsabbiltà li tissodisfa b’mod partikolari x-xewqa tal-pubbliku li jkun infurmat u żgurat li l-każijiet ta’ nuqqasijiet u frodi jkunu identifikati u, jekk ikun il-każ, imneħħija u ssanzjonati kif imiss. Din l-eżiġenza għandha l-konsegwenza li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal li għandhom postijiet ta’ responsabbiltà fi ħdan amministrazzjoni bħalma hija l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw li jista’ jkun hemm bżonn ġustifikat li ċerta informazzjoni tiġi kkomunikata lill-pubbliku.

166    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, meta tinbeda investigazzjoni bbażata fuq suspetti ta’ frodi, tista’ tinħoloq ċerta ħsara għar-reputazzjoni, b’mod partikolari jekk din l-investigazzjoni tagħti lok għal pubbliċità barra l-istituzzjoni. Konstatazzjoni, meta tintemm l-investigazzjoni li kienet is-suġġett ta’ din il-pubbliċità, li l-persuna kkonċernata ma kinitx involuta rarament tkun biżżejjed sabiex tagħmel kompletament tajjeb għall-ħsara li tkun saritilha għar-reputazzjoni tagħha. Fil-kuntest tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, id-dannu kkawżat mill-ftuħ u l-iżvolġiment ta’ investigazzjoni tista’ tissewwa biss jekk l-istituzzjoni in kwistjoni tkun wettqet nuqqas li jinvolvi r-responsabbiltà tagħha, irrispettivament minn kemm dan ma jkunx mixtieq fir-rigward ta’ l-individwu li jkun instab li ma kienx involut meta tintemm din l-investigazzjoni. Barra minn dan, safejn, apparti dan id-dannu morali, mill-investigazzjoni tirriżulta marda ikkaġunata mix-xogħol fis-sens ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, din l-aħħar dispożizzjoni tippermetti lill-uffiċjal li jikseb kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, mingħajr ma jkun hemm bżonn li huwa jagħmel il-prova ta’ xi nuqqas min-naħa ta’ l-istituzzjoni.

167    Fid-dawl tal-fatt li jista’ jkun hemm bżonn ġustifikat li tiġi kkomunikata ċerta informazzjoni lill-pubbliku, l-intensità tad-dmir ta’ premura li għandha l-istituzzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha għandha tkun akbar. Dan it-tisħiħ tad-dmir ta’ premura fil-kuntest partikolari ta’ investigazzjoni jidher li huwa iktar u iktar neċessarju f’kuntest fejn il-medja tista’ pubblikament titfa’ dell fuq l-integrità jew ir-reputazzjoni professjonali ta’ individwi, b’tali mod li taggrava b’hekk id-dannu li jkunu diġà ġarrbu dawn ta’ l-aħħar, sal-punt li jagħmluh irreparabbli.

168    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-miżuri ta’ pubbliċità adottati mill-Kummissjoni dwar il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF u l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikkorrent.

169    F’din il-kawża, meta l-Awtorità tal-Ħatra għażlet, fl-eżerċizzju leġittimu tad-diskrezzjoni tagħha, li tassenja mill-ġdid lir-rikorrent fi Brussell waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni, l-istituzzjoni kellha dritt tikkunsidra li l-interess tas-servizz kien jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ informazzjoni tal-pubbliku dwar din l-assenjazzjoni. Fil-fatt, ikkunsidrat, minn naħa, il-fatt li r-rikorrent kien f’kuntatt regolari ma’ l-istampa minħabba l-funzjonijiet tiegħu ta’ Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Pariġi u, min-naħa l-oħra, ta’ l-interess li l-ġurnalisti kienu diġà wrew fis-suspetti ta’ irregolaritajiet fi ħdan il-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse, x’uħud minnhom kienu inevitabbilment jikkonstataw l-assenza tiegħu fi ħdan l-imsemmija Rappreżentanza li kieku ma ngħatat ebda informazzjoni mill-istituzzjoni. Il-konstatazzjoni ta’ din l-assenza ma kinitx tonqos milli toħloq ħafna spekulazzjoni fl-istampa, li setgħet tagħmel ħsara kemm lill-interessi tar-rikorrent kif ukoll lil dawk tal-Kummissjoni.

170    Din it-tneħħija inevitabbli tal-kunfidenzjalità li kienet tikkonċerna mhux biss l-adozzjoni tal-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid iżda wkoll l-identità tar-rikorrent, li kien evidentament wieħed miż-żewġ uffiċjali milquta minn din il-miżura, irriżultat min-natura tal-kariga okkupata minn dan ta’ l-aħħar u mhux mir-rieda tal-Kummissjoni, u minn interess tas-servizz evidenti li tingħata pubbliċità xierqa sabiex ma jkunx hemm għidut ta’ ħsara għaż-żewġ uffiċjali kif ukoll għall-istituzzjoni. Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, la l-iżvelar lill-istampa li kien hemm investigazzjoni ta’ l-OLAF u lanqas l-iżvelar ta’ l-assenjazzjoni mill-ġdid taż-żewġ uffiċjali kkonċernati ma jistgħu jiġi kkunsidrati, fihom infishom, bħala ksur ta’ l-obbligi ta’ kunfidenzjalità li għandhom l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF.

171    Madankollu, jibqa’ li jiġi ddeterminat jekk il-pubbliċità mogħtija f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni baqgħetx fil-limiti ta’ dak li huwa ġġustifikat mill-interess tas-servizz.

172    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni li ngħatat lill-istampa mill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni ta’ l-OLAF ma ħarsitx l-ekwilibriju ġust bejn l-interessi tar-rikorrent u dawk ta’ l-istituzzjoni. Filwaqt li l-għan inizjali tal-Kummissjoni li taqta’ fil-qasir l-għidut u l-ispekulazzjonijiet li ma kinux jonqsu li jinħolqu fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent kien leġittimu, il-pubbliċità mogħtija minnha mill-ftuħ ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF sakemm inħareġ ir-rapport ta’ investigazzjoni finali ta’ l-OLAF tidher li tista’ tiġi kkritikata minn diversi aspetti.

173    Minn naħa, il-fatt li l-Kummissjoni ħadet l-intizjattiva li xxandar l-istqarrija għall-istampa tagħha, minbarra l-istqarrija ppubblikata mill-OLAF li ħabbret il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni, jikkostitwixxi prassi relattivament eċċezzjonali, kif ippreċiżat il-Kummissjoni fis-seduta b’tweġiba għal mistoqsija magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Għalhekk, din l-għażla pjuttost inabitwali, li setgħet biss tiġbed l-attenzjoni fuq il-fatti kontenzjużi, obbligat lill-Kummissjoni li tagħti attenzjoni partikolari lill-interessi tar-rikorrent u li timplementa garanziji speċjali sabiex jitħarsu l-interessi tiegħu.

174    Min-naħa l-oħra, il-formulazzjoni ta’ l-istqarrija għall-istampa mxandra mill-Kummissjoni tagħti x’tifhem li ż-żewġ persuni kkonċernati assenjati mill-ġdid fi Brussell kienu personalment implikati fl-allegati irregolaritajiet li kienu s-suġġett ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF. Minkejja li l-uffiċjali in kwistjoni ma kinux identifikati b’isimhom fl-imsemmija stqarrija għall-istampa, il-kuntest kien jippermetti li jiġu identifikati faċilment minn kull ġurnalista raġjonevolment infurmat. B’hekk, il-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li hija ma identifikatx b’isimhom l-uffiċjali in kwistjoni, jidher mingħajr rilevanza f’dan ir-rigward.

175    Fl-aħħar nett, din l-istqarrija għall-istampa għandha ineżattezza. Fil-fatt, fiha huwa indikat li l-Kummissjoni kienet talbet lill-OLAF sabiex jeżamina l-possibbiltà li jiftaħ investigazzjoni meta, fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-imsemmija stqarrija, jiġifieri l-21 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni kienet taf perfettament li investigazzjoni kienet diġà għaddejja, peress li din bdiet fil-15 ta’ Novembru 2002.

176    Huwa minnu li waqt il-konferenza stampa tal-21 ta’ Novembru 2002, il-kelliemi tal-Kummissjoni kien esprima ruħhu b’ċerti riżervi. Fil-fatt, huwa b’mod partikolari ħa l-prekawzjoni li jenfasizza li ħadd ma kien is-suġġett ta’ akkużi u li d-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid f’dipartiment ieħor fi ħdan l-istess Direttorat Ġenerali kienu ttieħdu sabiex ma jkun hemm ebda kunflitt ta’ interess u sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb ta’ l-investigazzjoni. Madankollu, l-attenzjoni relattiva li biha esprima ruħu l-kelliemi tal-Kummissjoni waqt din il-konferenza stampa ma kinitx biżżejjed sabiex tagħmel tajjeb għad-dannu li sar lir-rikorrent meta ġiet ippubblikata l-istqarrija ta’ l-istampa tal-21 ta’ Novembru 2002, li daħlet fil-kwistjoni ż-żewġ uffiċjali u pprovokat domandi ulterjuri mill-ġurnalisti.

177    Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, ma tat ebda pubbliċità lir-rapport ta’ investitgazzjoni finali ta’ l-OLAF, tas-6 ta’ Mejju 2003, li l-konklużjonijiet tiegħu sabu li r-rikorrent ma kienx involut fir-rigward ta’ l-allegazzjonijiet li kienu wasslu għall-ftuħ ta’ l-investigazzjoni. L-unika pożizzjoni pubblika meħuda mill-Kummissjoni wara dan ir-rapport kienet b’tweġiba għal domanda magħmula minn ġurnalista, fis-17 ta’ Ġunju 2003, waqt il-konferenza stampa regolari miżmuma mill-kelliemi tal-Kummissjoni, li, meta saret din id-domanda, esprima s-simpatija kollha tiegħu, u dik ta’ l-istituzzjoni, fir-rigward tar-rikorrent.

178    Din l-espressjoni ta’ pożizzjoni, li saret relattivament tard, ma tistax titqabbel, la għall-metodi tagħha u lanqas għall-intensità tagħha, mal-pubbliċità li kienet ingħatat lill-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent fil-kuntest tal-ftuħ ta’ l-investigazzjoni. Jeżisti għalhekk żbilanċ nett bejn il-pubbliċità mogħtija lill-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent fil-kuntest tal-ftuħ ta’ l-investigazzjoni u dik mogħtija wara l-ħruġ tar-rapport finali ta’ l-OLAF. Il-pubbliċità qawwija li ngħatat mill-Kummissjoni meta r-rikorrent ġie assenjat mill-ġdid, li kellha effett negattiv evidenti fuq ir-reputazzjoni tar-rikorrent, ma ġietx ibbalanċjata minn ebda azzjoni korrettiva min-naħa tal-Kummissjoni meta l-OLAF ippubblika r-rapport ta’ investigazzjoni finali tiegħu.

179    L-argument imqajjem mill-Kummissjoni, fis-sens li l-konferenza stampa ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002, li fiha l-kelliemi tal-Kummissjoni ħabbar pubblikament t-tneħħija tal-miżura preventativa li kienet suġġett għaliha l-persuna kkonċernata kienet rimedju suffiċjenti għall-ħsara mġarrba mir-rikorrent, ma jistax jegħleb din il-konklużjoni. Fil-fatt, l-investigazzjoni kienet għadha sejra f’din id-data u s-suspetti ta’ frodi, li dwarhom l-istampa kienet ġiet informata mill-istqarrija għall-istampa tal-21 ta’ Novembru 2002, kienu għalhekk għadhom eżistenti. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-aħbar tat-tneħħija tal-miżura preventiva li għaliha kien suġġett ir-rikorrent ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala rimedju adegwat fil-konfront tiegħu.

180    Għalhekk, meta ħadet l-intizjattiva li tippubblika stqarrija għall-istampa li l-kontenut tagħha ħalla x’jifhem li r-rikorrent assenjat mill-ġdid fi Brussell kien personalment implikat f’allegati irregolaritajiet li kienu s-suġġett ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF u meta naqset li tieħu l-miżuri korrettivi ta’ natura tali li jagħmlu tajjeb għall-pubbliċità negattiva anormali li rriżultat mix-xandir ta’ din l-istqarrija għall-istampa, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni b’mod insuffiċjenti l-interessi tar-rikorrent meta mqabbla ma’ l-interessi tagħha stess u ma naqsitx għall-minimu d-dannu li dan ġarrab minħabba l-ftuħ ta’ l-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret id-dmir ta’ premura li għandha fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq li saru kummenti kalunjużi u libellużi

181    Fir-rigward ta’ l-ilment li, meta ddikjara, waqt il-konferenza stampa tal-21 ta’ Novembru 2002, li l-amministrazzjoni tas-sussidji mogħtija mill-Kummissjoni lill-Maisons de l’Europe kienet tiddependi mir-Rappreżentazzjonijiet, il-kelliemi tal-Kummissjoni kien xandar dikjarazzjoni kalunjuża u libelluża, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm tali dikjrarazzjoni hija nieqsa f’ċerti aspetti minn preċiżjoni, dan kien esprima ruħhu b’ċerta attenzjoni, b’mod partikolari meta semma li l-amministrazzjoni ta’ dawn is-sussidji kienet tiddependi minn diversi intervenjenti. Barra minn dan, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu ta’ natura orali, fatt li dan ma jawtorizzax li jintalab l-istess grad ta’ preċiżjoni u ta’ attenzjoni fil-kliem bħall-istqarrijiet bil-miktub. Dawn id-dikjarazzjonijiet m’għandhomx għalhekk il-portata li hija allegata mir-rikorrent.

182    Għalhekk, l-ilment li l-kelliemi tal-Kummissjoni għamel kummenti kalunjużi u libellużi huwa infondat.

d)     Konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-eżistenza ta’ nuqqas tal-Kummissjoni

183    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jasal għalhekk għall-konklużjoni li, minn naħa, meta ma rrispettatx l-interess leġittimu tar-rikorrent li jkun informat direttament mill-Awtorità tal-Ħatra, u mhux permezz ta’ l-istampa, bl-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu għall-funzjonijiet tiegħu f’Pariġi, u, min-naħa l-oħra, meta tat livell għoli ta’ pubbliċità għall-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF mingħajr ma kkumpensat b’mod adegwat id-dannu kkawżat lir-rikorrent minn din il-pubbliċità anormali, il-Kummissjoni kisret d-dmir ta’ premura li hija għandha fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha u wettqet nuqqasijiet amministrattivi li jimplikaw ir-responsabbiltà tagħha.

184    Għalhekk, għandha tiġi eżaminata r-realtà tad-danni allegati u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqasijiet ikkonstatati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u d-dannu mġarrab.

2.     Fuq id-danni

a)     L-argumenti tal-partijiet

185    Skond ir-rikorrent, in-nuqqasijiet imwettqa mill-Kummissjoni kienu kkawżawlu trawma kbira, li wasslet għal stat ta’ dipressjoni profonda u fit-tul, li wasslu fi stat ta’ invalidità mill-l ta’ Mejju 2004. Minħabba dan l-istat ta’ invalidità, huwa ġarrab dannu materjali, li huwa kkostitwit mid-differenza bejn l-ammont tas-salarju bażiku tiegħu u dak tal-pensjoni ta’ invalidità tiegħu, matul il-perijodu mid-data meta bdiet l-invalidità tiegħu sa meta huwa seta’ jkun eliġibbli għall-pensjoni ta’ l-età, jiġifieri perijodu ta’ 55 xahar. Id-dannu materjali tiegħu għalhekk jammonta għal EUR 64 000.

186    Barra minn dan, in-nuqqasijiet tal-Kummissjoni laqtu ħażin ħafna l-unur u r-reputazzjoni tiegħu u ġabu fi tmiem il-karriera tiegħu. Huwa ġarrab ukoll dannu morali, li huwa ħafna akbar miċ-ċaħda ta’ l-Awtorità tal-Ħatra li tirrikonoxxi n-nuqasiijiet imwettqa, u li għandu jiġi llikwidat fl-ammont ta’ EUR 500 000.

187    Fl-istadju tal-proċedura bil-miktub, il-Kummissjoni osservat li d-dannu tar-rikorrent u r-rabta kawżali tiegħu ma’ l-allegati nuqqasijiet ma setgħux jiġu eżaminati qabel ma l-proċedura mibdija skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tkun waslet fit-tmiem tagħha. Hija enfasizzat b’mod partikolari li d-dannu tar-rikorrent għandu jiġi evalwat billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-benefiċċji li huwa rċieva taħt din id-dispożizzjoni, skond is-sentenza Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

188    Fl-osservazzjonijiet tagħha li waslu fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-10 ta’ Novembru 2006 b’faks (il-preżentata ta’ l-oriġinal saret fit-13 ta’ Novembru ta’ wara), li saru wara r-rinunzja tar-rikorrent għall-proċedura li huwa kien ippreżenta skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni tqis li din iċ-ċirkustanza ta’ l-aħħar mhijiex tali li tbiddel il-portata tal-kawża. Hija ssostni li dannu għandu jiġi evalwat oġġettivament u mhuwiex f’idejn il-partijiet. Għalhekk, ir-rikorrent ma jistax, permezz ta’ l-imsemmija rinunzja, iżid il-portata tal-kumpens li jitlob sabiex jikkumpensa d-dannu mġarrab. Hija tindika, barra minn dan, li r-rikorrent għandu kull interess li jerġa’ jibdielu dwar ir-rinunzja u jitlob li terġa’ tinbeda l-proċedura li huwa kien ressaq skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

189    Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod sussidjarju, in-natura eċċessiva tas-somom mitluba mir-rikorrent bħala dannu morali.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

190    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li d-dannu kemm materjali kif ukoll morali li jirriżulta mill-fatti allegati mir-rikorrent iżda li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kkonstatax l-eżistenza tagħhom, b’mod partikolari dawk dwar l-informazzjoni ta’ l-OLAF mill-Kummissjoni dwar l-allegati irregolaritajiet fl-Info-Point Europe ta’ Avignon u d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fi Brussell, ma jistax jiġi kkunsidrat.

191    Għall-bqija, għandha ssir distinzjoni bejn id-dannu materjali u d-dannu morali allegat mir-rikorrent.

 Fuq id-dannu materjali

192    Ir-rikorrent isostni dannu materjali li jikkonsisti f’telf ta’ remunerazzjoni, minħabba li kien fi stat ta’ invalidità, li tirriżulta mill-marda li jbati minnha u li tagħha huwa allega n-natura professjonali meta ressaq proċedura skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

193    Issa, għandu jiġi mfakkar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mhuwiex kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq ir-rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet ta’ servizz ta’ uffiċjal u l-marda li jinvoka. Fil-fatt, l-Artikolu 19 tar-Regoli ta’ Assigurazzjoni jipprevedi li d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ l-oriġini professjonali ta’ marda għandha tittieħed mill-Awtorità tal-Ħatra, abbażi tal-konklużjonijiet magħmula mit-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjonijiet u, fuq talba ta’ l-uffiċjal, wara konsultazzjoni mal-kummissjoni medika prevista fl-Artikolu 23 ta’ l-imsemmija regoli. L-Artikolu 12(1) tar-Regoli ta’ Assigurazzjoni jipprevedi li, f’każ ta’ invalidità permanenti totali ta’ l-uffiċjal li tirriżulta minn inċident jew minn marda ikkaġunata mix-xogħol, huwa għandu jingħata s-somma kapitali prevista fl-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri somma li tammonta għal tmien darbiet is-salarju bażiku annwali ta’ l-uffiċjal, ikkalkolat abbażi tas-salarju ta’ kull xahar mogħti fit-tnax-il xahar qabel l-inċident.

194    Is-sistema stabbilita b’implementazzjoni ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tipprevedi għalhekk kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa f’każ ta’ inċident jew marda ikkaġunata mix-xogħol, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-persuna kkonċernata tipprova xi nuqqas min-naħa ta’ l-istituzzjoni. Il-ġurisprudenza tippreċiża li huwa biss fiċ-ċirkustanzi fejn jirriżulta li s-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal ma tippermettix kumpens xieraq tad-dannu mġarrab li l-uffiċjal għandu dritt jitlob kumpens addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink et vs Il-Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra p. 2801, punt 13, u tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 22; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74, u tal-15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il-Kummissjoni, T‑300/97, ĠabraSP p. I‑A‑259 u II‑1263, punt 95).

195    Minn dan isegwi li t-talbiet tar-rikorrent għall-kumpens għad-dannu materjali allegatament imġarrab minħabba l-marda li jbati minnha u minħabba li jinsab fi stat ta’ invalidità li rriżultat minn din il-marda għandhom jiġu miċħuda.

196    Din il-konklużjoni ma tistax titwaqqa’ miċ-ċirkustanza li r-rikorrent irrinunzja għall-proċedura li huwa ressaq skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-imsemmija rinunzja m’għandha ebda effett fuq l-applikazzjoni tar-regola statutorja li r-rikonoxximent ta’ l-oriġini professjonali ta’ marda huwa fil-kompetenza ta’ l-Awtorità tal-Ħatra.

 Fuq id-dannu morali

197    Ir-rikorrent isostni li n-nuqqasijiet imwettqa mill-Kummissjoni kkawżawlu dannu morali, li jikkonsisti b’mod partikolari fi ħsara fuq l-unur u r-reputazzjoni professjonali tiegħu kif ukoll ħsara fit-tul lis-saħħa tiegħu.

198    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura prevista b’implementazzjoni ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha l-għan li tipprovdi kumpens permezz ta’ somma f’daqqa kemm għad-dannu materjali kif ukoll għad-dannu morali li jirriżulta minn marda ikkaġunata mix-xogħol.

199    Minn dan isegwi li t-talbiet tar-rikorrent għall-kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba l-marda tiegħu u minħabba li jinsab fi stat ta’ invalidità li rriżultat minnha għandhom ukoll jiġu miċħuda.

200    B’mod partikolari, id-dannu kkawżat mill-ksur tal-prinċipju ta’ premura mwettaq mill-Kummissjoni waqt l-istabbiliment mill-ġdid tar-rikorrent fil-funzjonijiet tiegħu f’Pariġi, ikkonstatat fil-punt 163 tal-preżenti sentenza, ma jistax jagħti lok għal kumpens fil-kuntest tal-preżenti rikors għal responsabbiltà. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li tali ksur tal-prinċipju ta’ premura, min-natura tiegħu, seta’ biss joħloq fir-rikorrent sitwazzjoni ta’ stress u ta’ ansjetà, b’tali mod li pprovoka jew aggrava dannu li huwa marbut mal-marda li jbati minnha. Issa, hija l-proċedura prevista b’implementazzjoni ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal li tippermetti, fil-prinċipju, il-kumpens għal dannu ta’ din in-natura.

201    Bil-kontra, l-aspett tad-dannu morali allegat mir-rikorrent, li jikkonsisti fi ħsara fuq l-unur u r-reputazzjoni tiegħu, mhuwiex marbut mal-marda li jbati minnha u, għalhekk, ma jistax jiġi kkumpensat permezz ta’ somma f’daqqa skond l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

202    Għalhekk, għandha tiġi eżaminata r-realtà ta’ dan l-aspett tad-dannu morali li jsostni r-rikorrent.

203    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-pubbliċità li segwiet il-ftuħ ta’ l-investigazzjoni ta’ l-OLAF tat x’tifhem li r-rikorrent kien suspettat li huwa implikat fl-irregolaritajiet u l-frodi li kienu s-suġġett ta’ din l-investigazzjoni. Safejn diversi artikli li dehru fl-istampa Franċiża, li semmew diversi drabi lir-rikorrent b’ismu, kienu rrelataw l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni mal-kuntest iktar ġenerali ta’ suspetti ta’ frodi fi ħdan il-Maison de l’Europe ta’ Avignon u ta’ Vaucluse, ir-rikorrent ġarrab ħsara għall-unur u r-reputazzjoni professjonali tiegħu mhux biss fi ħdan l-istituzzjoni, iżda wkoll b’mod iktar mifrux f’għajnejn il-pubbliku. Dan id-dannu ma ġiex irrimedjat la meta l-Kummissjoni ħabbret it-tneħħija tal-miżura preventiva li kien suġġett għaliha, u lanqas mix-xhieda ta’ simpatija tal-kelliemi tal-Kummissjoni waqt il-konferenza stampa tas-17 ta’ Ġunju 2003.

204    Għalhekk, hija kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jeżamina jekk hemmx rabta kawżali bejn in-nuqqasijiet amministrattivi li ġew ikkonstati minnu u dan l-aspett tad-dannu morali li ġarrab ir-rikorrent.

3.     Fuq ir-rabta kawżali

205    Sabiex jiġi aċċettat li hemm rabta kawżali, ir-rikorrent għandu jġib il-prova ta’ konnessjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn in-nuqqas ta’ l-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1999, Hautem vs BEI, T‑140/97, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑897, punt 85).

206    F’din il-kawża, hija l-pubbliċità li l-Kummissjoni għażlet li tagħti lill-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent fi Brussell, b’mod partikolari permezz ta’ l-istqarrija għall-istampa tal-21 ta’ Novembru 2002, li mhux biss iffaċilitat l-identifikazzjoni tar-rikorrent minn kull ġurnalista raġjonevolment informat iżda wkoll tat x’tifhem li kien implikat fl-irregolaritajiet li kienu s-suġġett ta’ l-investigazzjoni. Din l-inizjattiva kellha bħala konsegwenza diretta u prevedibbli l-pubblikazzjoni fl-istampa Franċiża, b’mod partikolari fl-artiklu tal-ġurnal Le Monde, ta’ suspetti ta’ tbagħbis fil-konfront tar-rikorrent, li kkawżaw ħsara lill-unur u r-reputazzjoni tiegħu li marret lil hinn mid-dannu li inevitabbilment iġarrab uffiċjal li jkun is-suġġett ta’ investigazzjoni ta’ l-OLAF. Din il-ħsara għall-unur u r-reputazzjoni tar-rikorrent ma ġietx ikkumpensata iktar tard mill-Kummissjoni. Din ta’ l-aħħar b’mod partikolari naqset milli tagħti lir-rapport ta’ investigazzjoni finali ta’ l-OLAF, li bih ir-rikorrent instab li ma kellux x’jaqsam ma’ l-allegazzjonijiet li wasslu għall-ftuħ ta’ l-investigazzjoni, pubbliċità paragunabbli ma’ dik li kienet għażlet li tagħti meta saret l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni. Hemm għalhekk konnessjoni diretta u ċerta ta’ kawża u effett bejn in-nuqqasijiet amministrattivi mwettqa mill-istituzzjoni, ikkonstatati fil-punt 183 tal-preżenti sentenza, u l-aspett tad-dannu morali mġarrab mir-rikorrent, li jikkonsisti fi ħsara għall-unur u r-reputazzjoni tiegħu.

207    Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundanata tħallas lir-rikorrent kumpens sabiex jagħmel tajjeb għal dan l-aspett tad-dannu morali li ġarrab minħabba n-nuqqasijiet amministrattivi kkonstatati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jistabbilixxi ex aequo et bono l-ammont ta’ dan il-kumpens bħala EUR 15 000.

 Fuq l-ispejjeż

208    Kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku diġà ddeċieda fis-sentenza tiegħu tas-26 ta’ April 2006, Falcione vs Il-Kummissjoni (F‑16/05, ĠabraSP p. I-A-1-3 u II-A-1-7, punti 77 sa 86), li, sakemm ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet partikolari dwar l-ispejjeż, ikunu għadhom ma daħlux fis-seħħ, għandhom jiġu applikati biss ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

209    Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jaqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, dejjem filwaqt li jiġi kkunsidrat li, skond l-Artikolu 88 ta’ l-istess Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

210    F’din il-kawża, peress li r-rikors intlaqa’ parzjalment, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundanata tħallas lil J.-L. Giraudy is-somma ta’ EUR 15 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnu kkostitwit minn ħsara għar-reputazzjoni u l-unur tiegħu.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi ta’ l-ispejjeż ta’ J.-L. Giraudy.

4)      J.-L. Giraudy għandu jbati terz ta’ l-ispejjeż tiegħu.

Mahoney

Kanninen

Gervasoni

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Mejju 2007.

W. Hakenberg

 

      P. Mahoney

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

A –  Dispożizzjonijiet dwar l-investigazzjonijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-frodi

B –  Dispożizzjonijiet dwar l-assigurazzjoni tar-riskju ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol

C –  Dispożizzjonijiet dwar il-pensjonijiet ta’ invaliditŕ

D –  Dispożizzjonijiet leġiżlattivi ta’ natura ġenerali

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

1.  Fuq in-nuqqas ta’ proċedura prekontenzjuża regolari

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

2.  Fuq in-nuqqas ta’ interess sabiex jaġixxi

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

3.  Fuq in-natura prematura tar-rikors

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

B –  Fuq it-talba għal sospensjoni tal-proċedimenti

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

C –  Fuq il-mertu

1.  Fuq in-nuqqasijiet li bihom hija akkużata l-Kummissjoni

a)  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-inkonsistenza ta’ l-ilmenti magħmula fil-konfront tar-rikorrent u fuq in-nuqqasijiet imwettqa mis-superjuri tiegħu

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

–  Fuq l-informazzjoni ta’ l-OLAF

–  Fuq in-nuqqasijiet li ġew osservati fis-sistema ta’ komunikazzjoni interna tal-Kummissjoni

b)  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura abbużiva u inġustifikata tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fi Brussell

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

–  Fuq l-ilment ta’ motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fi Brussell

–  Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ l-interess tas-servizz, tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ u tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura meta r-rikorrent ġie stabbilit mill-ġdid fil-funzjonijiet tiegħu f’Pariġi

c)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rispett tal-kunfidenzjalitŕ ta’ l-investigazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

–  Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ kunfidenzjalitŕ ta’ l-investigazzjonijiet ta’ l-OLAF, fuq in-natura mhux xierqa tal-pubbliċitŕ mogħtija lill-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent u fuq ksur tad-dmir ta’ premura meta nħareġ ir-rapport finali ta’ l-OLAF.

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq li saru kummenti kalunjużi u libellużi

d)  Konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-eżistenza ta’ nuqqas tal-Kummissjoni

2.  Fuq id-danni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Fuq id-dannu materjali

Fuq id-dannu morali

3.  Fuq ir-rabta kawżali

Fuq l-ispejjeż

It-testi tal-preżenti deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Qrati Komunitarji ċċitati fiha u li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra huma disponibbli fuq is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja: www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.