Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Frar 2009 - Kadi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-85/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Yassin Abdullah Kadi (rappreżentanti: D. Anderson, QC, M. Lester, Barrister, G. Martin, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla r-Regolament Nru 1190/2008, safejn jirrigwarda r-rikorrent;

tikkundanna l-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tar-rikors tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-każ preżenti r-rikorrent jitlob l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1190/2008 tat-28 ta' Novembru 2008 li jemenda għall-101 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban 1, inkwantu r-rikorrent ġie inkluż fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom gew iffriżati skont din id-dispożizzjoni. Ir-Regolament Nru 881/2002 ġie annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi magħquda C-402/05 u C-415/05, Kadi u al Barakaat vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni 2.

Ir-rikorrent iressaq erba' motivi insostenn tat-talbiet tiegħu.

L-ewwel nett, ir-rikorrent iqis li r-regolament ikkontestat ma għandux bażi legali tajba għaliex jidher li emenda r-Regolament 881/2002 mingħajr l-intervent rilevanti tan-Nazzjoni Uniti li, fil-fehma tar-rikorrent, huwa prekundizzjoni għall-emendi ta' dan ir-regolament.

It-tieni nett, ir-rikorrent iħoss li r-regolament ikkontestat jikser id-drittijiet ta' difiża tiegħu, kemm id-dritt għal smigħ xieraq u kemm id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u jonqos milli jagħti rimedju għall-ksur ta' dawn id-drittijiet kif stabbilit mill-Qorti tal-Gustizzja fil-kawżi magħquda C-402/05 u C-415/05. Huwa jkompli jisħaq li r-regolament ikkontestat ma jipprovdi għal ebda proċedura li biha tinforma lir-rikorrent dwar l-evidenza li fuqha d-deċiżjoni li jiffriżawlu l-assi giet ibbażata, jew li tagħtih il-possibbiltà li jikkummenta b'mod siewi fuq din l-evidenza.

It-tielet nett, ir-rikorrent iqis li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi argumenti konvinċenti għaż-żamma tal-iffriżar tal-assi tar-rikorrent, bi ksur tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 253 KE.

Ir-raba' nett, huwa jsostni li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza ċ-ċirkustanzi u l-fatti kollha rilevanti fid-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tadotta r-regolament ikkontestat u għalhekk manifestament żbaljat fl-analiżi tagħha.

Il-ħames nett, ir-rikorrent isostni li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikata u sproporzjonata tad-dritt għal proprjetà li mhux ġustifikata b'evidenza konvinċenti.

____________

1 - ĠU 2008 L 322, p. 25

2 - Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra