Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Frar 2009 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-84/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: L. Ventrella, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-Deċiżjoni tat-8 ta' Diċembru 2008 Nru C(2008) 7820, innotifikata fid-9 ta' Diċembru 2008, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta' Garanzija ta' Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), fil-parti li pprovdiet ċerti korrezzjonijiet fil-konfront tal-Italja.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Gvern Taljan ikkontesta quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 7820 tat-8 ta' Diċembru 2008 li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti spejjeż imġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta' Garanzija ta' Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG).

B'mod partikolari, il-Kummissjoni eskludiet mill-finanzjament min-naħa tat-Taqsima ta' Garanzija tal-FAEGG, diversi kategoriji ta' spejjeż magħmula mill-Istat Taljan għas-snin finanzjarji ta' bejn l-2003 u l-2007.

B'mod partikolari, il-kontestazzjoni tirrigwarda tliet punti tad-deċiżjoni:

1) fejn għamlet ċerti korrezzjonijiet finanzjarji ta' darba u speċifiċi relatati mal-azzjonijiet ta' tagħrif u promozzjoni tal-prodotti agrikoli fis-suq intern (Regolament 94/2002/KE) u fil-pajjiżi terzi (Regolament 2879/2000/KE) għas-snin finanzjarji ta' bejn l-2004 u l-2007, għal total ta' EUR 4.678.229,78;

2) fejn għamlet korrezzjonijiet finanzjarji ta' darba fuq l-għajnuna għall-produzzjoni ta' żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-mejda għas-snin finanzjarji ta' bejn l-2003 u l-2006, għal total ta'EUR 105.536.076,42;

3) fejn għamlet korrezzjonijiet finanzjarji għal pagamenti tardivi u eċċediet il-limiti massimi finanzjarji għas-sena 2005 b'EUR 12.020.178 u għas-sena 2006 b'EUR 44.567.569,37.

Fir-rigward tal-ewwel punt, fir-rikors qed jiġi sostnut li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija vizzjata minn ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (Artikolu 253 KE) mill-aspett tan-nuqqas ta' kontradittorju, min-nuqqas ta' investigazzjoni u min-nuqqas ta' motivazzjoni, kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' distorsjoni tal-fatti.

Barra minn hekk, fil-każ inkwistjoni, billi ma ġiex ikkontestat in-nuqqas totali u l-assoluta ineffiċjenza tal-verifiki, il-Kummissjoni qieset li kellha tapplika korrezzjoni ta' darba ta' 10%, li hija għalkollox sproporzjonata u mhux ġustifikata u għaldaqstant - anki minn dan l-aspett - irrendiet id-deċiżjoni kkontestata kompletament illegali.

Fir-rigward tat-tieni punt, il-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet finanzjarji ta' darba (10% u 5%), li komplessivament jammontaw għal EUR 105.536.076,42, għas-snin finanzjarji 2001-2002 u 2002-2003.

Fir-rikors qed jiġi sostnut, f'dan ir-rigward, li d-deċiżjoni hija vvizzjata minn ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (Artikolu 253 KE) mill-asppett tan-nuqqas ta' motivazzjoni, kif ukoll minn ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità u tal-Artikoli 26 u 28 tar-Regolament 2366/98 (test oriġinali u test emendat bir-Regolament 1780/03). B'mod partikolari, il-Gvern Taljan isostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni - mingħajr motivazzjoni adegwata - l-elementi ta' spjegazzjoni pprovduti ripetutament mill-awtoritajiet Taljani, b'mod partikolari fir-rigward tal-istruttura ġenerali tas-sistema ta' sanzjoni fl-Italja u fir-rigward tat-twettieq tal-GIS (Sistema ta' Informazzjoni Ġeografika) għall-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ għall-produzzjoni taż-żejt F'kull każ l-ammont ta' darba tas-sanzjoni applikata mill-Kummissjoni mhijiex ġustifikata u manifestament sproporzjonata, peress li, skont il-Gvern Taljan, anki li kieku kellu jiġi pprovat ksur totali tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, ir-riskju xorta waħda ma jeċċedix EUR 22.504.075,39.

Fir-rigward tat-tielet punt, il-Kummissjoni, b'motivazzjoni żbaljata, insuffiċenti u bbażata fuq elementi meqjusa bħala evidenti u li mhuwiex meħtieġ li jiġu pprovati, qieset li ma setgħetx taċċetta l-kunsiderazzjonijiet ġustifikattivi magħmula mill-Istat Taljan matul il-proċedura amministrattiva u quddiem il-Bord għas-soluzzjoni tat-tilwim, "peress li r-riżerva ta' 4% li saret disponibbli permezz tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 296/96 (Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006) jmissha kienet biżżejjed biex isservi għall-proċedimenti ta' rikors, għall-każijiet kontenzjużi u għal verifiki addizzjonali". F'dan ir-rigward, il-Gvern Taljan jenfasizza li l-limitu ta' 4% m'għandux jitqies li hu assolut: billi l-għan tiegħu huwa li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-finanzi tal-Komunità mill-frodi, fil-verità dan jista' jinqabeż kull darba - bħal f'dan il-każ - li jkun hemm raġunijiet motivati ta' probabbiltà ta' riskju ta' frodi ta' iktar minn 4%. Din tidher li hi l-unika interpretazzjoni tad-dispożizzjoni li hi koerenti mal-ħsieb warajha.

____________