Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2023 – Ryanair u Airport Marketing Services vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-1118/23)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda), Airport Marketing Services Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. Vahida u S. Rating, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1683 tas-26 ta’ Lulju 2022 dwar il-miżura SA.26494 2012/C (ex 2012/NN) implimentata minn Franza favur l-operatur tal-ajruport ta’ La Rochelle u ċerti linji tal-ajru li joperaw f’dak l-ajruport (ĠU 2023, L 217, p. 5) sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tar-rikorrenti bħala persuni ppreġudikati, id-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball tal-Kummissjoni meta qieset lir-rikorrenti bħala benefiċjarji indiretti tal-għajnuna lill-ajruport.

It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tevalwa, b’mod globali u konkret, jekk l-ajruport kienx fittex li jakkwista s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kkonċernati taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball tal-Kummissjoni li ċaħdet l-analiżi komparattiva.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-analiżi ta’ profittabbiltà inkrementali difettuża tal-Kummissjoni.

Is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li l-Kummissjoni bi żball imputat il-konklużjoni tal-ftehimiet tas-servizzi tal-ajruport u l-ftehimiet tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni lill-Istat.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ Kummissjoni li teżamina n-natura selettiva ta’ diversi ftehimiet.

____________