Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Diċembru 2023 – AS et vs SEAE

(Kawża T-1160/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: AS u 28 rikorrent ieħor (rappreżentant: A. Tymen, avukata)

Konvenut: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi tas-SEAE tal-21 ta’ Diċembru 2022, bir-referenza ADMIN(2022)76, li tiffissa l-allowance għall-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-2023 għall-Ġordan għal 10 %;

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tas-SEAE tas-7 ta’ Settembru 2023, bir-referenza Ares(2023)6075736, li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegazzjoni tal-irregolarità tal-proċedura segwita fil-proċess tal-iffissar tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-ħajja għall-2023, tal-ksur tal-linji gwida li jistabbilixxu l-metodoloġija għall-istabbiliment tal-allowances tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-għoti ta’ leave tal-mistrieħ u tal-ksur tad-dmir ta’ premura.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, minħabba li l-parametri “sigurtà”, “ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet”, “klima”, “livell ta’ iżolament” u “kundizzjonijiet tal-ħajja oħra” kienu sottovalutati waqt l-għoti tal-punteġġ imsemmi fl-Artikolu 1(2) tal-linji gwida msemmija iktar ’il fuq.

____________