Language of document : ECLI:EU:T:2010:454

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

27 ta’ Ottubru 2010

Kawża T-65/09 P

Enzo Reali

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Klassifikazzjoni fi grad — Esperjenza professjonali — Diploma — Ekwivalenza”

Suġġett: Appell mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), fil-11 ta’ Diċembru 2008, Reali vs Il-Kummissjoni, (F-136/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑451 u II‑A‑1‑2495), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. E. Reali għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament — Motivi — Nuqqas ta’ kompetenza tal-istituzzjoni awtriċi tal-att ikkontestat — Eżami ex officio mill-qorti

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Klassifikazzjoni

1.      Motivi bbażati fuq il-legalità esterna ta’ att jew eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà jistgħu jitqajmu ex officio mill-qorti, b’tali mod li kontestazzjoni li tirrigwarda l-kompetenza tal-awtur tal-att għandha titqajjem ex officio mill-qorti anki meta ebda waħda mill-partijiet ma tkun talbitha sabiex tagħmel dan.

(ara l-punt 43)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Mejju 1960, Il-Ġermanja vs L-Awtorità Għolja, C‑19/58, Ġabra p. 469, 488; Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑210/98 P, Ġabra p. I‑5843, punt 56

2.      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat .

F’dan id-dawl, fir-rigward ta’ rikorrent li kiseb diploma ta’ “Laurea”, wara erba’ snin ta’ studju, qabel l-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ diplomi b’riżultat tad-dikjarazzjoni ta’ Bologna, minkejja l-għoti tat-titolu ta’ “Dottore magistrale” lid-detenturi ta’ tali “Laurea”, l-istess bħal fil-każ tad-detenturi ta’ “Master” miksub wara l-introduzzjoni tal-imsemmija sistema, is-sitwazzjoni ta’ tali rikorrent u ta’ persuna li kisbet tali “Master” ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala identiċi peress li l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ dawn id-diplomi, b’mod partikolari t-tul ta’ żmien neċessarju sabiex jinkisbu, huma differenti. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat b’mod validu li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, dan ir-rikorrent kien kiseb żewġ diplomi, “Licence” u “Master”, sa fejn din id-diploma tal-aħħar għandha tiġi kkunsidrata bħala sena ta’ esperjenza professjonali.

(ara l-punti 62 u 64)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 12 ta’ Diċembru 2006, Werners vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑373/94, Ġabra p. II‑4631, punt 98, u l-ġurisprudenza ċċitata.