Language of document : ECLI:EU:T:2014:867

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

10 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-ħġieġ tal-vetturi — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ftehimiet ta’ qsim ta’ swieq u ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Ksur uniku u kontinwat — Parteċipazzjoni fil-ksur”

Fil-Kawża T‑68/09,

Soliver NV, stabbilita f’Roulers (il-Belġju), irrappreżentata minn H. Gilliams, J. Bocken u T. Baumé, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, M. Kellerbauer u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6815 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 863 finali, tal-11 ta’ Frar 2009, sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti u, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa lilha imposta minn din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood (Relatur), President, F. Dehousse u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6815 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 863 finali, tal-11 ta’ Frar 2009 (li sunt tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 173, p. 13) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat b’mod partikolari li ċertu numru ta’ impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw, f’perijodi varji bejn Marzu 1998 u Marzu 2003, f’sensiela ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma antikompetittivi fis-settur tal-ħġieġ tal-vetturi fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Ir-rikorrenti, Soliver NV, hija produttriċi ta’ ħġieg ta’ daqs żgħir, attiva b’mod partikolari fis-settur tal-vetturi. Saint-Gobain Glass France SA, Saint-Gobain Sekurit Deutschland GmbH & Co. KG u Saint-Gobain Sekurit France SAS (iktar ’il quddiem, flimkien, “Saint-Gobain”), li wkoll ressqu rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑56/09), huma kumpanniji attivi fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ materjali, fosthom il-ħġieġ tal-vetturi. Huma sussidjarji 100 % ta’ Compagnie de Saint-Gobain SA (iktar ’il quddiem “Compagnie”), li wkoll tfittex l-annullament ta’ din l-istess deċiżjoni (Kawża T‑73/09). Pilkington Group Ltd tiġbor fiha b’mod partikolari l-kumpanniji Pilkington Automotive Ltd, Pilkington Automotive Deutschland GmbH, Pilkington Holding GmbH u Pilkington Italia SpA (iktar ’il quddiem, flimkien, “Pilkington”). Pilkington, li wkoll ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑72/09), hija waħda mill-ikbar produtturi fid-dinja tal-ħġieġ u ta’ prodotti għat-twieqi, b’mod partikolari fis-settur tal-vetturi.

3        Asahi Glass Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Asahi”) hija produttriċi tal-ħġieġ, ta’ prodotti kimiċi u ta’ komponenti elettroniċi, stabbilita fil-Ġappun. Asahi hija l-proprjetarja tal-ishma kollha tal-impriża Belġjana li tipproduċi l-ħġieġ Glaverbel SA/NV (iktar ’il quddiem “Glaverbel”), din tal-aħħar hija l-proprjetarja 100 % ta’ AGC Automotive France (iktar ’il quddiem “AGC” jew “AGC/Splintex”). AGC kellha, qabel l-1 ta’ Jannar 2004, l-isem Splintex Europe SA (iktar ’il quddiem “Splintex” jew “AGC/Splintex”). Asahi, li hija waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ma ppreżentatx rikors kontra din tal-aħħar.

4        L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata nbdiet sussegwentement għall-komunikazzjoni lill-Kummissjoni, minn avukat Ġermaniż li kien qed jaġixxi għan-nom ta’ klijent anonimu, ta’ ittri li jinkludu informazzjoni li tirrigwarda ftehimiet u prattiki miftiehma min-naħa ta’ diversi impriżi attivi fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ħġieġ tal-vetturi.

5        Fi Frar u f’Marzu 2005, il-Kummissjoni pproċediet bi spezzjonijiet fil-bini tar-rikorrenti kif ukoll f’dawk ta’ Saint-Gobain, Compagnie, Pilkington u AGC. Il-Kummissjoni ssekwestrat numru ta’ dokumenti u ta’ fajls f’dawn l-ispezzjonijiet.

6        Sussegwentement għal dan, Asahi u Glaverbel kif ukoll is-sussidjarji tagħhom ikkonċernati mill-investigazzjoni (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“applikanti għal klemenza”) ippreżentaw talba għal immunità jew ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155). It-talba għal immunità kundizzjonali ta’ multa ġiet miċħuda mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2006, minkejja li din tal-aħħar informat lill-applikanti għal klemenza li kellha tapplikalhom tnaqqis ta’ bejn 30 u 50 % tal-ammont tal-multa li normalment kien jiġi impost fuqhom, u dan b’mod konformi mal-punt 26 tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji].

7        Bejn is-26 ta’ Jannar 2006 u t-2 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni ressqet diversi talbiet għal informazzjoni lir-rikorrenti kif ukoll lil Saint-Gobain, Compagnie, Pilkington, Asahi, Glaverbel u AGC, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). L-impriżi kkonċernati rrispondew għal dawn it-talbiet varji.

8        Min-naħa l-oħra, fuq l-istess bażi, il-Kummissjoni indirizzat talbiet għal informazzjoni lil produtturi varji tal-vetturi, lil produttur Taljan ta’ kowċis kif ukoll lil żewġ assoċjazzjonijiet professjonali tal-industrija tal-ħġieġ, li lkoll irrispondewha.

9        Fit-18 ta’ April 2007, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar ksur uniku u kontinwat li kkonsista fi ftehimiet jew prattiki miftiehma bejn produtturi tal-ħġieġ tal-vetturi, bil-għan tat-tqassim ta’ kuntratti għal provvista lil produtturi tal-vetturi. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet innotifikata lir-rikorrenti kif ukoll lil Saint-Gobain, Compagnie, Pilkington, Asahi, Glaverbel u AGC. Kull waħda mill-impriżi destinatarji ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha aċċess għall-fajl u ġiet mistiedna mill-Kummissjoni sabiex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Fl-24 ta’ Settembru 2007, seħħet seduta għand il-Kummissjoni, li fiha pparteċipaw l-imsemmija destinatarji kollha.

 Id-deċiżjoni kkontestata

10      Fit-12 ta’ Novembru 2008 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-impriża kienet ipparteċipat fil-ksur mid-19 ta’ Novembru 2001 sal-11 ta’ Marzu 2003 [Artikolu 1(d) tad-deċiżjoni kkontestata]. Hija imponiet fuqha multa ta’ EUR 4 396 000 [Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata].

11      F’dak li jirrigwarda Saint-Gobain u Compagnie, il-Kummissjoni kkonstatat li kienu pparteċipaw fi ftehimiet u fi prattiki miftiehma, imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq, mill-10 ta’ Marzu 1998 sal-11 ta’ Marzu 2003 [Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata] u imponiet fuqhom “in solidum” multa ta’ EUR 896 miljun [Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata].

12      Asahi kif ukoll is-sussidjarji tagħha attivi fis-settur tal-ħġieġ tal-vetturi, li nstabu li pparteċipaw fil-ksur fil-perijodu bejn it-18 ta’ Mejju 1998 u l-11 ta’ Marzu 2003, ġew ikkundannati “in solidum” għal multa ta’ EUR 113.5 miljun [Artikolu 1(a) u Artikolu 2(a) tad-deċiżjoni kkontestata].

13      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ Pilkington, il-Kummissjoni ddeċidiet li din l-impriża kienet ipparteċipat fil-ftehimiet u fil-prattiki miftiehma kkontestati mill-10 ta’ Marzu 1998 sat-3 ta’ Settembru 2002 [Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata]. Hija imponiet fuqha multa ta’ EUR 370 miljun [Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata].

14      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni telqet mill-punt li l-karatteristiċi tas-suq tal-ħġieġ tal-vetturi, jiġifieri b’mod partikolari tar-rekwiżiti tekniċi importanti kif ukoll ta’ livell għoli ta’ innovazzjoni, jiffavorixxu lill-provvisti integrati u ta’ skala internazzjonali. AGC, Pilkington u Saint-Gobain kienu fost il-produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi fuq skala mondjali u flimkien kienu jkopru, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, madwar 76 % tad-domanda mondjali tal-ħġieġ destinata għas-suq tal-ewwel twaħħil (twaħħil tal-ħġieġ tal-vetturi fil-fabbrika, fil-mument tal-immuntar tal-vettura). Il-Kummissjoni tosserva wkoll volum sinjifikattiv ta’ skambji bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jifformaw parti miż-ŻEE fis-settur tal-ħġieġ tal-vetturi. Il-produtturi tal-vetturi barra minn hekk jinnegozjaw il-kuntratti ta’ xiri għall-provvista ta’ ħġieġ tal-vetturi fil-livell taż-ŻEE.

15      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-provvisti tal-ħġieġ tal-vetturi previsti mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni segwew b’mod kontinwu l-ishma tagħhom rispettivi tas-suq fil-perijodu tal-ksur, mhux biss “skont il-vettura”, jiġifieri fir-rigward tal-ammont tal-bejgħ skont il-mudell tal-vettura, iżda wkoll globalment, tal-vetturi kollha f’daqqa.

16      Pilkington, Saint-Gobain u AGC (jew AGC/Splintex) (iktar ’il quddiem il-“klabb”) kienu, f’dan ir-rigward, ipparteċipaw f’laqgħat trilaterali, xi kultant imsejħa “laqgħat tal-klabb”. Dawn il-laqgħat, organizzati b’rotazzjoni minn kull waħda minn dawn l-impriżi, seħħew f’lukandi fi bliet differenti fl-Ewropa, f’residenzi privati li jappartjenu lil impjegati ta’ dawn l-impriżi kif ukoll fil-bini tal-association professionnelle Groupement européen de producteurs de verre plat (GEPVP) (Assoċjazzjoni professjonali tal-Grupp Ewropew ta’ produtturi tal-ħġieġ ċatt) u f’dawk tal-Associazione nazionale degli industriali del vetro (Assovetro) (Assoċjazzjoni nazzjonali tal-industriji tal-ħġieġ).

17      Laqgħat jew kuntatti bilaterali ġew organizzati wkoll bejn dawn il-kompetituri, bil-għan li jiddiskutu l-provvista ta’ ħġieġ tal-vetturi għall-mudelli prodotti preżentement u bi preparazzjoni tal-provvista għall-mudelli futuri. Dawn il-varji kuntatti jew laqgħat irrigwardaw l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-partijiet mis-suq, it-tqassim tal-kunsinni ta’ ħġieġ tal-vetturi lill-produtturi u l-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni oħra li hija kummerċjalment sensittiva u l-koordinazzjoni tal-istrateġiji ta’ dawn il-kompetituri differenti fil-qasam tal-iffissar tal-prezzijiet u ta’ provvista tal-klijenti.

18      L-ewwel waħda minn dawn il-laqgħat bilaterali, li fiha pparteċipaw Saint-Gobain u Pilkington, seħħet fl-10 ta’ Marzu 1998 fil-lukanda Hyatt Regency tal-ajruport Charles-de-Gaulle f’Pariġi (Franza). L-ewwel laqgħa trilaterali seħħet fir-rebbiegħa tal-1998 f’Königswinter (il-Ġermanja), fir-residenza privata tal-persuna responsabbli mill-klijenti l-kbar ta’ Splintex (AGC) f’dak iż-żmien. Dawn il-laqgħat kienu ppreċeduti minn kuntatti esploratorji bejn Saint-Gobain u Pilkington, mill-1997, fejn l-għan tagħhom kien l-armonizzazzjoni teknika tal-produzzjoni ta’ twieqi oskuri (tinted) prodotti minn dawn l-impriżi, fir-rigward tal-kulur, tal-ħxuna u tat-trażmissjoni tad-dawl. Il-Kummissjoni madankollu ma inkludietx dawn il-kuntatti fl-akkordju kontenzjuż, peress li huma kienu jirrigwardaw essenzjalment, skont din, stadju avvanzat fil-linja ta’ produzzjoni tal-ħġieġ ċatt, qabel ma jiġi pproċessat fi ħġieġ tal-vetturi.

19      Il-Kummissjoni identifikat fid-deċiżjoni kkontestata bejn wieħed u ieħor 90 laqgħa u kuntatti bejn ir-rebbiegħa tal-1998 u x-xahar ta’ Marzu 2003. L-aħħar kuntatt trilaterali li kienet ħadet sehem fih ir-rikorrenti kien seħħ fil-21 ta’ Jannar 2003, u b’hekk l-aħħar laqgħa bilaterali seħħet fit-tieni nofs tax-xahar ta’ Marzu 2003, bejn Saint-Gobain u AGC. Il-parteċipanti użaw abbrevjazzjonijiet jew ismijiet b’kodiċi sabiex jidentifikaw ruħhom f’dawn il-laqgħat u kuntatti.

20      Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju bdiet fid-19 ta’ Novembru 2001. Ir-rikorrenti ġiet ikkuntattjata minn Saint-Gobain mis-sena 2000 sabiex tipparteċipa fl-akkordju kontenzjuż. Il-parteċipanti inizjali fl-akkordju, f’dan il-każ Saint-Gobain, Pilkington u AGC, użaw, għal dan il-għan, id-dipendenza tar-rikorrenti lejn il-produtturi tal-materja prima, peress li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni tipproduċi l-ħġieġ ċatt b’mod awtonomu.

21      Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-pjan ġenerali tal-akkordju jikkonsisti fi tqassim tal-kunsinni tal-ħġieġ tal-vetturi bejn il-parteċipanti għall-akkordju, kemm f’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ provvista eżistenti kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-kuntratti ġodda. Dan il-pjan kellu l-għan li jiggarantixxi l-istabbiltà tal-partijiet mis-suq ta’ dawn il-parteċipanti. Sabiex jilħqu dan l-għan, il-parteċipanti, fil-laqgħat u fil-kuntatti previsti fil-punti 16 sa 20 iktar ’il fuq, kienu skambjaw informazzjoni fuq il-prezzijiet kif ukoll data oħra sensittivi u kkoordinaw il-politika tagħhom tal-iffissar tal-prezzijiet u ta’ provvista lill-klijenti. B’mod partikolari, sar ftehim fuq ir-risposti li għandhom jingħataw għat-talbiet ta’ offerti ta’ prezzijiet mill-produtturi tal-vetturi, b’mod li tiġi influwenzata l-għażla minn dawn tal-aħħar ta’ fornitur tal-ħġieġ, saħansitra ta’ ħafna fosthom f’każ ta’ provvista multipla. Il-parteċipanti kellhom, f’dan ir-rigward, żewġ mezzi sabiex jiffavorixxu l-għoti ta’ kutratt ta’ provvista lill-produttur li sar qbil dwaru, jiġifieri jew li ma ssirlu l-ebda offerta, jew li ssirlu offerta ta’ kopertura, jiġifieri offerta li tinkludi prezzijiet ogħla minn dawk tal-imsemmi produttur. Miżuri korrettivi, fil-forma ta’ kumpens mogħtija lil parteċipant wieħed jew varji parteċipanti, kienu ġew deċiżi, jekk neċessarju, sabiex jiġi ggarantit li s-sitwazzjoni globali tal-offerta fil-livell taż-ŻEE tibqa’ konformi mat-tqassim miftiehem. Meta miżuri korrettivi kellhom jaffettwaw kuntratti ta’ provvista kurrenti, il-proċess użat mill-kompetituri sabiex jaġġustaw il-partijiet mis-suq kien jikkonsisti f’li l-produtturi tal-vetturi jiġu avżati dwar il-problema teknika jew skarsezza ta’ materja prima li jaffettwaw il-kunsinna tal-partijiet ordnati u li jissuġġerixxu lil din tagħmel talba lil fornitur sostitut.

22      Sabiex jinżamm it-tqassim tal-kuntratti kif sar qbil dwarhom, il-parteċipanti għall-akkordju kienu barra minn hekk ftiehmu, f’ħafna okkażjonijiet, dwar tnaqqis fil-prezzijiet li għandu jingħata lill-produtturi tal-vetturi abbażi tat-titjib fil-produttività miksub, saħansitra fuq żidiet eventwali fil-prezzijiet applikati għal mudelli ta’ vetturi li l-livell ta’ produzzjoni tagħhom ikun iktar baxx mill-previżjonijiet. Huma kienu wkoll ftiehmu, li jekk kien meħtieġ, jillimitaw l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż reali tagħhom ta’ produzzjoni lill-produtturi tal-vetturi, sabiex jevitaw talbiet frekwenti wisq ta’ tnaqqis tal-prezzijiet minn dawn imsemmija l-aħħar.

23      Il-ftehim li għandu bħala għan l-istabbiltà tal-partijiet mis-suq sar possibbli, b’mod partikolari, permezz tat-trasparenza tas-suq tal-provvista tal-ħġieġ tal-vetturi. L-evoluzzjoni tal-partijiet mis-suq ġiet ikkalkolata fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tal-previżjonijiet ta’ bejgħ, billi jiġu kkunsidrati l-kuntratti ta’ provvista eżistenti.

24      Il-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-applikanti għal klemenza kkonfermaw li l-iktar tard mis-sena 1998 rappreżentanti ta’ Splintex ipparteċipaw, ma’ ċerti kompetituri, f’attivitajiet illeċiti mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-assenza ta’ kontestazzjoni, minn Saint-Gobain, tal-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellha tiġi interpretata bħala approvazzjoni, minn din l-impriża, tad-deskrizzjoni li saret mill-Kummissjoni tal-kontenut tal-laqgħat u tal-kuntatti kontenzjużi.

25      Fl-aħħar nett, Pilkington, Saint-Gobain u AGC ftiehmu, f’laqgħa li seħħet fis-6 ta’ Diċembru 2001, fuq metodu ġdid ta’ kalkolu għall-finijiet tat-tqassim u tal-għoti mill-ġdid ta’ kuntratti ta’ provvista.

26      Huwa fuq il-bażi ta’ din il-ġabra ta’ indizji li l-Kummissjoni kkunsidrat lir-rikorrenti kif ukoll lil Saint-Gobain, Compagnie, Pilkington, u l-applikanti għal klemenza responsabbli ta’ ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

27      L-arranġamenti konklużi bejn dawn il-partijiet jammontaw, skont il-Kummissjoni, għal ftehimiet jew għal prattiki miftiehma fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li xekklu l-kompetizzjoni fis-suq tal-provvista ta’ ħġieġ tal-vetturi. Din il-kollużoni kienet unika u kontinwata peress li l-parteċipanti għall-akkordju esprimew il-volontà komuni tagħhom li jaġixxu b’mod partikolari fis-suq u adottaw pjan komuni intiż li jillimita l-awtonomija kummerċjali individwali tagħhom billi jaqsmu l-kunsinni ta’ ħġieġ tal-vetturi destinati għal vetturi tal-passiġġieri u għall-vetturi kummerċjali ħfief kif ukoll billi jgħawwġu l-prezzijiet ta’ dawn it-twieqi bil-għan li jiżguraw stabbiltà globali fis-suq u li jżommu prezzijiet artifiċjalment għolja. Il-frekwenza u l-karattru mhux interrott ta’ dawn il-laqgħat u ta’ dawn il-kuntatti, fuq perijodu ta’ ħames snin, kellhom bħala riżultat li l-produtturi kollha kbar li jipproduċu vetturi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief fiż-ŻEE kienu koperti mill-akkordju.

28      Il-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, ikkunsidrat li xejn ma kien jindika li l-ftehimiet u l-prattiki miftiehma bejn il-fornituri tal-ħġieġ tal-vetturi wasslu għal kisba ta’ iktar effiċjenza jew iffaċilitaw il-progress tekniku jew ekonomiku fis-settur tal-ħġieġ tal-vetturi, ta’ natura li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE.

29      Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat mid-19 ta’ Novembru 2001 sal-11 ta’ Marzu 2003. Saint-Gobain u Compagnie kienu min-naħa tagħhom ipparteċipaw mill-10 ta’ Marzu 1998 sal-11 ta’ Marzu 2003. Il-parteċipazzjoni ta’ Pilkington ġiet evalwata għall-perijodu mill-10 ta’ Marzu 1998 sat-3 ta’ Settembru 2002.

30      Fir-rigward tal-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni l-ewwel nett stabbilixxiet il-valur tal-bejgħ tal-ħġieġ tal-vetturi li nkiseb minn kull impriża li pparteċipat fi ħdan iż-ŻEE b’rabta diretta jew indiretta mal-ksur. Hija għamlet distinzjoni, għal dan il-għan, bejn bosta perijodi. Għall-perijodu li beda minn Marzu 1998 u li spiċċa fit-30 ta’ Ġunju 2000, ikklassifikat bħala l-perijodu taż-“żieda”, hija kkunsidrat li kellha provi tal-ksur biss għall-parti mill-produtturi Ewropej tal-vetturi. Il-Kummissjoni b’hekk ikkunsidrat biss, f’dak li jirrigwarda dan il-perijodu, il-bejgħ tal-ħġieġ tal-vetturi lill-produtturi li għalihom hija kellha provi diretti tal-akkordju. Għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2000 u t-3 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni osservat li l-produtturi suġġetti għall-akkordju kienu jikkonċernaw għall-inqas 90 % tal-bejgħ fi ħdan iż-ŻEE. Hija b’hekk ikkonkludiet li, fir-rigward ta’ dan il-perijodu, it-totalità tal-bejgħ ta’ ħġieġ tal-vetturi fi ħdan iż-ŻEE, mid-destinatarji tad-deċiżjoni, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni. Fl-aħħar nett, fl-aħħar tal-perijodu ta’ ksur, jiġifieri bejn it-3 ta’ Settembru 2002 u x-xahar ta’ Marzu 2003, l-attivitajiet tal-klabb naqsu wara t-tluq ta’ Pilkington. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkunsidra biss, għal dan il-perijodu, il-bejgħ lill-produtturi tal-vetturi li dwarhom kellha provi diretti tal-akkordju. Ġiet stabbilita medja annwali peżata ta’ dawn iċ-ċifri ta’ bejgħ għal kull fornitur tal-ħġieġ tal-vetturi kkonċernat, billi ġew diviżi l-valuri ta’ bejgħ imsemmija iktar ’il fuq bin-numru ta’ xhur li għalihom kull wieħed mill-imsemmija fornituri kien ipparteċipa fil-ksur u mbagħad ir-riżultat ta’ din id-diviżjoni ġie mmultiplikat bi tnax.

31      Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li l-ksur inkwistjoni, li kkonsista fi tqassim tal-klijenti, kien wieħed mir-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni l-iktar gravi. Fir-rigward tan-natura ta’ dan il-ksur, għall-portata ġeografika tiegħu u għas-sehem mis-suq kombinat tal-impriżi li pparteċipaw fih, il-Kummissjoni kkunsidrat, għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, proporzjon ta’ 16 % tal-valur tal-bejgħ ta’ kull impriża involuta, immultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur. Barra minn hekk, l-ammont bażiku tal-multi ġie miżjud b’“miżata tad-dħul” stabbilita għal 16 % tal-valur tal-bejgħ, għall-finijiet ta’ deterrent.

32      Fil-11 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 863 finali, li tirrettifika d-deċiżjoni kkontestata fuq numru limitat ta’ punti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

34      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata lil din l-Awla.

35      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-12 ta’ Novembru 2013.

36      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernaha;

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

38      Ir-rikorrenti tinvoka numru ta’ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq żball tal-Kummissjoni meta kkunsidrat li pparteċipat fil-ksur uniku u kontinwat li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. F’din il-kawża, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat dan il-motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

39      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma werietx permezz ta’ sensiela ta’ indizji preċiżi u konkordanti, li r-rikorrenti kellha l-ħsieb tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti għall-akkordju kkontestat riedu jilħqu, li hija kienet taf bl-aġir illegali ppjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet, b’mod raġonevoli, tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan.

40      Minbarra l-fatt li l-ksur beda iktar minn erba’ snin qabel l-ewwel kuntatti li huma kkontestati lir-rikorrenti, magħmula ma’ AGC/Splintex, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-rikorrenti la assistiet u lanqas ma kienet irrappreżentata f’waħda mill-ħafna laqgħat bilaterali jew trilaterali tal-klabb. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma werietx li r-rikorrenti kienet taf li l-aġir kien parti mill-pjan globali li kien ġie żviluppat qabel mill-parteċipanti l-oħra.

41      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li qabel is-sena 2001, Saint-Gobain, Pilkington u AGC simultanjament żiedu b’mod sinjifikattiv l-prezzijiet li jitolbu għall-provvista tal-ħġieġ ċatt, li jikkostitwixxi l-materja prima li minnu jipproduċu t-twieqi tal-vetturi. Skont ir-rikorrenti, dan il-fatt biss, madankollu, ma jippermettilhiex tifhem li dawn l-impriżi kienu kkonkludew ftehimiet dettaljati u organizzati li jikkonċernaw, minn naħa, it-tqassim tal-kuntratti, il-prezzijiet u t-tnaqqis li lesti li joffru u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp kif ukoll l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ kumpens, barra minn hekk għall-produtturi kollha ta’ vetturi, la li tirrealizza li l-ikbar tliet produtturi jorganizzaw laqgħat regolari ħafna dwar dawn il-ftehimiet. Id-dokumenti misjuba għand ir-rikorrenti, l-iktar l-iktar kienu jippermettu li jiġi stabbilit li hija kienet taf li l-kumpanniji l-oħra, bħal Saint-Gobain u AGC, kellhom ċerti kuntatti mhux xierqa fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni.

42      Għalhekk, kien żbaljat li l-Kummissjoni b’mod partikolari bbażat ruħha, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, fuq ir-riferimenti dwar ir-rikorrenti fin-noti meħuda minn impjegati ta’ Saint-Gobain, Pilkington u AGC. Fil-fatt, dawn ir-riferimenti jistgħu jiġu spjegati mill-fatt li dawn it-tliet produtturi l-kbar jipprovdu lir-rikorrenti bi ħġieġ ċatt u għalhekk kellhom għarfien tajjeb tal-kapaċitajiet produttivi tagħhom, iżda wkoll kellhom informazzjoni fuq il-kostrutturi ta’ vetturi li tipprovdilhom it-twieqi bħal Volkswagen u Fiat.

43      L-ebda wieħed mill-elementi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u waqt il-proċedura ġudizzjarja ma kien ta’ natura tali li jtaffi dawn il-kritiki. Dan jirriżulta wkoll, b’mod partikolari, mit-traskrizzjoni miktuba bl-idejn dwar konversazzjoni telefonika bejn persuna responsabbli mill-bejgħ tar-rikorrenti u rappreżentant ta’ Saint-Gobain f’Mejju 2002. La dan id-dokument u lanqas ċerti kuntatti telefoniċi ma’ AGC ma jippermettu, fil-fatt, li jiġi stabbilit li r-rikorrenti kkonkludiet ftehim ma’ impriżi oħra li jipproduċu twieqi tal-vetturi dwar it-tqassim tal-kuntratti għall-kunsinna ta’ diversi biċċiet ta’ twieqi għal Volkswagen Passat. Madankollu, jirriżulta mill-fajl tal-Kummissjoni li Saint-Gobain, Pilkington u AGC kienu ddeċidew li dan il-kuntratt ikun suġġett għal tqassim ta’ provvista identika għal dik li seħħet għall-mudell preċedenti ta’ din il-vettura, inkluża għalhekk il-provvista ta’ twieqi mir-rikorrenti. L-għoti lir-rikorrenti minn Volkswagen, ta’ kuntratt ta’ provvista għal ċerti biċċiet ta’ twieqi għal Volkswagen Passat il-ġdida jista’ jiġi biss spjegat mill-kwalità eċċellenti tal-ħġieġ li hija kienet ipprovdiet għall-mudell preċedenti, bi prezz kompetittiv. Din id-deċiżjoni għalhekk hija estranja għal kull ftehim eventwali ta’ qsim tas-suq li r-rikorrenti ħadet sehem fih. Barra minn hekk, din it-traskrizzjoni tindika li r-rikorrenti ma pparteċipat fl-ebda ftehim fir-rigward tal-kuntratt dwar il-vettura Opel Frontera l-ġdida. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kuntratt dwar il-vettura Lancia Lybra (vettura prodotta mill-grupp Fiat), jirriżulta biss minn din it-traskrizzjoni li Saint-Gobain kienet irreaġixxiet b’mod negattiv għat-tentattiv tar-rikorrenti li tikseb dan il-kuntratt. Madankollu, din l-intimidazzjoni bl-ebda mod ma tfisser li r-rikorrenti kienet parti fil-ftehim eventwali dwar dan il-kuntratt.

44      Fir-rigward tal-kuntatti tagħha ma’ AGC fuq il-produtturi Fiat u Iveco f’Novembru u f’Diċembru 2001, ir-rikorrent, filwaqt li tammetti n-natura inadegwata ta’ dawn, issostni li dawn ma rriżultaw fil-konklużjoni tal-ebda ftehim illegali. Ir-rikorrenti żżid li dawn il-kuntatti, f’kull każ, ma kinux relatati mal-akkordju msemmi fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tenfasizza, barra minn hekk, li kienet ippreżentata minn AGC, fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar taħt il-programm ta’ klemenza, bħala terz għall-akkordju bejn it-tliet produtturi l-kbar ta’ ħġieġ tal-vetturi.

45      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkonkludi li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha f’din il-kawża mill-ġurisprudenza li timponi lil impriża li tattendi laqgħat li fihom ftehimiet antikompetittivi sigrieti huma konklużi li tiddistanzja ruħha pubblikament mill-kontenut ta’ dawn il-laqgħat sabiex tevita r-responsabbiltà inkorsa mill-ftehimiet inkwistjoni. Ir-rikorrenti ssostni, fil-fatt, li peress li ma pparteċipat fl-ebda laqgħa tal-klabb, hija ma kinitx taf bl-eżistenza ta’ ftehimiet sistematiċi u dettaljati dwar is-suq kollu tal-ħġieġ tal-karozzi fiż-ŻEE, konkluż minn Saint-Gobain, Pilkington u AGC, li jeskludi l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza inkwistjoni.

46      Fil-fehma tagħha, ir-rikorrenti kienet taf bil-qafas ġenerali li fih il-kuntatti bilaterali tagħha ma’ Saint-Gobain u ma’ AGC kienu rreġistrati kif ukoll bil-għan ta’ koordinazzjoni fis-suq segwit mill-parteċipanti fl-akkordju.

47      Il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrent kellha diversi kuntatti ta’ natura li jipprovdu l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwat. Dawn il-kuntatti seħħew fl-aħħar tal-2001 (ma’ AGC) f’Mejju 2002 (ma’ Saint-Gobain) u matul l-ewwel trimestru tal-2003 (ma’ AGC).

48      Fir-rigward tas-sena 2001, il-Kummissjoni indikat li jirriżulta min-noti ta’ spjega stabbiliti mill-ex direttur tad-dipartiment “Produzzjoni” tar-rikorrenti li aġent ta’ din tal-aħħar, D., kellu taħdidiet ma’ AGC dwar l-għoti ta’ kuntratti għall-provvista ta’ twieqi għal Fiat kif ukoll għas-sussidjarja tagħha Iveco. Skont il-Kummissjoni, dawn in-noti jistabbilixxu li r-rikorrenti aċċettat li ma tikkompetix ma’ AGC għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista għal Fiat, iżda kienu jeżiġu inkambju li AGC tgħolli l-prezzijiet tagħha fil-konfront ta’ Iveco.

49      Sussegwentement, fir-rigward tas-sena 2002, il-Kummissjoni pproduċiet it-traskrizzjoni ta’ konversazzjoni telefonika tad-29 ta’ Mejju 2002 bejn K. H., responsabbli mill-bejgħ tar-rikorrenti, u l-impjegati ta’ Saint-Gobain, li turi li r-rikorrenti kienet taf bl-akkordju bejn it-tliet produtturi l-kbar.

50      Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sena 2003, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq in-noti ta’ spjega ta’ impjegat ta’ AGC, li minnhom jirriżulta li din l-impriża u r-rikorrenti kienu kkuntattjaw lil xulxin sabiex jiddiskutu l-kuntratt ta’ kunsinna ta’ twieqi tal-ġenb intiż għall-mudell il-ġdid tal-vettura Volkswagen Passat.

51      Dawn l-indizji varji huma suffiċjenti biex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, b’mod partikolari f’kuntest fejn ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jiġu permezz ta’ deduzzjonijiet. Il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija pparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur. Huwa wkoll ta’ rilevanza partikolari, li f’din il-kawża, ir-rikorrenti titqies li hija parteċipant ta’ importanza minuri fis-suq ikkonċernat u li għalhekk ma kienx neċessarju li tikkoordina espressament l-għotjiet kollha tal-kuntratti ma’ din l-impriża fil-kuntest tal-akkordju.

52      Madankollu, skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma setgħetx, fl-assenza tal-akkordju, tikkonkludi ftehim ma’ AGC/Splintex, intiż għall-provvista ta’ ħġieġ tal-vetturi lil Fiat. Minn dan isegwi li peress li r-rikorrenti kkonkludiet dan il-ftehim kif ukoll dak ma’ Saint-Gobain dwar il-mudell Volkswagen Passat, hija setgħat raġonevolment tassumi li dawn il-ftehimiet kienu jagħmlu parti minn pjan globali usa li jikkonsisti fit-tqassim tal-provvista tal-ħġieġ tal-vetturi u li jżomm l-istabbiltà tal-partijiet mis-suq tal-impriżi parteċipanti. Iċ-ċirkustanzi li fihom ir-rikorrenti ħadet id-deċiżjoni li tipparteċipa fil-ksur huma irrilevanti f’dan ir-rigward.

53      Din il-kawża hija għalhekk distinta minn dik li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni (T‑28/99, Ġabra p. II‑1845), li hija kkaratterizzata mill-fatt li l-akkordju kien jippreżenta struttura kumplessa, b’livelli nazzjonali u livelli Ewropej. Il-Kummissjoni targumenta wkoll li fil-fatt hekk jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tal-applikanti għal klemenza, li tindika lir-rikorrenti bħala terzi għall-akkordju, b’din id-dikjarazzjoni tkun magħmula fir-rigward ta’ għotja ta’ kuntratt preċiż u li għalhekk ma tistax tittieħed bħala prova li r-rikorrenti kienet totalment esterna għall-akkordju.

54      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li, kif hija wkoll indikat fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, anki qabel id-data tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, it-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi kienu kkunsidraw l-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ twieqi lil din u għalhekk, kienu pprevedew rwol għal din fit-twettiq tal-pjan globali tal-akkordju. Il-Kummissjoni weriet dan il-punt b’riferiment, minn naħa, għal laqgħa bejn l-impjegati ta’ Saint-Gobain u ta’ AGC li seħħet fis-27 ta’ Ottubru 2000 f’lukanda fl-ajruport ta’ Brussell (il-Belġju), b’mod partikolari t-tqassim tal-provvista ta’ twieqi għall-vettura Audi A6, u, min-naħa l-oħra, għal laqgħa bejn l-impjegati ta’ Saint-Gobain, ta’ Pilkington u ta’ AGC/Splintex li saret fid-9 ta’ Novembru 2000 f’lukanda fl-ajruport Charles de Gaulle f’Pariġi, b’mod partikolari dwar l-għoti ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ twieqi tal-ġenb għal Fiat Punto. Il-Kummissjoni żiedet ukoll, matul is-seduta, li dawn ir-riferimenti għar-rikorrenti, għalkemm kienu saru qabel id-data tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, jikkonfermaw li kienet taf jew li kellha neċessarjament tkun taf bl-eżistenza tal-akkordju globali bejn it-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Fuq il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti

–       Osservazzjonijiet preliminari u tfakkir tal-prinċipji

55      Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-akkordju kkontestat jikkonsisti f’għotja konkreta ta’ kuntratti li jirrigwardaw il-provvista tal-ħġieġ tal-vetturi għal kważi l-impriżi kollha li jipproduċu l-vetturi fiż-ŻEE, permezz tal-koordinazzjoni tal-politiki tal-prezzijiet kif ukoll tal-istrateġiji ta’ provvista tal-klijentela. L-għan ta’ dan l-akkordju, li twettaq bejn Marzu 1998 u Marzu 2003, kien, skont din id-deċiżjoni, li jiżgura ż-żamma tal-istabbiltà globali tal-partijiet mis-suq tad-diversi parteċipanti. Regolarment ġew organizzati laqgħat bejn dawn tal-aħħar sabiex mhux biss jiddiskutu l-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista futuri, iżda wkoll sabiex jissorveljaw id-deċiżjonijiet meħuda matul dawn il-laqgħat u l-kuntatti preċedenti. Ftehmu dwar miżuri ta’ korrezzjoni, taħt il-forma ta’ kumpens reċiproku, meta għotjiet li ġew deċiżi qabel instabu li fil-prattika ma kinux biżżejjed biex jiżguraw stabbiltà fil-partijiet mis-suq tal-parteċipanti. Għalhekk, b’mod partikolari, peress li kienu mmotivati minn dan l-għan ekonomiku komuni, dawn id-diversi kuntatti kollużivi kkostitwixxu, skont il-Kummissjoni, ksur uniku u kontinwat fl-Artikolu 81(1) KE.

56      Ir-rikorrenti, li titqies li hija parteċipant nettament iżgħar meta mqabbla ma’ Saint-Gobain, Pilkington u AGC fis-suq tal-ħġieġ tal-vetturi, prinċipalment tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwat. Waqt li hija tammetti li kellha kuntatti mhux xierqa ma’ kompetituri, hija essenzjalment issostni li ma pparteċipat f’ebda laqgħa tal-klabb stabbilit fost dawn il-produtturi, fejn hija setgħet tiġi informata bil-pjan globali tal-akkordju kif ukoll bil-komponenti tiegħu.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell tal-gravità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew għal pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 175 u 176; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Coats Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 70).

58      Għalhekk, minn naħa, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-provi li jistgħu juru, kif titlob il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86) u, min-naħa l-oħra, li l-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tkun għall-benefiċċju tal-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata tali ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Kaimer et vs Il‑Kummissjoni, T‑379/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, hija b’mod partikolari l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-elementi kollha li jippermettu li tiġi konkluża l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ksur u r-responsabbiltà tagħha għad-diversi elementi li din il-parteċipazzjoni tinvolvi (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86). Minn dan isegwi li l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju ma tistax tiġi dedotta minn spekulazzjoni li ssir abbażi ta’ elementi impreċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kaimer et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 69 sa 71).

59      Barra minn hekk, huwa normali li l-attivitajiet li jinkludu prattiki u ftehimiet antikompetittivi jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas għall-minimu. Minn dan isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jiġu stabbiliti permezz ta’ deduzzjonijiet. Għalhekk, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 51). Dawn il-konstatazzjonijiet b’mod partikolari japplikaw ukoll, b’analoġija, għall-prova tal-parteċipazzjoni ta’ impriza għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

60      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rilevat li l-ftehimiet u l-prattiki miftiehma msemmija fl-Artikolu 81(1) KE neċessarjament jirriżultaw mill-kollaborazzjoni ta’ diversi impriżi, li huma lkoll koawturi tal-ksur, iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tieħu għamliet differenti, b’mod partikolari skont il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u l-pożizzjoni ta’ kull impriża f’dan is-suq, l-għanijiet imfittxija u l-metodi ta’ implementazzjoni magħżula jew maħsuba. Konsegwentement, is-sempliċi fatt li kull impriża tipparteċipa fil-ksur b’modi partikolari għaliha ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tagħha għall-ksur kollu, inkluż l-aġir li jiġi materjalment implementat minn impriżi parteċipanti oħra li madankollu jkollu l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 58 iktar ’il fuq, punti 79 u 80, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2012, UPM‑Kymmene vs Il‑Kummissjoni, T‑53/06, punt 53).

61      Għalhekk, impriża li pparteċipat fi ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li kien jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, u li kien intiż li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu, tista’ tkun ukoll responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 83, u UPM-Kymmene vs Il‑Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 52).

62      Madankollu, l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwat ma jfissirx neċessarjament li impriża li tipparteċipa f’parti jew f’numru ta’ partijiet mill-ksur tista’ titqies li hija responsabbli minn dan il-ksur kollu. Barra minn hekk huwa meħtieġ li l-Kummissjoni turi li din l-impriża kienet taf bl-attivitajiet antikompetittivi fuq livell Ewropew tal-kumpanniji l-oħra jew li setgħat raġonevolment tipprevedi dan. Is-sempliċi identiċità tas-suġġett bejn ftehim li fih ipparteċipat impriża u akkordju globali, ma huwiex biżżejjed biex din l-impriża tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 81(1) KE ma japplikax jekk ma jkunx hemm tal-inqas intenzjoni komuni bejn il-partijiet ikkonċernati (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, Ġabra p. II‑1769, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Għalhekk, huwa biss jekk l-impriża, meta hija pparteċipat f’dan il-ftehim, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tinvolvi ruħha f’akkordju globali li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim ikkonċernat jista’ jikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha ma’ dan l-istess akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 45; tas-16 ta’ Novembru 2011, Low & Bonar u Bonar Technical Fabrics vs Il-Kummissjoni, T‑59/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 61, u tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, T‑208/06, Ġabra p. II‑7953, punt 144). Fi kliem ieħor, għandu jiġi stabbilit li din l-impriża kienet biħsiebha tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir illeċitu maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 58 iktar ’il fuq, punti 83, 87 u 203; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, punt 42; u tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Rekiris et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, punt 50).

64      L-impriża kkonċernata għandha għalhekk tkun taf il-portata ġenerali u l-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju globali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 191 u 193, u tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il‑Kummissjoni, T‑385/06, Ġabra p. II‑1223, punti 111 sa 119).

65      Meta dan huwa l-każ, tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija kienet ipparteċipat biss fil-każ tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, fejn xieraq, għad-determinazzjoni tal-multa (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 90; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il‑Kummissjoni, T‑295/94, Ġabra p. II‑813, punt 121).

66      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu l-ksur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet li r-rikorrenti ma kienet ipparteċipat fl-ebda laqgħa tar-rappreżentanti tal-klabb, kemm matul il-perijodu qabel dak li fih il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti pparteċipat fl-akkordju kkontestat kif ukoll matul dan il-perijodu nnifsu.

67      Minn dan isegwi, konformement għall-prinċipji stabbiliti fil-punti 60 sa 64 iktar ’il fuq, li sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur uniku u kontinwat kopert mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għandha turi mhux biss in-natura antikompetittiva tal-kuntatti bejn ir-rikorrenti, minn naħa, u AGC/Splintex u Saint-Gobain, min-naħa l-oħra, bejn Novembru 2001 u Marzu 2003, iżda wkoll li r-rikorrenti kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf, minn naħa, bil-fatt li dawn il-kuntatti kienu intiżi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-pjan globali tal-akkordju u, min-naħa l-oħra tal-portata ġenerali u l-karatteristiċi essenzjali ta’ dawn, kif imfakkra fil-punt 55 iktar ’il fuq

–       Fuq in-natura antikompetittiva tal-kuntatti bejn ir-rikorrenti u ċerti kompetituri tagħha

68      Skont id-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta minn numru ta’ dokumenti u ta’ indizji li r-rikorrenti, permezz tal-aġir tagħha stess, ipparteċipat fit-twettiq tal-għan globali tal-akkordju. Il-Kummissjoni b’mod partikolari tenfasizza li r-rikorrenti kellha kuntatti ta’ natura tali li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwat, fit-tmiem tas-sena 2001 (ma’ AGC/Splintex), f’Mejju 2002 (ma’ Saint-Gobain) u matul l-ewwel trimestru 2003 (ma’ AGC/Splintex).

69      Fir-rigward tas-sena 2001, jirriżulta min-noti ta’ spjega stabbiliti mill-ex direttur tad-dipartiment “Produzzjoni” tar-rikorrenti li aġent ta’ din tal-aħħar, D., kellu taħdidiet ma’ impjegat ta’ AGC/Splintex dwar l-għoti ta’ kuntratti għall-provvista ta’ ħġieġ tal-vetturi għal Fiat kif ukoll għas-sussidjarja tagħha Iveco. Skont il-Kummissjoni, dawn in-noti jistabbilixxu li r-rikorrenti aċċettat li ma tikkompetix ma’ AGC/Splintex għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista għal Fiat. Ir-rikorrenti kienet eżiġiet inkambju li AGC/Splintex tgħolli l-prezzijiet tagħha fil-konfront tal-produttur tal-vetturi kummerċjali ta’ Iveco. Sussegwentement, fir-rigward tas-sena 2002, il-Kummissjoni pproduċiet it-traskrizzjoni ta’ konversazzjoni telefonika tat-22 ta’ Mejju 2002 bejn impjegati ta’ Saint-Gobain u K. H., direttur responsabbli mill-bejgħ tar-rikorrenti, li minnu jirriżulta li din tal-aħħar kienet informata bl-akkordju bejn it-tliet produtturi l-kbar. Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sena 2003, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq in-noti ta’ spjega ta’ impjegat ta’ AGC, G., li jindikaw li din l-aħħar impriża u r-rikorrenti kienu kkuntattjaw lil xulxin sabiex jiddiskutu l-kuntratt ta’ provvista ta’ twieqi tal-ġenb intiż għall-mudell il-ġdid tal-vettura Volkswagen Passat. Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju globali kien ukoll ikkonfermat permezz ta’ dikjarazzjonijiet orali tal-applikanti għal klemenza.

70      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li, jekk id-dokument li għalih isir riferiment fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 249 tad-deċiżjoni kkontestata, bin-numru ta’ referenza PDR12, anness mar-risposta, fih riferiment għar-rikorrenti kif ukoll ħafna mill-kompetituri tagħha fir-rigward tal-provvista ta’ twieqi għall-bieba ta’ Volkswagen Polo, dan id-dokument, madankollu, għandu d-data tad-29 ta’ Lulju 1999. Dan id-dokument huwa għalhekk preċedenti b’iktar minn sentejn għad-data li minnha l-Kummissjoni kkunsidrat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju kkontestat, jiġifieri d-19 ta’ Novembru 2001. Minn dan isegwi li, anki jekk jitqies li dan id-dokument jirrifletti kuntatt antikompetittiv li r-rikorrenti ħadet sehem fih, iżda li l-Kummissjoni għażlet li ma timputax lilha, dan ma għandux ikun ta’ prova tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għall-ksur uniku u kontinwat kopert mid-deċiżjoni kkontestata, bejn id-19 ta’ Novembru 2001 u l-11 ta’ Marzu 2003.

71      Barra minn hekk, jekk diversi dikjarazzjonijiet tal-applikanti għal klemenza tal-25 ta’ Frar u tal-14 ta’ Marzu 2005 jissuġġerixxu ċerti kuntatti bejn Saint-Gobain u r-rikorrenti matul is-sena 2000, il-Kummissjoni ma kkunsidratx, fid-deċiżjoni kkontestata li dawn jippermettu li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-pjan globali tal-akkordju bejn il-membri tal-klabb. Għalhekk, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li, għalkemm is-sitwazzjoni tar-rikorrenti kienet indirizzata mill-membri tal-klabb qabel ix-xahar ta’ Novembru 2001, billi dawn ipprovaw jinkluduha fid-diskussjonijiet billi jieħdu vantaġġ mill-fatt li r-rikorrenti, kuntrarjament għalihom, ma kinitx f’pożizzjoni tipproduċi l-ħġieġ ċatt b’mod awtonomu, il-Kummissjoni kkunsidrat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwat mid-19 ta’ Novembru 2001, data li fiha ċerti kuntatti seħħew bejn ir-rikorrenti u AGC/Splintex.

72      Barra minn hekk, jirriżulta min-noti meħuda bejn id-19 ta’ Novembru 2001 u t-12 ta’ Diċembru 2001 minn H., li dak iż-żmien kien id-direttur tad-dipartiment “Produzzjoni” tar-rikorrenti, li din tal-aħħar, permezz tal-aġent tagħha għall-Italja, D., kellha ċerti kuntatti kollużivi ma’ AGC/Splintex. Għalhekk, mingħajr ma jista’ jiġi dedott minn dawn in-noti, l-eżistenza ta’ ftehim illegali skont l-Artikolu 81(1) KE, huma jissuġġerixxu li għall-inqas D. u M., li dak iż-żmien kienu diretturi ta’ Splintex, kellhom diskussjonijiet ta’ natura antikompetittiva matul dan il-perjodu, dwar il-kontijiet ta’ Iveco u ta’ Fiat. Ir-rikorrenti, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, irrikonoxxiet in-natura mhux xierqa tal-passi meħuda mill-impriża mill-aġent tagħha f’dan il-kuntest.

73      Il-Kummissjoni barra minn hekk tipproduċi wkoll it-traskrizzjoni ta’ telefonata magħmula fit-22 ta’ Mejju 2002 minn D. W. u V. G., li dak iż-żmien kienu responsabbli mill-klijenti l-kbar ta’ Saint-Gobain, u K. H., li dak iż-żmien kien id-direttur tal-bejgħ tar-rikorrenti. Din it-traskrizzjoni ta’ paġna ġiet issekwestrata mill-bini tar-rikorrenti.

74      Jirriżulta minn din it-traskrizzjoni li D. W. u V. G. indikaw lil K. H. li Fiat kienet informat lil Saint-Gobain li kienet irċeviet “offerta tajba ferm” minn “fornitur iżgħar” fir-rigward tal-biċċiet ta’ twieqi intiżi għal Lancia Lybra u li Fiat għarrfet lil Saint-Gobain li din tal-aħħar ma setgħatx iżomm dan is-suq jekk ma kinitx lesta tagħmel offerti ġodda u tipproponi prezzijiet ġodda. Barra minn hekk, skont it-termini ta’ din it-traskrizzjoni, ir-responsabbli mill-klijenti l-kbar ta’ Saint-Gobain għamlu riferiment għall-eżistenza ta’ “ftehim ċar fuq it-twieqi” mar-rikorrenti, li jgħid li l-ebda waħda mill-partijiet għal dan il-ftehim ma għandha tgħaddi “prezz assurd u ċertament mhux għal proġetti ta’ parti oħra”. Ir-responsabbli mill-klijenti l-kbar ta’ Saint-Gobain żiedu li ħassew li r-rikorrenti, bl-aġir tagħha, “wettqet żball […] mingħajr konsultazzjoni”. F’dan ir-rigward, Saint-Gobain insistiet dwar il-kooperazzjoni eżistenti bejn it-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi għall-mudelli Opel Frontera, Audi A3, Audi A6 u Volkswagen Passat. Jirriżulta wkoll mit-traskrizzjoni li Saint-Gobain talbet għal laqgħa ġewwa Aachen (il-Ġermanja) sabiex jiddiskutu “dwar Lybra kif ukoll il-proġetti segwenti”, li din l-aħħar frażi K. H. interpreta bħala li tirreferi għall-vettura Volkswagen Passat. It-traskrizzjoni fl-aħħar nett tispiċċa bir-rimarka li ġejja: “Jekk jogħġbok iżżomx dan id-dokument, ma għandha tibqa’ ebda traċċa ta’ din il-konversazzjoni”.

75      Skont ir-rikorrenti, din it-traskrizzjoni tippermetti biss li tiġi stabbilita l-iskuntentizza espressa minn Saint-Gobain fir-rigward tal-prezzijiet kompetittivi li kienet tagħmel użu minnhom fil-kuntest tal-provvista ta’ twieqi lil Fiat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dak intiż għall-vettura Lancia Lybra.

76      Din l-interpretazzjoni ma tistax madankollu tiġi aċċettata. Fil-fatt, jista’ jiġi dedott mill-ifformular ta’ din it-traskrizzjoni li l-manifestazzjoni tal-iskuntentizza tal-persuni inkarigati mill-klijenti l-kbar ta’ Saint-Gobain lir-rikorrenti kellha l-oriġini tagħha fil-ksur minn din tal-aħħar, ta’ ftehim konkluż ma’ Saint-Gobain dwar il-provvista ta’ ħġieġ tal-vetturi intiża għall-vettura Lancia Lybra. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa superfluwu meta jkun jidher li dan għandu bħala għan li jkun ta’ ostakolu, ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Ensidesa vs Il‑Kummissjoni, C‑198/99 P, Ġabra p. I‑11111, punt 60, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektronisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 136). Għalhekk, il-fatt li impriża li pparteċipat fi ftehim ta’ tqassim tas-suq ma tosservax sussegwentement il-prezzijiet u l-kwoti miftiehma ma huwiex ta’ natura li jeżoneraha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1989, Belasco et vs Il‑Kummissjoni, 246/86, Ġabra p. 2117; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Trefileurope vs Il‑Kummissjoni, T‑141/89, Ġabra p. II‑791, punt 60; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Trefilunion vs Il‑Kummissjoni, T‑148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 79).

77      Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għan-noti mħejjija min G., li dak iż-żmien kien direttur kummerċjali ta’ AGC/Splintex, bejn Jannar u Marzu 2003, li juru l-kuntatti li seħħew bejn ir-rikorrenti u r-rappreżentanti ta’ AGC/Splintex u ta’ Saint-Gobain dwar il-mudell il-ġdid tal-vettura Volkswagen Passat. Dawn in-noti jinkludu fihom data partikolari dwar id-diversi biċċiet ta’ twieqi tal-vettura Volkswagen Passat il-ġdida, b’mod partikolari l-prezzijiet. Huma ripetutament jirreferu għal “kumpens” bejn il-produtturi tal-ħġieġ tal-vetturi u jidhru li jindikaw li r-rikorrenti ser tipproduċi 10 000 biċċa laminata fis-sena.

78      Hekk kif hija stess tammetti, ir-rikorrenti kkuntattjat lil AGC/Splintex numru ta’ drabi permezz tat-telefon fil-bidu tal-2003, sabiex jiddiskutu l-provvista ta’ twieqi għall-vettura Volkswagen Passat il-ġdida. Ir-rikorrenti ssostni, madankollu, li hija fi kwalunkwe każ ma kinitx ġiet żgurata li hija kienet ħadet dan il-kuntratt u li l-ordni għat-twieqi li fl-aħħar mill-aħħar Volkswagen għaddiet seta’ jiġi spjegat min-natura kompetittiva tal-offerta tagħha kif ukoll mill-“kwalità eċċellenti tal-prodott li [hija] kienet pprovdiet għall-mudell Passat preċedenti bi prezz kompetittiv ħafna”. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li t-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi kienu, mill-2001, iddeċidew li jaqsmu l-provvisti intiżi għall-mudell il-ġdid tal-vettura Volkswagen Passat bejn Saint-Gobain, Pilkington u hija stess bl-istess mod bħall-mudell preċedenti, u dan indipendentement mir-rieda tagħha.

79      Dawn l-ispjegazzjonijiet, madankollu, ma jistgħux jintlaqgħu. Huwa minnu li n-noti ta’ G., prodotti mill-Kummissjoni, ma joħorġux mir-rikorrenti nnifisha. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li din, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, irrikonoxxiet l-inadegwatezza tal-kuntatti tagħha ma’ AGC fil-bidu tal-2003. Barra minn hekk, diversi siltiet tad-dikjarazzjonijiet tal-applikanti għal klemenza jikkorroboraw il-fatt li matul kuntatti telefoniċi ma’ AGC/Splintex fl-2003, ir-rikorrenti talbet għall-għoti ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ twieqi tal-ġenb intiż għall-mudell il-ġdid tal-vettura Volkswagen Passat, il-ġdida sabiex iżżomm is-suq li kienet kisbet għall-mudell preċedenti tal-istess vettura. Skont dawn l-istess dikjarazzjonijiet, Saint-Gobain u AGC/Splintex qablu li r-rikorrenti għandha tkompli tipprovdi t-twieqi tal-ġenb tal-vettura Volkswagen Passat il-ġdida. Barra minn hekk, jidher mit-traskrizzjoni tal-konversazzjoni telefonika tat-22 ta’ Mejju 2002 bejn K. H., minn naħa, u D. W. u V. G., min-naħa l-oħra, imsemmija fil-punti 73 sa 76 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti kienet taf, minn dak il-mument, bl-intenzjoni ta’ Saint-Gobain li jiddiskutu t-tqassim tal-provvista ta’ twieqi intiż għall-vettura Volkswagen Passat il-ġdida.

80      Għalhekk, ikun leġittimu li wieħed jassumi li fil-bidu tal-2003, ir-rikorrenti kellha kuntatti kollużivi ma’ AGC/Splintex dwar il-provvista ta’ twieqi tal-ġenb intiżi għall-mudell tal-vettura Volkswagen Passat il-ġdida. Il-fatt li t-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi ddeċidew mill-2001, mingħajr ma kkonsultaw ir-rikorrenti, li l-provvista ta’ twieqi intiża għal dan il-mudell ġdid għandha titqassam bl-istess mod bħall-mudell preċedenti bejn Saint-Gobain, Pilkington u r-rikorrenti huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, anki jekk dan il-fatt jitqies stabbilit, jirriżulta mill-fajl li l-ħruġ tal-mudell Volkswagen Passat il-ġdid wassal għal diskussjonijiet kollużivi speċifiċi li din id-darba implikaw lir-rikorrenti.

81      Għalhekk, jirriżulta mir-raġunament li għadu kif tressaq li huwa mingħajr żball li l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kellha ċerti kuntatti bilaterali ta’ natura antikompetittiva ma’ AGC/Splintex, minn naħa, u Saint-Gobain, min-naħa l-oħra, bejn Novembru 2001 u Marzu 2003.

–       Fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju globali fis-suq tal-ħġieġ tal-vetturi bejn il-membri tal-klabb

82      Konformement mal-prinċipji stabbiliti fil-punti 60 sa 64 iktar ’il fuq, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ċerti kuntatti bilaterali ta’ natura antikompetittiva bejn ir-rikorrenti u AGC/Splintex, minn naħa, u Saint-Gobain, min-naħa l-oħra, bejn Novembru 2001 u Marzu 2003, ma kinux biżżejjed madankollu biex tikkonkludi l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwat li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, peress li ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti ma pparteċipatx f’waħda mill-laqgħat tal-klabb, huwa fil-fatt meħtieġ li jiġi vverifikat jekk, minn naħa, hija kellha tkun taf jew li neċessarjament kellha tkun taf li l-kollużjoni li pparteċipat fiha kienet parti minn pjan globali ta’ dan il-ksur uniku u kontinwat, kif imfakkar fil-punt 55 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, li kienet taf jew li kellha tkun taf il-portata ġenerali u l-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju globali.

83      Għalhekk il-Qorti Ġenerali għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni wettqitx żball meta kkonkludiet li r-rikorrenti kienet taf jew kellha tkun taf, li l-kuntatti kollużivi li ġew diskussi fil-punti 68 sa 81 iktar ’il fuq kienu parti minn akkordju fuq is-suq kollu għall-provvista tal-ħġieġ tal-vetturi fiż-ŻEE, permezz tal-koordinazzjoni tal-politiki tal-prezzijiet kif ukoll tal-istrateġiji ta’ provvista tal-klijentela, bil-għan taż-żamma tal-istabbiltà globali tal-pożizzjonijiet tal-partijiet fuq dan is-suq, flimkien ma’ monitoraġġ regolari tal-partijiet mis-suq kif ukoll miżuri ta’ korrezzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Buchmann vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punti 118 sa 122).

84      F’dan ir-rigward, għandu jingħad, fl-ewwel lok, li fl-ittra ta’ terminazzjoni tal-akkordju kkontestat indirizzata lill-Kummissjoni minn avukat Ġermaniż li kien qed jaġixxi għan-nom ta’ klijent anonimu (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma ġietx ippreżentata bħala impriża li pparteċipat fl-akkordju.

85      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, fil-premessi 113 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata, tirreferi għal żewġ laqgħat importanti tal-klabb li saru fis-6 ta’ Diċembru 2001 u fl-10 ta’ Lulju 2002, matul liema dawn l-impriżi wettqu evalwazzjoni globali tal-funzjonament tal-akkordju kkontestat u adattamenti neċessarji sabiex effettivament titkompla l-kollużjoni tagħhom fuq il-partijiet mis-suq. Ġew żviluppati tabelli matul dawn il-laqgħat, li jindikaw xi previżjonijiet jew għanijiet tal-partijiet mis-suq ta’ kull waħda minn dawn it-tliet impriżi.

86      Issa, minn naħa, huwa stabbilit li r-rikorrenti ma pparteċipat fl-ebda waħda minn dawn iż-żewġ laqgħat, anki jekk dawn seħħew matul il-perijodu li fih il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm parteċipazzjoni min-naħa tagħha fil-ksur. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma hijiex imsemmija fit-tabelli ta’ previżjoni ta’ partijiet mis-suq imħejjija mit-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi matul dawn il-laqgħat.

87      Fit-tielet lok, in-noti bil-miktub eżaminati fil-punti 72 sa 80 iktar ’il fuq ma jippermettux li wieħed jikkonkludi li r-rikorrenti neċessarjament kellha tifhem li, billi kien hemm ċerti skambji bilaterali ta’ natura antikompetittiva ma’ AGC/Splintex u ma’ Saint-Gobain fl-aħħar tal-2001, fl-2002 u fil-bidu tal-2003, hija kienet parti minn akkordju globali intiż sabiex tiġi żgurata stabbiltà tal-partijiet mis-suq tal-parteċipanti f’dan l-akkordju fiż-ŻEE kollu.

88      Diversi siltiet tan-noti meħuda minn impjegat tar-rikorrenti f’Novembru u f’Diċembru 2001 jipprovdu indizji li juru li r-rikorrenti kienet taf li kien hemm ftehim bejn it-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi, li jmur lil hinn mis-suq Taljan. Għalhekk naqraw fin-nota tad-19 ta’ Novembru 2001, li “[M.] huwa favorevoli għal ftehim ma’ Splintex-Soliver, hekk kif ġa kien hemm ftehim ma’ Saint-Gobain u Pilkington […]” u, fin-nota tat-30 ta’ Novembru 2001, li “[M.] ċertament jixtieq jindirizza, f’tali laqgħa, it-twieqi tal-vetturi għall-pajjiżi kollha u mhux biss għall-Italja”. Jirriżulta wkoll min-nota tat-30 ta’ Novembru 2001 li r-rikorrenti kien jaf li M. x’aktarx kien qed ifittex li jestendi d-diskussjoni għall-Ewropa, anki jekk l-istess nota turi li r-rikorrenti inkarigat lil D. “jitkellem biss dwar is-suq Taljan” matul il-laqgħa prevista miegħu fl-4 ta’ Diċembru 2001. Barra minn hekk, jirriżulta min-nota tat-12 ta’ Diċembru 2001 li, għalkemm il-laqgħa seħħet, D. madankollu kien “ferm impreċiż” dwar dan u li, f’din l-okkażjoni, ma “ssemmietx iktar laqgħa [bejn S. B., li dak iż-żmien kien id-direttur tar-rikorrenti, u M., direttur ta’ Splintex]”. Fl-istess nota, H. għal darb’oħra ta “l-impressjoni [li] D. Iddiskuta ma’ M. problemi oħra li ma kellhom xejn x’jaqsam [mar-rikorrenti]”.

89      Ċertament, ukoll it-traskrizzjoni tal-konversazzjoni telefonika tad-29 ta’ Mejju 2002 tirreferi għal “kooperazzjoni” fost it-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi dwar erba’ mudelli ta’ vetturi, li jaqgħu taħt żewġ gruppi fis-settur tal-vetturi, jiġifieri General Motors għall-vettura Opel Frontera u Volkswagen għall-vetturi Audi A3 u A6 kif ukoll għall-vettura Volkswagen Passat. Minħabba fin-natura ta’ dawn il-kuntatti kif ukoll il-kuntest li fih seħħew, ir-rikorrenti raġonevolment setgħat tassumi li dawn il-ftehimiet jew kooperazzjoni kienu ta’ natura antikompetittiva. Ir-rikorrenti ammettiet ukoll, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ż-żidiet sinjifikattivi fil-prezz tal-ħġieġ ċatt li hija kienet iffaċċjata bihom, b’mod partikolari fil-bidu tal-2001, kienu ssuġġerewlha l-eżistenza ta’ kuntatti kollużivi bejn it-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi.

90      Madankollu, dawn l-elementi ma humiex biżżejjed sabiex juru li r-rikorrenti kienet taf jew kellha neċessarjament tkun taf bl-għan ġenerali li jiġi stabbilizzat is-suq tal-ħġieġ tal-vetturi mfittex mill-membri tal-klabb, permezz ta’ numru ta’ prattiki kollużivi li jirrigwardaw kważi l-produtturi kollha tal-vetturi. Għalhekk, ir-riferimenti għal “ftehimiet” jew “kooperazzjoni” ma jipprovdu l-ebda indikazzjoni dwar in-natura u l-portata tal-akkordju bejn it-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi. Bl-istess mod, lanqas ma jista’ jiġi dedott mir-riferiment għal kooperazzjoni dwar erba’ mudelli ta’ vetturi tal-passiġġieri, li jaqgħu biss f’żewġ gruppi tas-settur tal-vetturi, li r-rikorrenti neċessarjament kellha tifhem il-portata globali tal-akkordju, peress li tfittex li jiġi stabbilizzat is-suq kollu, billi tali riferiment setgħa jinftiehem bħala li jirrifletti prattiki antikompetittivi speċifiċi relatati mal-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ provvista, mingħajr ma dan jimplika għan ġenerali ta’ żamma tal-partijiet mis-suq tal-parteċipanti.

91      Għal dawn ir-raġunijiet, id-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi stabbilit li r-rikorrenti kienet taf jew li neċessarjament kellha tkun taf, il-metodi operattivi essenzjali tal-akkordju kkontestat, jiġifieri, l-ewwel nett, il-koordinazzjoni tal-politiki tal-prezzijiet kif ukoll tal-istrateġiji ta’ provvista tal-produtturi tal-vetturi, it-tieni nett, il-fatt li l-laqgħat bilaterali u trilaterali ġew regolarment miżmuma bejn il-membri tal-klabb sabiex jiddiskutu l-monitoraġġ tal-partijiet mis-suq kif ukoll it-twettiq ta’ kollużjonijiet b’mod konkret, deċiż matul il-laqgħat preċedenti dwar l-għoti ta’ kuntratti għall-provvista speċifiċi u, it-tielet nett, il-fatt li l-miżuri ta’ korrezzjoni, taħt il-forma ta’ kumpens għal ċerti kuntratti ta’ provvista, li kienu ġew deċiżi matul l-għoti ta’ kuntratt ta’ provvista ma marrux kif previst, sabiex jiġi żgurat li s-sitwazzjoni globali tal-offerta fiż-ŻEE tkun konformi mat-tqassim miftiehem.

92      Fir-rigward tan-noti meħuda fl-2003 minn impjegat ta’ AGC/Splintex, dawn ma jaffettwawx dawn il-konklużjonijiet peress li, minn naħa, jikkostitwixxu noti interni għal AGC/Splintex u li, min-naħa l-oħra u f’kull każ, dawn ma jkunx fihom elementi li jistabbilixxu li r-rikorrenti kienet taf jew li kellha tkun neċessarjament taf il-portata ġenerali u l-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju kkontestat kif deskritti iktar ’il fuq.

93      Ir-raba’ nett, l-applikanti għal klemenza, f’dikjarazzjoni lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2005, ikkummentat dwar uħud min-noti meħuda minn B., ex direttur tal-bejgħ ta’ AGC/Splintex. Fil-kuntest ta’ din id-dikjarazzjoni, l-applikanti għal klemenza ppreżentat ir-rikorrenti bħala terz għall-akkordju bejn il-membri tal-klabb. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din id-deskrizzjoni ma kinitx saret dwar għoti ta’ kuntratt preċiż, iżda fuq it-tqassim tal-partijiet mis-suq ta’ dawn il-membri fil-konfront tal-produttur Fiat, kif rifless fin-noti meħuda minn B. matul laqgħa tal-klabb li saret fit-30 ta’ April 2002. Għalhekk, din id-deskrizzjoni ma kinitx biss tirrigwarda perijodu li fih il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni, iżda, kienet tikkonċerna wieħed mill-produtturi li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni identifikat l-eżistenza ta’ kuntatti kollużivi bejn ir-rikorrenti u AGC/Splintex, fuq il-bażi ta’ noti bil-miktub meħuda minn impjegat tar-rikorrenti matul Novembru u Diċembru 2001, jiġifieri diversi xhur qabel il-laqgħa tat-30 ta’ April 2002.

94      Barra minn hekk, fl-istess silta mid-dikjarazzjonijiet tagħha, l-applikanti għal klemenza indikat li meta kuntratt kien miksub minn kompetitur ta’ wieħed mill-membri tal-klabb, l-applikanti għal klemenza tiċċita f’dan ir-rigward lir-rikorrenti, li tgħid li tali għotja ta’ kuntratt ta’ provvista ma jagħtix lok għal kumpens. Din il-parti tal-fajl għalhekk tindika li, fi żmien meta l-Kummissjoni kkunsidrat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu li kien is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, l-għoti minn produttur ta’ vetturi ta’ kuntratt ta’ provvista lir-rikorrenti ma kienx jinvolvi l-implementazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens bejn il-membri tal-klabb. Għalhekk, hekk kif b’mod partikolari ġie mfakkar fil-punti 21 u 55 iktar ’il fuq, dan il-mekkaniżmu kellu post ċentrali fl-operat tal-akkordju kkontestat minħabba li jikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan li jiżgura ż-żamma tal-istabbiltà globali tal-partijiet mis-suq tal-impriżi parteċipanti, minkejja l-każijiet fejn it-tqassim tal-kuntratti ta’ provvista deċiżi preċedentement fi ħdan il-klabb naqsu milli jimmaterjalizzaw.

95      Il-ħames nett, l-argument tal-Kummissjoni li r-riferimenti għar-rikorrenti fin-noti meħuda matul il-laqgħat li seħħew fis-27 ta’ Ottubru u fid-9 ta’ Novembru 2000 jikkonfermaw mhux biss li t-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi kienu pprevedew rwol għar-rikorrenti fit-twettiq tal-pjan globali tal-akkordju, iżda wkoll li r-rikorrenti kienet taf jew kellha neċessarjament tkun taf b’dan il-pjan, ma għandux jintlaqa’.

96      Fir-rigward ta’ dan il-punt, għandu jiġi nnotat li ż-żewġ laqgħat li għalihom tirreferi l-Kummissjoni seħħew iktar minn sena qabel id-data li minnha hija kkunsidrat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur kontenzjuż. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkontestat li ħadet sehem f’dawn id-diskussjonijiet jew li kienet informata minn wieħed mill-parteċipanti ta’ dawn bil-kontenut tagħhom. Fir-rigward tal-laqgħa tad-9 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni barra minn hekk irrikonoxxiet fil-premessa 294 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kien hemm l-ebda prova li n-noti dwar din il-laqgħa, li fiha jsir riferiment għar-rikorrenti, kienu ġew abbozzati minn din tal-aħħar u kkomunikati f’isimha minn wieħed mill-parteċipanti.

97      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li peress li dawn ir-riferimenti għar-rikorrenti, li jinsabu fin-noti meħuda kmieni ħafna fil-bidu tal-allegat involviment tagħha fil-ksur u waqt laqgħat fejn ma jkunx jidher li hija pparteċipat, ma jippermettux li jiġi stabbilit li kienet taf jew li kellha tkun neċessarjament taf il-portata ġenerali u l-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju kkontestat kif miġbura fil-qosor fil-punt 55 iktar ’il fuq.

98      Is-sitt nett, fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-Kummissjoni matul is-seduta, għal diversi siltiet mid-dikjarazzjonijiet tal-applikanti għal klemenza, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma humiex ta’ natura tali li jikkontestaw din il-konklużjoni. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda motivazzjoni speċifika intiża li tesponi għalfejn dawn is-siltiet huma ta’ natura, moqrija jew le, flimkien man-noti bil-miktub eżaminati fil-punti 72 sa 80 u 87 sa 92 iktar ’il fuq, li jistabbilixxu li r-rikorrenti kienet taf jew neċessarjament kellha tkun taf il-portata ġenerali u l-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju globali kif ukoll il-fatt li l-kuntatti li kellha mal-kompetituri bejn l-aħħar tal-2001 u Marzu 2003 kienu parti mit-twettiq tiegħu. Min-naħa l-oħra u f’kull każ, dawn is-siltiet ma jwasslux għal tali konklużjoni.

99      Fl-aħħar nett, is-seba’ nett, id-differenza bejn il-kuntest ta’ din il-kawża u dak tal-kawża li tat lok għas-sentenza Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, hekk kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni, ma huwiex determinanti f’din il-kawża.

100    Ċertament, kuntrarjament għall-kawża preżenti, il-kawża Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, li tikkonċerna prattiki kollużivi fis-settur tal-pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda, kienet ikkaratterizzata, hekk kif innotat mill-Kummissjoni, minn struttura ta’ akkordju fuq żewġ livelli, f’dan il-każ nazzjonali u Ewropew. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li Sigma Tecnologie, matul il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim fis-suq Taljan, kienet taf bl-attivitajiet antikompetittivi fuq livell Ewropew ta’ impriżi oħra jew li hija setgħat raġonevolment tista’ tipprevedihom (sentenza Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 44).

101    Madankollu, ma hemm l-ebda raġuni li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-prinċipju implementat mis-sentenza Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, li jgħid li s-sempliċi identiċità tas-suġġett bejn ftehim li fih ipparteċipat impriża u akkordju globali ma huwiex biżżejjed biex din l-impriża tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju globali, għandu jkun limitat għall-ipoteżi ta’ akkordji fejn il-ftehimiet huma konklużi fuq livelli differenti ġeografiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Buchmann vs Il‑Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punti 118 sa 122; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Quinn Barlo et vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, punti 142 sa 151). L-uniku kriterju determinanti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju globali jikkonsisti fil-fatt fl-eżami ta’ jekk din l-impriża, meta hija pparteċipat f’dan il-ftehim jew f’ieħor jew fi prattiki miftiehma, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tinvolvi ruħha f’akkordju globali li jikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha ma’ dan l-istess akkordju.

102    Jirriżulta mir-raġunament espost fil-punti 84 sa 98 iktar ’il fuq li din il-prova ma ġietx ippreżentata mill-Kummissjoni f’din il-kawża. F’dan ir-rigward huwa irrilevanti li l-akkordju kkontestat kien ġie organizzat biss fuq il-livell taż-ŻEE.

103    Hemm bżonn li jingħad ukoll dwar dan il-punt, li l-Kummissjoni ma kinitx sostniet l-affermazzjoni tagħha li, kuntrarjament għall-akkordju fis-suq Taljan fil-kawża li tat lok għas-sentenza Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, huwa improbabbli li d-diskussjonijiet bilaterali ta’ natura antikompetittiva tar-rikorrenti ma’ tnejn mill-kompetituri tagħha kienu kapaċi jagħmlu sens jekk dawn ma kinux parti minn pjan globali usa. Min-naħa l-oħra, hekk kif diġà ġie indikat fil-punt 90 iktar ’il fuq, kien konċepibbli li l-prattiki kollużivi jiġu deċiżi ad hoc fid-dawl tal-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ provvista, mingħajr ma dan jimplika għan ġenerali ta’ żamma tal-partijiet mis-suq tal-parteċipanti għal tali prattiki fis-suq tal-ħġieġ tal-vetturi fiż-ŻEE.

104    Il-provi prodotti mill-Kummissjoni għalhekk ma jikkostitwixxux sensiela ta’ indizji suffiċjenti sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur uniku u kontinwat li jimplika t-tliet produtturi l-kbar tal-ħġieġ tal-vetturi, li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

105    F’dan il-kuntest, hemm lok ukoll li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-rikorrenti ma ddistanzjatx ruħha pubblikament mill-kontenut tal-laqgħat tal-membri tal-klabb sabiex tevita r-responsabbiltà allegatament marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku u kontinwat imwettaq minn dawn tal-aħħar. Fil-fatt, tali konstatazzjoni tkun rilevanti biss fil-każ li l-Kummissjoni tkun issodisfat l-oneru tal-prova li għandha, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il‑Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra p. I‑23, punti 62 u 63).

106    Minn dan isegwi li dan l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

 Fuq il-konsegwenzi, f’termini ta’ annullament, tal-illegalità identifikata fil-kuntest tal-ewwel motiv

107    Minħabba fl-iżviluppi deskritti fil-punti 68 sa 81 iktar ’il fuq, li jindikaw li r-rikorrenti pparteċipat f’xi diskussjonijiet bilaterali ta’ natura antikompetittiva ma’ AGC/Splintex u ma’ Saint-Gobain bejn Novembru 2001 u Marzu 2003, huwa wkoll meħtieġ li jitqiesu l-konsegwenzi, f’termini ta’ annullament, tal-illegalità identifikata fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv.

108    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-att li huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament għandu biss jiġi ddikjarat null u li ma seħħx meta dan ir-rikors huwa fondat (sentenza Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, punt 63 iktar ’il fuq, punt 36). Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha għal annullament bħala fondat, ma jippermettilhiex tannulla awtomatikament l-att ikkontestat fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher ċar li dan il-motiv, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, punt 63 iktar ’il fuq, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Għalhekk, jekk impriża direttament tkun involuta f’wieħed jew iktar mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwat, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, huwa maħsub li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kienet taf bil-komponenti illegali kollha l-oħra previsti jew implementati minn dawn il-parteċipanti fit-tfittxija li jintlaħqu dawn l-għanijiet komuni jew li raġonevolment setgħat tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta r-riskju li joħolqu, il-Kummissjoni tista’ biss tattribwixxilha r-responsabbiltà biss ta’ dak l-aġir li fih kienet direttament ipparteċipat u fl-aġir previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fit-tfittxija sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija minnha u għalhekk li hemm il-prova li hija kienet taf jew setgħet raġonevolment ipprevediethom u li kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenza Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, punt 63 iktar ’il fuq, punt 44). Madankollu, dan ma jwassalx għall-eżenzjoni ta’ din l-impriża mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir li pparteċipat fih jew li setgħat effettivament tinżamm responsabbli tiegħu (sentenza Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, punt 63 iktar ’il fuq, punt 45).

110    Madankollu, ma huwiex possibbli għalhekk li taqsam deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju globali ta’ ksur uniku u kontinwat jekk, minn naħa, l-impriża inkwistjoni kienet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li ġew ikkontestati mhux biss parteċipazzjoni f’dan il-ksur, iżda wkoll kull aġir li jikkostitwixxi dan, u għalhekk li tiddefendi ruħha fuq dan il-punt, u jekk, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni hijiex suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, punt 63 iktar ’il fuq, punt 46).

111    F’din il-kawża, il-Kummissjoni ssostni, fil-kontroreplika tagħha, li l-provi miġbura dwar il-kuntatti bilaterali bejn ir-rikorrenti u AGC/Splintex kif ukoll Saint-Gobain jindikaw l-eżistenza ta’ prattiki miftiehma li huma pprojbiti mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

112    Indipendentement mill-fondatezza eventwali ta’ din l-affermazzjoni, madankollu għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkwalifikax b’mod awtonomu l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntatti bilaterali li hija kellha ma’ AGC/Splintex u Saint-Gobain bejn tmiem is-sena 2001 u Marzu 2003 ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE. Il-Kummissjoni sabet ukoll fil-premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[k]ien ġie deċiż li jkun artifiċjali jekk dan l-aġir kontinwu [tal-impriżi kkonċernati], ikkaratterizzat minn għan waħdieni, jiġi maqsum b’mod li jitqies bħala diversi ċirkustanzi distinti ta’ ksur, filwaqt li bil-kontra ta’ dan, dan [kien] ksur uniku li seħħ b’mod progressiv kemm permezz ta’ diversi ftehim kif ukoll permezz ta’ prattiki miftiehma” (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Aalberts Industries et, C‑287/11 P, punt 65).

113    Madankollu, skont il-prinċipji stabbiliti fil-punt 110 iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, f’ċirkustanzi bħal dawn, tipproċedi hija stess għal tali kwalifika, mingħajr ma tkun qed tnaqqas mill-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 85 KE fir-rigward tat-tressiq ta’ azzjonijiet u tat-trażżin tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors, li l-Artikolu 1(d) u l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ rettifika C (2009) 863 finali, huma annullati, sa fejn, minn naħa, ġiet ikkonstatata l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, mid-19 ta’ Novembru 2001 sal-11 ta’ Marzu 2003, f’akkordju illeċitu fis-suq tal-ħġieġ tal-vetturi fiż-ŻEE u fejn, min-naħa l-oħra, ġiet imposta fuqha multa ta’ EUR 4 396 000 f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ispejjeż

115    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

116    Peress li l‑Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(d) u l-Artikolu 2(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6815 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.125 – Ħġieġ tal-vetturi), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 863 finali, tal-11 ta’ Frar 2009, huma annullati, sa fejn, minn naħa, ġiet ikkonstatata l-parteċipazzjoni ta’ Soliver NV, mid-19 ta’ Novembru 2001 sal-11 ta’ Marzu 2003, f’akkordju illeċitu fis-suq tal-ħġieġ tal-vetturi fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u fejn, min-naħa l-oħra, ġiet imposta fuqha multa ta’ EUR 4 396 000 f’dan ir-rigward.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Ottubru 2014.

Firem

Werrej


Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti

– Osservazzjonijiet preliminari u tfakkir tal-prinċipji

– Fuq in-natura antikompetittiva tal-kuntatti bejn ir-rikorrenti u ċerti kompetituri tagħha

– Fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju globali fis-suq tal-ħġieġ tal-vetturi bejn il-membri tal-klabb

Fuq il-konsegwenzi, f’termini ta’ annullament, tal-illegalità identifikata fil-kuntest tal-ewwel motiv

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.