Language of document : ECLI:EU:T:2014:867

Kawża T‑68/09

Soliver NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-ħġieġ tal-vetturi — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ftehimiet ta’ qsim ta’ swieq u ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Ksur uniku u kontinwat — Parteċipazzjoni fil-ksur”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Ottubru 2014

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni — Applikabbiltà — Grad ta’ saħħa probatorja mitlub mill-provi meqjusa mill-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 48(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

2.      Akkordji — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Impriżi li jistgħu jinstabu fi ksur li jikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’akkordju globali — Kriterji — Oneru tal-prova

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti — Aġir ta’ impriża li tkun ipparteċipat f’kuntatti ta’ natura antikompetittiva iżda li ma tkun ipparteċipat fl-ebda laqgħa tal-akkordju — Ċirkustanzi li ma jippermettux li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju globali

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Portata — Annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni — Kundizzjonijiet — Annullament, fit-totalità tagħha, ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju globali ta’ ksur uniku u kontinwat u li timponi multa, minkejja l-parteċipazzjoni tal-impriża rikorrenti għal ċerti kuntatti ta’ natura antikompetittiva — Deċiżjoni li ma tippermettix lil din l-impriża tifhem għalfejn instabet fi ksur fir-rigward ta’ dawn il-kuntatti, indipendentement mill-parteċipazzjoni tagħha għall-ksur uniku u kontinwat

(Artikolu 81(1) KE; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 57-59)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 60-65, 101, 105)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 76)

4.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-att li huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament għandu biss jiġi ddikjarat null u li ma seħħx meta dan ir-rikors huwa fondat. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha għal annullament bħala fondat, ma jippermettilhiex tannulla awtomatikament l-att ikkontestat fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher ċar li dan il-motiv, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali.

Għalhekk, jekk impriża direttament tkun involuta f’wieħed jew iktar mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwat, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, huwa maħsub li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kienet taf bil-komponenti illegali kollha l-oħra previsti jew implementati minn dawn il-parteċipanti fit-tfittxija li jintlaħqu dawn l-għanijiet komuni jew li raġonevolment setgħat tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta r-riskju li joħolqu, il-Kummissjoni tista’ biss tattribwixxilha r-responsabbiltà biss ta’ dak l-aġir li fih kienet direttament ipparteċipat u fl-aġir previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fit-tfittxija sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija minnha u għalhekk li hemm il-prova li hija kienet taf jew setgħet raġonevolment ipprevediethom u li kienet lesta li taċċetta r-riskju. Madankollu, dan ma jwassalx għall-eżenzjoni ta’ din l-impriża mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir li pparteċipat fih jew li setgħat effettivament tinżamm responsabbli tiegħu.

Madankollu, ma huwiex possibbli għalhekk li taqsam deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju globali ta’ ksur uniku u kontinwat jekk, minn naħa, l-impriża inkwistjoni kienet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li ġew ikkontestati mhux biss parteċipazzjoni f’dan il-ksur, iżda wkoll kull aġir li jikkostitwixxi dan, u għalhekk li tiddefendi ruħha fuq dan il-punt, u jekk, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni hijiex suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward.

Dan ma huwiex il-każ meta d-deċiżjoni inkwistjoni ma tikkwalifikax b’mod awtonomu dan l-aġir ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax, f’ċirkustanzi bħal dawn, tipproċedi hija stess għal tali kwalifika, mingħajr ma tkun qed tnaqqas mill-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 105 TFUE.

(ara l-punti 108-113)